Skip to main content
Volunteers from Tratwa Associacion in Wroclaw in Poland are doing amazing work by producing protective helmets and masks for Wrocław hospitals. ©TRATWA Volunteers from Tratwa Associacion in Wroclaw in Poland are doing amazing work by producing protective helmets and masks for Wrocław hospitals. ©TRATWA

Il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jgħinu biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-COVID-19

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 03/06/2020

Atti żgħar ta’ tjubija u kumpassjoni qed ixerrdu t-tama. Il-parteċipanti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà f’dawn iż-żminijiet diffiċli matul it-tifqigħa tal-COVID-19 huma lesti jgħinu fejn possibbli.

Kemm jekk isir xiri ta’ prodotti tal-merċa, maskri tad-drapp, kif ukoll jekk jinħolqu materjali edukattivi online għat-tfal, dawn iż-żgħażagħ huma motivati u determinati li jilqgħu l-isfidi u jappoġġjaw lil dawk li jkunu fil-bżonn.

Fil-Kroazja, il-voluntiera minn The Circles - Centre for Education, Counselling and Charitable Work kienu qed jgħinu lil persuni anzjani. Minkejja l-limitazzjonijiet bħan-nuqqas ta’ disponibbiltà tat-trasport pubbliku, il-voluntiera qed iġibu prodotti tal-merċa, mediċini u oġġetti neċessarji oħrajn għan-nies fil-bżonn, u b’hekk jgħinu biex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ infezzjoni għall-parti l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna. Fi Szczecin, il-Polonja, il-voluntiera mill-organizzazzjoni Caritas iħejju ħames mitt pakkett tal-ikel għall-anzjani kuljum. Il-voluntiera ospitati fil-fondazzjoni CampoSfera f’villaġġ żgħir fin-Nofsinhar tal-provinċja ta’ Świętokrzyskie fil-Polonja bdew ukoll jappoġġjaw ix-xiri. 

Voluntiera mill-organizzazzjoni Nevo Parudimos fir-Rumanija jinsabu okkupati jħitu maskri protettivi. Huma jagħtuhom lin-nies li ma jifilħux iħallsu biex jixtruhom f’Resita. Bħala punt ta’ tluq, huma xtraw il-qoton u l-lasktu għal 5,000 maskra u nedew kampanja biex jiġbru magni tal-ħjata mingħand in-nies tal-post. Il-voluntiera minn Tratwa Associacion fi Wroclaw fil-Polonja qed jagħmlu xogħol straordinarju billi jipproduċu elmi u maskri protettivi għall-isptarijiet ta’ Wrocław.

Fin-Netherlands, żgħażagħ żviluppaw il-proġett ta’ solidarjetà tagħhom stess imsejjaħ Fresh Table. L-għan tal-proġett hu li jiġi offrut ikel tajjeb għas-saħħa bi prezzijiet raġonevoli. Dawn qed imexxu l-kunsinni tagħhom fi Breda u f’Rotterdam matul il-kriżi tal-COVID-19 meta d-domanda online żdiedet.

L-attivitajiet online kisbu ħafna popolarità. Fil-Finlandja, żgħażagħ nedew proġett ta' solidarjetà msemmi Y-line, li jipproponi konverżazzjonijiet online għall-persuni li jbatu mis-solitudni ma' persuni mħarrġin u kompetenti. Qed jiġu żviluppati attivitajiet edukattivi online għat-tfal minn 3 snin sa 12-il sena minn voluntiera tal-organizzazzjoni ACTOR fir-Rumanija.

Għandek kurżità dwar stejjer oħrajn ta’ parteċipanti? Agħti daqqa’ t’għajn hawnhekk.

Inti motivat ukoll li tgħin? Il-korp Ewropew ta’ Solidarjetà jappoġġja proġetti żviluppati minn organizzazzjonijiet jew żgħażagħ. L-organizzazzjonijiet li jixtiequ jagħmlu differenza jistgħu jissottomettu l-proposti tagħhom għal proġetti ta’ volontarjat, impjiegi jew traineeships sas-7 ta’ Mejju. Iż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw il-proġetti ta’ solidarjetà tagħhom stess u jirċievu sa €500 fix-xahar biex jappoġġjaw l-attivitajiet lokali tagħhom immexxija miż-żgħażagħ. Aktar informazzjoni u l-proċedura ta’ applikazzjoni jinstabu hawnhekk. Il-proġetti se jibdew mill-1 ta’ Awwissu 2020. Tkunx passiv, issieħeb ma’ #EUSolidarity!