Staqsi lil Mariya Gabriel - il-Kumissarju għaż-Żgħażagħ u l-Edukazzjoni
Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ se tiftaħ il-bibien tagħha fi ftit jiem.
Fit-tħejjija għall-avvenimenti kollha li ġejjin, nistednuk tindirizza l-mistoqsijiet tiegħek lil Mariya Gabriel - il-Kummissarju għaż-Żgħażagħ u l-Edukazzjoni. Nilqgħu l-mistoqsijiet tiegħek dwar wieħed mis-suġġetti ta’ hawn taħt:
- Il-programmi l-ġodda tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà 2021-2027: dawn l-opportunitajiet huma għal kulħadd?
- It-tisħiħ tal-involviment taċ-ċittadini żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet, speċjalment matul il-pandemija tal-Covid u kif programmi ġodda se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kultura parteċipattiva.
- Il-programmi l-ġodda tagħna jħaddnu s-sostenibbiltà? Kif jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet u lill-individwi biex iżidu l-prattiki ekoloġiċi?
- L-Ewropa hija lesta għall-era diġitali u kif se jixprunaw it-trasformazzjoni diġitali l-programmi l-ġodda tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà?
- Il-programmi l-ġodda kif se jikkontribwixxu għall-irkupru u l-bini tar-reżiljenza wara l-Covid?
- Ittestja l-ideat tiegħek għal parteċipazzjoni demokratika akbar.
Kull ħaġa oħra li tiġi f’moħħok, relatata maż-żgħażagħ tal-Ewropa, l-opportunitajiet u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika
Min jista’ jieħu sehem?
Jekk għandek bejn 18 u 30 sena, tgħix f’pajjiżi tal-programm tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u taġixxi fil-kapaċità personali tiegħek stess, tista’ tibgħat il-mistoqsija/mistoqsijiet tiegħek lill-Kummissarju. Kwalunkwe entrata mibgħuta minn ġurnalisti u rappreżentanti tal-media mhux se tiġi kkunsidrata.
Kif tieħu sehem
Jekk jogħġbok ibgħat il-mistoqsija tiegħek f’format ta’ video, staqsi l-mistoqsija tiegħek eżatt fil-kamera u ibgħatha:
- Jew permezz ta’ post fuq il-media soċjali: Twitter jew Instagram bl-użu tal-hashtag #EUYouthWeek
- jew bl-email lil EAC-SOCIAL-MEDIA@ec.europa.eu
Il-videos ma jridux ikunu itwal minn 30 sekonda. F’każijiet eċċezzjonali, naċċettaw entrati fil-format ta’ ritratt b’mistoqsija miktuba jew file awdjo. Dawn il-formati jistgħu jintbagħtu bl-istess mod deskritt hawn fuq. Tista’ tistaqsi mistoqsijiet kemm trid.
L-iskadenza għas-sottomissjonijiet hija t-30 ta’ Mejju 00:00 (ħin ta’ Brussell)
Proċedura tal-għażla
L-istaff tal-Kummissjoni Ewropea se jeżamina l-mistoqsijiet mibgħuta u se jfassal lista qasira ta’ entrati li se jidhru fil-video(s) finali mal-Kummissarju. L-għażla se tkun ibbażata fuq il-kwalità tal-videos mibgħuta u r-rilevanza tal-mistoqsijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ. Il-video(s) finali se jittella’(jittellgħu) fuq il-media soċjali: Facebook, Twitter u Instagram.
Il-parteċipanti magħżula jridu jaċċettaw it-Termini u l-Kundizzjonijiet u jimlew il-formola ta’ kunsens biex ikunu eliġibbli.
Kundizzjonijiet
- Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċetta l-ebda responsabbiltà għall-videos li jintilfu, jiġu korrotti, jew jintbagħtu ħażin, jiġri kif jiġri dan.
- Il-Kummissjoni Ewropea taħt l-ebda ċirkostanza mhi se tkun responsabbli għal kwalunkwe telf, ħsara, dannu jew korriment personali tal-parteċipanti jew tal-partijiet terzi u lanqas għal proprjetà, ikkawżata jew imġarrba b’rabta mar-reġistrazzjoni u s-sottomissjoni tal-mistoqsija bil-video.
- Il-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal kwalunkwe spiża mġarrba mill-parteċipanti biex jieħdu sehem f’dan l-eżerċizzju.
Kronoloġija
Se jiġi ddefinit tul ta’ żmien speċifiku biex jintbagħtu l-mistoqsijiet fuq il-posts ta’ Facebook, Instagram u Twitter u l-parteċipanti magħżula jiġu kkuntattjati ftit wara l-iskadenza għas-sottomissjonijiet.
Kriterji tal-għażla
- Il-kriterji tal-għażla se jkunu: l-aderenza mat-Termini u l-Kundizzjonijiet, il-kwalità tal-video u r-rilevanza tal-mistoqsija.
- L-għażla se ssir minn bord magħmul minn staff tal-Kummissjoni Ewropea abbażi tal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-parteċipazzjoni.
Spejjeż
- F’ebda punt il-Kummissjoni Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni oħra li topera f’isimha mhi se titlob kwalunkwe forma ta’ ħlas jew xiri għall-parteċipazzjoni f’dan l-eżerċizzju.
- Il-parteċipanti kollha huma responsabbli għal kwalunkwe nefqa jew spiża li jistgħu jġarrbu b’riżultat tal-parteċipazzjoni billi jirreġistraw u jibagħtu video (inkluża kwalunkwe spiża għall-aċċess tal-Internet).
Aċċettazzjoni tar-regoli
- Is-sottomissjoni ta’ entrata tikkostitwixxi l-aċċettazzjoni tat-Termini ta’ Użu ta’ Instagram, Facebook u Twitter.
- Billi jibagħtu entrata, il-parteċipanti jaqblu li jiġu kkuntattjati mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ Instagram, Facebook, Twitter jew bl-email.
- Il-Kummissjoni Ewropea tirriżerva d-dritt li temenda jew tbiddel dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet fi kwalunkwe ħin, mingħajr avviż u timpenja ruħha li taġġornahom fil-paġna web iddedikata. Hi r-responsabbiltà tal-parteċipant li jikkonsulta t-Termini u l-Kundizzjonijiet b’mod regolari fl-indirizz imsemmi qabel biex isir jaf bi kwalunkwe bidla.
Skwalifika
- L-entrati li ma jikkonformawx mat-Termini u l-Kundizzjonijiet elenkati hawn fuq jistgħu jiġu skwalifikati mingħajr avviż minn qabel.
- Il-parteċipanti li ma jaqblux mat-Termini u l-Kundizzjonijiet jew mal-ipproċessar tad-data personali tagħhom jew li jirtiraw l-approvazzjoni tat-Termini u l-Kundizzjonijiet jiġu awtomatikament skwalifikati.
Drittijiet tal-awtur
- Il-parteċipanti jirrappreżentaw u jiġġustifikaw li huma l-uniċi awturi u detenturi tad-drittijiet tal-kontenut/tax-xogħol tagħhom inkluż fl-entrata tagħhom (jekk ikun hemm), u li ma kisru u mhu se jiksru l-ebda dritt tal-awtur, dritt tal-privatezza, dritt tal-immaġini, jew kwalunkwe dritt ieħor ta’ kwalunkwe parti terza. Kwalunkwe evidenza ta’ plaġjariżmu, li tinkludi l-użu mhux awtorizzat tal-lingwaġġ u l-ħsibijiet ta’ awtur ieħor, billi jirrappreżentawhom bħala tagħhom, tirriżulta fi skwalifika.
- Il-parteċipanti jikkonfermaw ukoll li l-kontenut kollu hu ħieles biex jiġi rilaxxat, li jfisser li l-partijiet terzi kollha involuti li ħolqu jew ipparteċipaw, b’xi mod, għall-ħolqien tal-kontenut taw il-kunsens tagħhom minn qabel għall-użu spjegat hawn fuq.
- Minbarra li għandhom id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, il-parteċipanti jiddikjaraw li kkonformaw mal-liġijiet kollha rilevanti (drittijiet tal-awtur u tal-privatezza, eċċ.) fil-produzzjoni tal-video tagħhom u li kisbu d-drittijiet neċessarji kollha u kisbu l-permessi neċessarji kollha. Il-parteċipanti jridu jikkunsidraw li dan jista’ jinkludi x-xogħol ta’ partijiet terzi (bħal disinji arkitettoniċi, skulturi, ritratti jew trademarks) jew drittijiet tal-immaġni (jekk ritratt juri persuni identifikabbli).
- Il-parteċipanti ma jistgħux jiffilmjaw persuni privati mingħajr il-kunsens tagħhom. It-tfal għandhom bżonn awtorizzazzjoni tal-ġenituri biex jidhru fil-video. Huma u jibagħtu entrata, il-parteċipanti jittrasferixxu b'mod irrevokabbli bħala proprjetà dinjija tal-Unjoni Ewropea l-entrata u d-drittijiet kollha tal-proprjetà intellettwali relatati mal-entrata. L-Unjoni Ewropea takkwista d-drittijiet esklużivi li tuża l-entrata, fejn “tuża” tfisser b’mod partikolari l-ħażna, l-arkivjar, ir-riproduzzjoni, l-editjar, il-modifika, id-distribuzzjoni, il-prestazzjoni, l-ippubblikar, l-ipprintjar, il-wiri, ix-xandir, id-disponibbiltà, il-komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż fuq il-media soċjali, il-ħolqien ta’ xogħlijiet derivattivi, is-sinkronizzar, it-traduzzjoni jew l-użu b’xi mod ieħor tal-entrata, f’formati diġitali kif ukoll materjali.
- L-Unjoni Ewropea takkwista wkoll id-dritt li tawtorizza l-użu mill-ġdid tal-entrata f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (2011/833/UE).
- Il-parteċipant irid jirrinunzja wkoll id-dritt tiegħu li jiġi identifikat bħala l-awtur tal-entrata għall-finijiet tal-użu msemmi hawn fuq. Billi jibgħat l-entrata, il-parteċipant jiġġustifika li abbażi tad-dritt morali tiegħu taħt id-drittijiet tal-awtur mhux se joġġezzjona li ismu jissemma’ jew ma jissemmiex meta l-entrata tiġi ppreżentata lill-pubbliku (pereżempju meta tiġi ppubblikata fuq il-media soċjali).
Liġi applikabbli
Kwalunkwe kontroversja li tikkonċerna dawn it-Termini u l-Kundizzjonijiet għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Unjoni Ewropea, ikkumplementata fejn meħtieġ mil-liġijiet sostantivi tal-Belġju. F'każ li kwalunkwe tilwima, kontroversja jew pretenzjoni li tirriżulta minn jew li għandha x’taqsam ma’ dan is-suġġett ma tkunx tista’ tiġi solvuta b’mod amikevoli bejn il-Parteċipant u l-Unjoni Ewropea, għandha tiġi sottomessa lill-ġuriżdizzjoni esklużiva tal-qrati ta’ Brussell.
Protezzjoni tad-data
- Din l-attività qed tiġi organizzata mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura tal-Kummissjoni Ewropea, l-Unità 01 (il-Kontrollur tad-Data).
- L-informazzjoni personali kollha miġbura, jekk ikun hemm, (isem, nazzjonalità, data tat-twelid, indirizz tal-posta, indirizz tal-email, numru tat-telefown, kontijiet tal-media soċjali) se tinżamm mill-Kontrollur tad-Data, il-Proċessur tad-Data jew ir-rappreżentanti ta’ fiduċja tagħhom u se tintuża biss għall-fini ta’ din l-attività ta’ komunikazzjoni. Din id-data mhux se tingħata lil partijiet terzi. Id-data tinżamm sa sena wara t-tmiem tal-perjodu ta’ sottomissjoni u mbagħad titħassar awtomatikament.
- Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata għall-protezzjoni tad-data personali. Kwalunkwe data personali hija pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725. L-informazzjoni personali kollha pproċessata mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura jew il-kuntratturi tiegħu tiġi ttrattata kif xieraq.
- Jekk il-parteċipanti jixtiequ jivverifikaw liema elementi ta’ data personali huma maħżuna, jitolbu għal modifika, jikkoreġuhom, jew iħassruhom, jew jekk għandhom mistoqsijiet dwar l-informazzjoni pproċessata fil-kuntest ta’ din l-attività, jew dwar id-drittijiet tagħhom, għandhom jikkuntattjaw lit-tim ta’ appoġġ tal-Kontrollur tad-Data f’dan l-indirizz: EAC-SOCIAL-MEDIA@ec.europa.eu .
- Jekk dan ma jkunx biżżejjed biex jissolva t-tħassib tagħhom, għandhom jikkuntattjaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD). Id-dettalji ta’ kuntatt, u d-dettalji tad-drittijiet tas-suġġett tad-data, huma disponibbli fuq is-sit web tal-KEPD f’dan l-indirizz: https://edps.europa.eu/ .
Kuntatt
- Fil-każ li parteċipant jixtieq jirtira l-approvazzjoni tat-Termini u l-Kundizzjonijiet, jista’ jikkuntattja lil EAC-SOCIAL-MEDIA@ec.europa.eu.
- Fil-każ li parteċipant jixtieq jagħmel mistoqsijiet qabel jew wara li jibgħat il-video tiegħu, jista’ jikkuntattja lill-Unità organizzativa f’dan l-indirizz: EAC-SOCIAL-MEDIA@ec.europa.eu.