Proġetti ta’ Solidarjetà
X’inhu Proġett ta’ Solidarjetà?
Proġett ta’ Solidarjetà hu attività li persuna żagħżugħa tista’ twettaq fi grupp ta’ ħames persuni jew aktar biex tgħin iġġib bidla pożittiva fil-komunità lokali. Jiġi stabbilit u implimentat miż-żgħażagħ infushom f’post fejn jgħixu.
Aħseb dwar l-isfidi fejn tgħix u l-kawżi li huma importanti għalik. Il-proġett għandu jkun iddedikat għal sfidi fi ħdan il-komunità tiegħek, iżda jista’ jgħin ukoll biex jiġu indirizzati kwistjonijiet reġjonali jew saħansitra nazzjonali. Minbarra li jindirizza l-isfidi lokali, Proġett ta’ Solidarjetà għandu juri wkoll il-valur Ewropew billi jieħu l-prijoritajiet identifikati fil-livell Ewropew bħal, pereżempju, l-inklużjoni, it-tibdil fil-klima, l-involviment demokratiku, iċ-ċittadinanza jew l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Il-proġett jista’ jdum minn xahrejn sa 12-il xahar u huwa prinċipalment part-time. Għalhekk tista’ taħdem fuqu fil-ħin liberu tiegħek.
Min jista' jieħu sehem?
Kull min għandu bejn 18 u 30 sena li jgħix fi kwalunkwe pajjiż parteċipant tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, l-Iżlanda, it-Turkija u l-Maċedonja ta’ Fuq). Minimu ta’ 5 persuni mill-istess pajjiż iridu jiffurmaw grupp. M’hemmx numru massimu ta’ parteċipanti fil-grupp.
X’appoġġ finanzjarju se nikseb?
Tista’ tistenna €500 fix-xahar biex tappoġġja l-proġett tiegħek u dawn huma spejjeż marbuta mal-immaniġġjar u l-implimentazzjoni tal-proġett. Se nkopru wkoll l-ispejjeż marbuta mal-involviment ta’ coach tal-proġett jekk ikun meħtieġ.
Kif napplika?
Faċli tapplika għall-Proġetti ta’ Solidarjetà permezz tal-formoli web. L-applikazzjoni tiegħek se tiġi vvalutata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-pajjiż fejn tgħix. Tista’ tapplika għal finanzjament inti stess jew jekk tixtieq, tista’ tagħżel li taħdem ma’ organizzazzjoni bl-esperjenza meta tapplika għal finanzjament.
Fil-formola ta’ applikazzjoni, se tintalab twieġeb mistoqsijiet bħal għaliex tixtieq twettaq dan il-proġett, kif se tibbenefika l-komunità, u liema attivitajiet qed tippjana matul il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-idea.
Qabel tapplika...
- Oħloq il-grupp tiegħek: Sejjaħ lil żgħażagħ oħra mill-komunità tiegħek u għaqqad il-grupp tiegħek madwar idea jew suġġett komuni.
- Għid lil kulħadd biex jirreġistra: Il-membri kollha tal-grupp iridu jingħaqdu mal-Portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
- Ara li jkollok ID tal-Organizzazzjoni: Membru wieħed tal-grupp irid jieħu r-rwol ta’ “kap tal-grupp” u jirreġistra fis-Sistema ta’ Reġistrazzjoni tal-Organizzazzjoni biex jikseb ID tal-Organizzazzjoni (OID). Biex tirreġistra, se tintalab toħloq Kont tal-EU Login. Tinsiex li tista’ tidentifika organizzazzjoni li lesta li tapplika f’ismek (jew diġà hi rreġistrata fil-Portal tal-Parteċipanti jew għandha OID, jew se tikseb wieħed). Importanti tinnota li tista’ tgħaddi għall-passi li jmiss hekk kif tkun irreġistrajt u ksibt l-OID tiegħek, anke qabel ma jkun ġie approvat.
- Agħmel ix-xogħol tad-dar tiegħek: Aqra l-gwida speċifika - il-Gwida tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà (paġni 52-57) u l-informazzjoni fis-siti web tal-Aġenzija Nazzjonalitiegħek. Jekk ikollok bżonn aktar informazzjoni, tista’ tikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek biex titlob l-għajnuna. L-Aġenzija Nazzjonali se tiggwidak u tgħinek biex tipprepara applikazzjoni li tirnexxi! Agħti daqqa t’għajn lil din il-kopja tal-formola web biex tkun taf x’għandek tistenna meta timla l-formola.
- Oħloq il-proġett tiegħek: agħti struttura lill-ideat tiegħek - aħseb dwar l-objettivi tal-proġett tiegħek, min se jkun fil-grupp tiegħek, x’eżiti qed tistenna li tikseb, kemm se jeħtieġ flus il-proġett tiegħek u liema attivitajiet se jitwettqu u imla l-formola web ta’ applikazzjoni.
..u fl-aħħar nett...
6. Ibgħat l-applikazzjoni tiegħek: Applika online permezz tal-formola web ta’ Proġetti ta’ Solidarjetà ESC31. L-iskadenzi li jmiss huma fit-7 ta ’Mejju 2020 f’12:00 ħin ta’ Brussell u fl-1 ta’ Ottubru 2020 f’12:00 ħin ta’ Brussell. Tinsiex l-iskadenzi, u r-risq!
Paranduskohvik – kafetterija tat-tiswijiet fl-Estonja
L-għan ewlieni tal-kafetterija tat-tiswijiet hu li n-nies isiru konxji mill-impatti ambjentali negattivi tas-soċjetà tal-konsum u biex ikunu mħeġġa jżommu l-ambjent f’qagħda tajba. L-attività ssir fi spazju bbażat fuq il-komunità (workshop miftuħ) li jipprovdi l-għodod kollha li jistgħu jkunu meħtieġa biex jissewwa kull xorta ta’ tagħmir. In-nies huma mistiedna jġibu l-affarijiet miksurin tagħhom u flimkien mal-voluntiera jirranġawhom.
Il-Kamra: Dramm tal-Komunità fl-Irlanda
Il-proġett twieled bħala rispons għall-esklużjoni soċjali ta’ dawk li jfittxu l-ażil fi Newbridge fil-kontea ta’ Kildare. L-għan tiegħu hu li jinħoloq u jiġi implimentat programm teatrali applikat bl-involviment tal-persuni li jfittxu l-ażil li jkun jikkonsisti f’sessjonijiet ta’ ħidma dwar id-drama u jirriżulta fi prestazzjoni parteċipattiva waqt l-avveniment finali teatrali għall-komunità lokali.
Skate park fil-Belġju
L-idea tal-proġett hi li tinħoloq infrastruttura għall-iskateboards u l-BMX fiż-żona lokali. Mhux biss se jkun post fejn jiġu pprattikati attivitajiet sportivi, disponibbli għal kulħadd, iżda wkoll post fejn jiltaqgħu żgħażagħ oħra bl-istess fehmiet.
Brīvbode fil-Latvja
Il-proġett qed jitwettaq bħala segwitu għall-Brīvbode (“ħanut kollox b’xejn” bil-Malti), inizjattiva mnedija minn voluntiera, fejn darba f’ġimgħa n-nies huma mistiedna jieħdu sehem fl-avveniment - billi jġibu dak li m’għandhomx bżonn u jsibu x'inhu meħtieġ, bħal ilbies, kotba u affarijiet għad-dar.
Stedina għal aktar voluntiera fis-santwarji tal-annimali fil-Litwanja
Il-proġett għandu l-għan li jippromwovi l-volontarjat fis-santwarji tal-annimali u biex jgħin itejjeb tliet santwarji tal-annimali fi Klaipeda. Qed jistinka wkoll biex l-istudenti barranin ikunu jistgħu jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet volontarji barra mill-iskola.
Biedja organika fil-Polonja
Il-proġett “Sferyczny ogród badawczy” għandu l-għan li jbiddel id-drawwiet alimentari ħżiena għas-saħħa taż-żgħażagħ u jinkoraġġixxi t-twaqqif ta’ biedja organika proprja. Bħala parti mill-proġett, se jinħoloq pjantaġġun innovattiv ta’ għelejjel ikkultivati taħt serra sferika disponibbli għaż-żgħażagħ lokali biex jattendu u jieħdu sehem fil-proċessi kollha ta’ kultivazzjoni u fl-aħħar jaħsdu l-frott u l-ħxejjex.
Irkupru tal-kosta fl-Italja
L-għan ewlieni tal-proġett “Mare d’Inverno” hu li tiġi rkuprata żona kostali naturali viċin iċ-ċentri urbani ta’ Trani u Barletta. Il-proġett jippjana li jtejjeb u jqajjem kuxjenza dwar il-protezzjoni ambjentali li tinkludi t-tqegħid ta’ mogħdijiet għaċ-ċiklisti u għall-persuni bil-mixi, it-tindif tal-bajjiet u t-tħawwil mill-ġdid tal-ispeċijiet tas-siġar indiġeni.