Skip to main content
© UNESCO © UNESCO

Nisfruttaw iż-żgħażagħ biex nissalvagwardjaw il-patrimonju kulturali – u l-paċi – fil-Jemen

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 29/09/2020

Proġett tal-UNESCO ffinanzjat mill-UE qed jiġġenera l-impjiegi u jagħti s-setgħa liż-żgħażagħ Jemeniti biex jipproteġu l-patrimonju kulturali tagħhom billi jirrestawraw siti storiċi meqruda mill-gwerra. Hemm it-tama li jinħoloq sens ta’ unità u, ġebla fuq oħra, tinbena l-paċi.

Il-Jemen ilu f’kunflitt mill-2015, u dan irriżulta fi kriżi umanitarja enormi li taffettwa lil miljuni ta’ nies. B’70% tal-popolazzjoni taħt l-età ta’ 25 sena, iż-żgħażagħ intlaqtu partikolarment ħażin. Nofshom ma jistgħux isibu xogħol u l-faqar mifrux sew. 

Fl-istess ħin, il-patrimonju kulturali tal-pajjiż – li l-UE tqis bħala komponent kruċjali għall-bini tal-paċi – sofra dannu sostanzjali.

L-UE u l-UNESCO filwaqt li huma ħerqana ħafna li jagħmlu differenza fuq iż-żewġ naħat, ingħaqdu flimkien u ħarġu b’idea innovattiva – proġett ta’ €10 miljun ta’ “flus kontanti għax-xogħol” li jħarreġ u jħallas liż-żgħażagħ urbani biex jissalvagwardjaw siti storiċi, li wħud minnhom huma relikwi ta’ ċivilizzazzjoni antika. 

L-għan? Għajnuna liż-żgħażagħ Jemeniti biex ilaħħqu mal-ħajja, jitgħallmu ħiliet siewja u joħolqu sens ta’ raġuni f’ċirkostanzi diffiċli billi nwassluhom biex jinġabru madwar il-patrimonju kulturali bħala kawża komuni. 

“Din l-inizjattiva għall-impjiegi għaż-żgħażagħ u l-kultura hija kruċjali għall-bini tar-reżiljenza fil-Jemen u biex jiġi appoġġjat il-bini tal-paċi,” Mohammed Jumeh, delegat permanenti tal-Jemen għall-UNESCO, f’avveniment li sar f’Marzu 2020 fi Brussell biex jingħata viżibbiltà l-proġett.

Fi ftit kliem, l-inizjattiva ta’ tliet snin li tibda minn Awwissu 2021 għandha l-għan li timpjega 4,000 żagħżugħ u żagħżugħa – inklużi mill-inqas 500 mara – għal total ta’ 500,000 jum. Il-parteċipanti jaqilgħu $8 sa 12 (€7-10.75) kuljum. 

Ix-xogħol jiffoka fuq is-Siti tal-Partimonju Dinji tal-UNESCO ta’ Sana’a, Shibam u Zabid, kif ukoll fuq il-belt storika ta’ Aden. Dan jista’ jinkludi kollox mit-tiswija tal-faċċati, sat-tiswija tas-soqfa u r-restawr tad-dettalji arkitetturali kumplessi. 

L-appoġġ għas-solidarjetà

L-inizjattiva ġabret ukoll flimkien lil artisti, produtturi tal-films, mużiċisti u persuni kreattivi oħra żgħażagħ Jemeniti li issa jgħixu barra minn pajjiżhom, u tagħtihom is-setgħa li jappoġġjaw lil sħabhom lura f’pajjiżhom li m’għandhomx il-mezzi, l-għodod u r-riżorsi edukattivi biex isegwu s-sengħa tagħhom. 

Waqt il-Forum tad-Diaspora Kulturali taż-Żgħażagħ Jemeneti tal-UNESCO li sar f’Ottubru 2019 bħala parti mill-proġett, membri ta’ dan il-grupp ħarġu b’rakkomandazzjonijiet biex jitrawmu l-kreattività u l-espressjoni kulturali mmexxija miż-żgħażagħ, hekk kif il-kunflitt ikompli għaddej. 

Il-parteċipanta Mariam Al-Dhuebhani, produttur tal-films li bħalissa hi bbażata fil-Qatar, enfasizzat kif iċ-ċinema jista’ jgħin lill-Jemeniti jgħixu fil-paċi. 
“Iċ-Ċinema jgħin fil-koeżistenza,” qalet Al-Dhuebhani, li għandha 29 sena, lill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. “Bħala

Jemeniti, aħna ġejna mifrudin u maqsumin tant drabi sakemm kważi jidher li m’hemm ebda mod kif niġu rikonċiljati. Iżda hemm mod, u dejjem ikun hemm mod. Fl-aħħar mill-aħħar, għandna storja komuni u naqsmu art bejnietna.”

Niffukaw lil hinn mill-gwerra

Barra minn hekk, bħala parti mill-proġett, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Jemen jingħataw għotjiet fuq skala żgħira biex irawmu l-koeżjoni soċjali fost iż-żgħażagħ u jikkontribwixxu għall-industriji kreattivi u għall-iżvilupp kulturali.

Osama Khaled, parteċipant ieħor fil-forum u produttur tal-films Jemenit li issa huwa bbażat f’Berlin, qal li l-proġett – u enfasi fuq il-kultura b’mod aktar wiesa’ – jipprovdi t-tama u jservi ta’ mod importanti kif iż-żgħażagħ jimpenjaw rwieħhom fost in-negattività tal-gwerra. 

“Huwa tassew importanti li noffru perspettiva oħra liż-żgħażagħ,” qal Khaled, 26, lill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

Matul l-2019, l-UE pprovdiet €440 miljun f’finanzjament għall-għajnuna umanitarja lill-Jemen.
 

Involvi ruħek

Flus kontanti għax-xogħol: Nippromwovu Opportunitajiet ta’ Għajxien għaż-Żgħażagħ Urbani fil-Jemen