Skip to main content
© European Union, photo by Juliane Liebermann on Unsplash © European Union, photo by Juliane Liebermann on Unsplash

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa: x’inhi?

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ġimgħa, 17/11/2023

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tlaqqa’ liċ-ċittadini biex jiddibattu dwar l-isfidi u l-prijoritajiet futuri tal-Ewropa.

Jista’ jkun li għal xi żmien qed tisma’ jew taqra li qed isseħħ il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa iżda taf x’inhi eżattament u kif tista’ taqdi r-rwol tiegħek fiha?

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFoE) hija sensiela ta’ dibattiti u diskussjonijiet immexxija miċ-ċittadini li se jippermettu lin-nies mill-Ewropa kollha biex jixxerjaw l-ideat tagħhom u jgħinu biex isawru l-futur komuni tagħna.

Int mistieden tiddiskuti kwalunkwe suġġett ta’ tħassib b’mod liberu u rispettuż, f’konformità mal-valuri tal-UE. Xi wħud mis-suġġetti huma t-tibdil fil-klima u l-ambjent, is-saħħa, l-affarijiet barranin tal-UE, it-trasformazzjoni diġitali, il-migrazzjoni, l-edukazzjoni, il-kultura... madankollu hemm ħafna aktar kwistjonijiet li tista’ tqajjem jekk tqishom importanti għalik u għall-futur tal-UE!

Il-Konferenza hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha: bħala eżerċizzju demokratiku pan-Ewropew ewlieni, il-konferenza toffri forum pubbliku ġdid għal dibattitu miftuħ, inklużiv u trasparenti maċ-ċittadini dwar għadd ta’ prijoritajiet u sfidi ewlenin.

L-istituzzjonijiet tal-UE qed jaħdmu wkoll id f’id, u biex jistabbilixxu l-valur tal-unità tagħhom, il-Presidenza Konġunta tal-Konferenza hija magħmula mill-President tal-Parlament Ewropew, il-President tal-Kunsill u l-President tal-Kummissjoni Ewropea. 

Il-Konferenza, li ġiet imnedija f’Jum l-Ewropa, id-9 ta’ Mejju 2021, se tibqa’ sejra sar-rebbiegħa 2022 meta mistennija tilħaq il-konklużjonijiet u tipprovdi gwida dwar il-futur tal-Ewropa.

Kif se ssir?

L-elementi li ġejjin se jkunu s-sinsla tad-diskussjonijiet: 

  • Pjattaforma diġitali multilingwi – se tkun il-post fejn iċ-ċittadini jaqsmu l-ideat u s-sottomissjonijiet online, li se jinġabru, jiġu analizzati u ppubblikati matul il-Konferenza biex jikkontribwixxu għad-diskussjonijiet;
  • Avvenimenti deċentralizzati – avvenimenti online, wiċċ imb wiċċ u ibridi organizzati min-nies u mill-organizzazzjonijiet, kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Ewropa kollha.
  • Bordijiet taċ-Ċittadini Ewropej – se jiddiskutu suġġetti differenti u jressqu l-proposti tagħhom; dawn se jkunu rappreżentattivi f'termini tal-oriġini ġeografika, il-ġeneru, l-età, l-isfond soċjoekonomiku u/jew il-livell ta’ edukazzjoni;
  • Plenarji tal-Konferenza - se jiżguraw li r-rakkomandazzjonijiet mill-bordijiet nazzjonali u taċ-ċittadini Ewropej, miġburin skont it-temi, jiġu diskussi mingħajr eżitu predeterminat u mingħajr ma jiġi limitat l-ambitu għal oqsma ta’ politika predefiniti.

Għalhekk, il-pjattaforma diġitali multilingwi hija l-aħjar alleat tiegħek biex titkellem u tinvolvi ruħek fid-djalogu pubbliku li jsawwar il-Konferenza.

Min jista’ jieħu sehem?

Kulħadd, speċjalment l-ilħna żgħażagħ Ewropej huma mħeġġa jipparteċipaw u jmexxu t-triq ’il quddiem.
Flimkien maċ-ċittadini, l-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll is-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet oħra li jixtiequ jorganizzaw avvenimenti u jikkontribwixxu ideat huma mistiedna li jaqdu rwol attiv.

Xi jmiss?

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea impenjaw ruħhom li jisimgħu lill-Ewropej u li jagħtu segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li saru fl-isfera tal-kompetenzi tagħhom.

Barra dan, mekkaniżmu ta’ feedback se jiżgura li l-ideat espressi matul l-attivitajiet tal-Konferenza jirriżultaw f’rakkomandazzjonijiet konkreti għal azzjoni tal-UE.

Agħmel l-aħjar użu mill-pjattaforma diġitali multilingwi biex tiżgura li tinvolvi ruħek fid-dibattitu u tkellem dwar it-tħassib tiegħek fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.