Skip to main content
© Sharon McCutcheon - Unsplash © Sharon McCutcheon - Unsplash

Drittijiet tal-LGBTI fl-Ewropa

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 02/11/2021

Illum fl-Ewropa, persuni li huma lesbjani, gay, bisesswali, transesswali jew intersesswali (LGBTI) għadhom ibatu minn diskriminazzjoni madwar id-dinja. Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni LGBTI hi prijorità għolja fl-Unjoni Ewropea.

L-Unjoni Ewropea (UE) kienet il-mutur ta’ ugwaljanza għal persuni lesbjani, gay, bisesswali u trans matul dawn l-aħħar 25 sena. L-LGBTI jkopru grupp divers u d-drittijiet tagħhom għandhom jinftiehmu li qed jinkludu wkoll id-drittijiet ta’ komunitajiet oħrajn bħal Queer, Asesswali u Pansesswali. Kulħadd għandu jkun kapaċi jħoss li hu kburi b’dak li hu u b’min iħobb! 

Il-Kummissjoni Ewropea fittxet li tqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet tal-LGBTI, bl-għan li turi lid-dinja li jkun min ikun dak li nħobbu jew min aħna, kulħadd għandu jgawdi l-istess drittijiet. L-UE inkludiet il-protezzjoni tal-persuni LGBTI f’dokumenti legali ewlenin bħat-Trattat ta’ Amsterdam (1997), il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (2000) u direttivi kontra d-diskriminazzjoni. Naturalment, fl-UE s-sitwazzjoni hi differenti minn pajjiż għal ieħor. 

X’inhi s-sitwazzjoni taċ-ċittadini LGBTI fl-Ewropa?

Fl-2013, l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) ippreżentat ir-riżultati ta’ stħarriġ li wera li l-persuni LGBTI fl-UE kollha jesperjenzaw diskriminazzjoni, fastidju, diskors ta’ mibegħda u vjolenza, b’detriment tat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Is-sejbiet tal-Istħarriġ II tal-UE dwar l-LGBTI juru ftit li xejn progress. 

“Għadu xokkanti u sorprendenti li maġġoranza ta’ persuni LGBTI fl-Ewropa kollha mhumiex lesti li jidhru jżommu id is-sieħeb tal-istess sess bħalhom. Xejriet ta’ diskriminazzjoni, anke ta’ vjolenza huma ta’ tħassib kbir. U madankollu, kważi kullimkien, tassew ftit minn dawn in-nies li huma attakkati jirrapportaw l-inċident lill-awtoritajiet." Michael O'Flaherty, id-Direttur tal-FRA, Marzu 2020 

Xi pajjiżi tal-UE qegħdin saħansitra jimmollaw dwar id-drittijiet tal-LGBTI. Id-diskors ta’ mibegħda, kif ukoll l-atti ta’ vjolenza omofobika u transfobika għadhom komuni wisq, anki f’pajjiżi bi progress sinifikanti. Bħalissa l-UE qed taħdem fuq strateġija ġdida biex tindirizza din is-sitwazzjoni.

Is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-LGBTI hi wkoll immonitorjata minn organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ bħall-ILGA-Europe li tippubblika għodda ta’ valutazzjoni komparattiva annwali msejħa Rainbow Europe, li tikklassifika 49 pajjiż fl-Ewropa dwar il-liġijiet u l-politiki dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI tagħhom. 

Interessat li tissieħeb f’organizzazzjonijiet LGBTI li jippromwovu drittijiet ugwali? 

L-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem jipproteġi d-dritt ta’ kull persuna li tesprimi ruħha liberament. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili differenti huma attivi biex jiddefendu d-drittijiet tal-komunità LGBTI u biex jiżguraw li dawk il-prinċipji jiġu rispettati. Xi wħud jirċievu finanzjament mill-UE biex jappoġġjaw l-attivitajiet tagħhom. 

Dawn huma wħud minn dawn in-networks Ewropej, iċċekkja l-azzjonijiet tagħhom u l-lista tal-membri nazzjonali tagħhom għal aktar informazzjoni dwar kif jiddefendu d-drittijiet tiegħek u jieħdu azzjoni:

Tixtieq tirrapporta diskriminazzjoni?

Skont is-sejbiet tal-Istħarriġ dwar l-LGBTI, il-persuni LGBTI spiss ma jirrappurtawx każijiet ta’ diskriminazzjoni peress li jemmnu li xejn mhu se jinbidel (41% ta’ dawk li wieġbu).

Fejn jidħol id-diskors omofobiku u dak transfobiku, li huma tnejn mill-aktar tipi komuni ta’ diskors ta’ mibegħda, tista’ tagħmel differenza billi tirrifjuta li tittollerah!

Jekk inti vittma ta’ diskriminazzjoni, nagħtuk parir tikkuntattja l-korp ta’ ugwaljanza nazzjonali fil-pajjiż ta’ residenza tiegħek jew organizzazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-komunità tal-LGBTI li tista’ tappoġġjak u/jew tiddirieġik lejn is-servizz ta’ appoġġ it-tajjeb.