Skip to main content
© European Youth Forum © European Youth Forum

Kemm taf dwar il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ?

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 21/10/2020

Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ (‎YFJ) huwa l-pjattaforma tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-Ewropa. L-organizzazzjonijiet membri tiegħu huma kunsilli nazzjonali taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet internazzjonali taż-żgħażagħ mhux governattivi. Flimkien huma l-vuċi taż-żgħażagħ fl-Ewropa

Il-viżjoni tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ hija li tkun il-vuċi taż-żgħażagħ fl-Ewropa, fejn iż-żgħażagħ huma ċittadini ndaqs u mħeġġa biex jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala ċittadini globali.

Biex jegħleb l-isfidi ffaċċjati miż-żgħażagħ, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ għandu l-għan li:

  • jagħti s-setgħa u jħeġġeġ iż-żgħażagħ jipparteċipaw b'mod attiv fit-tfassil tas-soċjetà, u speċjalment għal Ewropa iktar integrata;
  • jippromwovi d-drittijiet u l-opportunitajiet taż-żgħażagħ;
  • Itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ għajxien taż-żgħażagħ; 
  • ikun leħen iż-żgħażagħ fl-Ewropa.

Kif jagħmel dan?

Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ jaġixxi bħala organizzazzjoni ta’ promozzjoni, imexxi kampanji ta’ viżibbiltà għolja u huwa f’kuntatt regolari mal-istituzzjonijiet tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex isemma l-perspettiva taż-żgħażagħ. Il-Forum huwa parti mill-grupp ta’ tmexxija tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ li għandu l-għan li joħloq djalogu bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE.

L-attivitajiet tagħhom jinkludu: 

  • jattira iktar żgħażagħ u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jieħdu sehem fi proġetti soċjali, u speċjalment fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet
  • jinfluwenza l-politiki li jaffettwaw liż-żgħażagħ, billi jkun sieħeb rikonoxxut għal istituzzjonijiet internazzjonali bħall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti;
  • iħeġġeġ l-korpi li jfasslu l-politika biex jitqiesu l-kwistjonijiet taż-żgħażagħ fl-oqsma kollha ta' politika;
  • joħloq organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ vijabbli u ġenwinament indipendenti, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, partikolarment billi jinsisti għal iffinanzjar adegwat
  • jgħaqqad lil żgħażagħ minn ambjenti u pajjiżi differenti biex jisimgħu u japprezzaw l-ideat u l-esperjenzi tagħhom mal-oħrajn;
  • jadotta l-ftehim interkulturali, id-demokrazija, ir-rispett, id-diversità, id-drittijiet tal-bniedem, iċ-ċittadinanza attiva u s-solidarjetà;
  • jikkontribwixxi għall-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ f'partijiet oħra tad-dinja.

Trid tagħmel parti minnu?

Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ huwa organizzazzjoni bbażata fuq is-sħubija, sabiex tkun membru jeħtieġlek tingħaqad ma’ kunsill nazzjonali taż-żgħażagħ jew organizzazzjoni internazzjonali taż-żgħażagħ (iċċekkja l-lista tal-membri). 

Naturalment, bħala individwu tista’ tirċievi informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom (Yo!News) u tappoġġja l-kampanji differenti tagħhom dwar id-drittijiet taż-żgħażagħ.

Skopri kif tista’ tinvolvi ruħek fl-inizjattivi li ġejjin, billi tiċċekkja s-sit web tal-YFJ u l-paġna Facebook tagħhom!