DiscoverEU
DiscoverEU
Grazzi talli wrejt interess. Il-perjodu ta’ applikazzjonijiet tar-rebbiegħa ta’ DiscoverEU issa ngħalaq. Ir-riżultati tħabbru f’Mejju 2022 u l-parteċipanti ġew innotifikati kif xieraq. Ir-round ta’ applikazzjonijiet li jmiss se jiftaħ fil-ħarifa tal-2022 (id-dati speċifiċi se jitħabbru aktar tard). Żomm ruħek aġġornat jekk għandek 18-il sena jew jekk se tagħlaq 18-il sena fl-2022. Sett ieħor ta’ 35,000 pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU se jkun disponibbli fil-ħarifa u l-informazzjoni ġenerali, ir-regoli u l-FAQs se jiġu aġġornati kif xieraq!
Għandek 18-il sena u int resident legali ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Erasmus+? Ipprepara ruħek biex tesplora l-Ewropa! DiscoverEU hi kburija li hi parti mill-familja tal-Programm tal-Erasmus+ u li tikkontribwixxi għas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 b’ħafna aktar passes tal-ivvjaġġar u opportunitajiet!
X’inhi DiscoverEU?
DiscoverEU hi azzjoni tal-programm tal-Erasmus+ li tagħtik l-opportunità li tiskopri l-Ewropa permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim. Meta tivvjaġġa prinċipalment bil-ferrovija (hemm eċċezzjonijiet biex dawk li jgħixu fuq gżejjer jew f’żoni remoti jkunu jistgħu jieħdu sehem), se tiskopri l-pajsaġġi impressjonanti u l-varjetà bla tmiem tal-ibliet u l-irħula tal-Ewropa. Tista’ tapplika matul iż-żewġ rounds ta’ applikazzjonijiet li jsiru kull sena. L-applikanti magħżulin jingħataw pass tal-ivvjaġġar.
Bħala resident ta’ 18-il sena tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm tal-Erasmus+ bħall-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija, DiscoverEU toffrilek opportunità li tipparteċipa f’esperjenza tal-ivvjaġġar li se tippermettilek tesplora d-diversità tal-Ewropa, titgħallem dwar il-wirt kulturali u l-istorja, u tidħol f’kuntatt ma’ persuni mill-kontinent kollu. Barra minn hekk, DiscoverEU tippermettilek, bħala persuna żagħżugħa, li tiżviluppa ħiliet ta’ ħajja ta’ valur għall-futur tiegħek, bħall-indipendenza, il-fiduċja, u l-ftuħ għal kulturi oħrajn.
ĠDIDA! Mill-ewwel round ta’ applikazzjonijiet tal-2022, il-parteċipanti magħżulin se jirċievu kard ta’ skont ta’ DiscoverEU bi skontijiet fuq żjarat kulturali, attivitajiet ta’ tagħlim, sport, trasport lokali, akkomodazzjoni, ikel, eċċ.
Meta se jsir ir-round li jmiss?
Aktar minn 130,000 żagħżugħ u żagħżugħa ngħataw pass tal-ivvjaġġar sa mill-ewwel round ta’ applikazzjonijiet f’Ġunju tal-2018. Se jiftaħ round ieħor bejn il-Ħamis 7 ta’ April 2022 f’12:00 (CEST) u l-Ħamis 21 ta’ April 2022 f’12:00 (CEST). Meta jasal il-mument, se tidher buttuna “Applika Issa” f’din il-paġna!
Biex tkun eliġibbli, trid:
- tkun twelidt bejn l-1 ta’ Lulju 2003 (inkluż) u t-30 ta’ Ġunju 2004 (inkluż);
- timla n-numru korrett tal-karta tal-identità (ID), tal-passaport jew tal-karta ta’ residenza legali fuq il-formola tal-applikazzjoni online;
- tkun resident legali*, fil-mument tad-deċiżjoni tas-selezzjoni, ta’ wieħed mill-pajjiżi li ġejjin:
- wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea inklużi l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE) jew
- wieħed mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm tal-Erasmus+: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija.
* Għal aktar informazzjoni ara t-taqsima tar-Regoli “2. Applikanti eliġibbli”
Imbagħad ikollok bżonn tipparteċipa fi kwiżż (sakemm ma tapplikax bħala membru ta’ grupp).
Jekk tintgħażel, tista’ tivvjaġġa għal perjodu minimu ta’ jum wieħed u sa 30 jum bejn l-1 ta’ Lulju 2022 u t-30 ta’ Ġunju 2023.
Innota li jekk għandek diżabbiltà jew problema ta’ saħħa li tagħmel il-vjaġġ tiegħek diffiċli, int tirċievi assistenza u appoġġ biex jgħinuk tieħu sehem fl-azzjoni. Iċċekkja l-FAQ C.13 tagħna biex issir taf aktar.
Għadek żgħir wisq biex tipparteċipa f’dan ir-round? Tinkwetax! Se jkun hemm round fil-ħarifa kif ukoll fir-rebbiegħa ta’ kull sena.
Nista’ nivvjaġġa ma’ sħabi?
Iva tista’! Int biss trid tiddeċiedi. Tista’ tmur waħdek jew iżżid sa 4 iħbieb fil-grupp tiegħek jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà ta’ hawn fuq. Huma se jużaw il-kodiċi tal-applikazzjoni tiegħek biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom stess. Ara l-FAQs minn B.5 sa B.11 tagħna biex issir taf aktar.
Tista’ wkoll tikkombina pjanijiet tal-ivvjaġġar ma’ vjaġġaturi oħrajn ta’ DiscoverEU! Il-Grupp ta’ Facebook ta’ DiscoverEU hu pjattaforma tajba biex tagħmel dan. Ingħaqad mal-Grupp issa biex tiċċettja ma’ parteċipanti oħrajn.
Ladarba tintgħażel, l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ se jgħinuk tikkonnettja u titgħallem, torganizza laqgħat ta’ qabel it-tluq u Meet-ups mal-vjaġġaturi.
“Hemm dinja sħiħa hemm barra. Ippakkja l-backpack, l-akbar ħabib tiegħek u mur.”
Aqsam l-esperjenzi
Bħala Ambaxxatur ta’ DiscoverEU, inti tiġi mistieden taqsam l-esperjenzi tiegħek tal-ivvjaġġar, permezz tal-għodod tal-media soċjali bħal Instagram, Facebook u/jew Twitter billi tuża #DiscoverEU. Tista’ tiddeċiedi li tagħti preżentazzjoni fl-iskola tiegħek jew fil-komunità lokali tiegħek. Barra minn hekk, tista’ tipparteċipa wkoll fid-#DiscoverEU photo/video #Competition u tirbaħ premjijiet sbieħ.
Nixtieq inkun naf aktar!
Interessat fir-rounds preċedenti ta’ applikazzjonijiet? Iċċekkja l-iskedi informattivi ta’ DiscoverEU biex taqra aktar dwar l-azzjoni u l-esperjenzi ta’ xi wħud mill-vjaġġaturi żgħażagħ ta’ DiscoverEU.
L-Ewropa qed tistenniek. Ħu l-ewwel pass.
Video TedX ta’ ispirazzjoni minn Vincent-Immanuel Herr