© Nick Morrison - Unsplash
Kont taf li l-UE tipprovdik b’ħafna riżorsi ta’ tagħlim elettroniku bla ħlas?
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 21/09/2021
Qatt ma kien hemm żmien aħjar biex nippruvaw it-tagħlim mill-bogħod. Kompli aqra biex tiskopri għażla ta’ riżorsi online u għodod li jippromwovu l-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali għall-istudenti, l-għalliema u l-edukaturi fl-Ewropa kollha.
Biex tgħin lil kull wieħed u waħda minnkom f’dan il-perjodu mħarbat, il-Kummissjoni Ewropea għamlet disponibbli online ħafna materjal ta’ tagħlim elettroniku.
It-tagħlim online: fejn tfittex
L-edukazzjoni skolastika
Għat-tfal tal-iskola
- Penji tipproteġi l-pjaneta: Skopri din l-attività bbażata fuq il-logħob li tgħallem l-istudenti fil-livelli primarju u sekondarju l-importanza tas-sostenibbiltà ambjentali.
- Ir-Rokna tat-Tagħlim: Aċċessa materjal tat-tagħlim, inkluż logħob online, biex l-istudenti ta’ kull grupp ta’ età jiġu megħjuna jiskopru l-UE.
- Moby Click: Skopri materjal tat-tagħlim elettroniku li jappoġġja l-iżvilupp tat-tagħlim imsaħħaħ bit-teknoloġija.
- Il-pjaneta tagħna, il-futur tagħna:It-tibdil fil-klima huwa wieħed mill-aktar sfidi serji li qed tiffaċċja d-dinja tagħna llum. Din il-pjattaforma, iddisinnjata b’mod faċli biex tintuża, tgħin liż-żgħażagħ jiksbu aktar għarfien dwar is-suġġett.
Għall-għalliema:
- Il-pjattaforma School Education Gateway: Skopri katalgu online ta’ materjal tat-tagħlim u opportunitajiet ta' taħriġ għall-għalliema bi 23 lingwa Ewropea.
- eTwinning: Aċċessa pjattaforma kollaborattiva Ewropea għall-għalliema biex tikkomunika, tiskambja riżorsi, u toħloq, f’kooperazzjoni ma’ oħrajn, proġetti disponibbli bi 30 lingwa.
- Kaxxa tal-Għodda Virtwali tal-Għalliema: Esplora riżorsi tat-tagħlim ibbażati fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) biex jgħinu lill-għalliema jipprovdu edukazzjoni miftuħa, online, flessibbli u mtejba bit-teknoloġija.
Edukazzjoni għolja
- EIT – tagħlim online: Aċċessa r-riżorsi li jappoġġjaw il-forniment ta’ tagħlim u apprendiment online ta’ kwalità minn professjonisti tal-edukazzjoni għolja prodotti mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).
Referenzi għaż-Żgħażagħ
- Skambju Virtwali tal-Erasmus+: Esplora opportunitajiet ta’ skambju virtwali online innovattivi għaż-żgħażagħ fl-Ewropa kollha u fin-Nofsinhar tal-Mediterran.
- SALTO-YOUTH: Skopri katalgu online ta’ għodod ta’ taħriġ li jippromwovu u jappoġġjaw ix-xogħol taż-żgħażagħ.
Tagħlim għall-adulti
- Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa (EPALE): Skopri komunità online miftuħa u, multilingwi li tgħaqqad flimkien lill-professjonisti tat-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa kollha biex tgħin issaħħaħ il-kwalità u d-diversità tal-opportunitajiet ta’ tagħlim.
- Code n’ social: Esplora din il-pjattaforma ta’ tagħlim interattiv għal tagħlim tal-ICT ta’ kwalità li jinkludi ħiliet bażiċi ta’ pprogrammar u teknoloġija bażika, għal dawk fir-riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali (AROPE).
Agħmel l-aqwa użu minn dan il-perjodu d-dar u tista’ titgħallem xi ħaġa ġdida kuljum!