Skip to main content
© Zaretskaya - Fotolia.com © Zaretskaya - Fotolia.com

Festival tal-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ Ewropej: Olimpijadi żgħar tal-istilel tal-futur

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 30/08/2021

Il-Festival Olimpiku taż-Żgħażagħ Ewropej huwa wieħed mill-aqwa avvenimenti għall-atleti żgħażagħ Ewropej li jimmiraw lejn esperjenza internazzjonali.

Il-Festival tal-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ Ewropej (EYOF), imniedi fl-1990, hu l-ewwel avveniment multisportiv Ewropew ewlieni mmirat lejn atleti żgħażagħ fuq l-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej (EOC). Hemm edizzjoni tax-xitwa u edizzjoni tas-sajf, li jsiru f’ċikli ta’ sentejn, fi snin innumerati bil-fard.

Dwar xiex inhu?

L-EYOF jgħallem il-valuri u l-ideali inkorporati fil-prinċipji tal-Karta Olimpika ta’ Pierre Coubertin. Fi ħdan l-ideal Olimpiku, il-Festival jgħin biex joħloq fehim reċiproku mingħajr ebda forma ta’ diskriminazzjoni u jrawwem l-ispirtu ta’ ħbiberija, logħob ġust u tolleranza. Fl-istess ħin iħeġġeġ aktar żgħażagħ biex jipprattikaw l-isport u jadottaw stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa.

“L-EYOF hu l-okkażjoni perfetta biex ngħallmu lill-atleti żgħażagħ mill-Ewropa kollha dwar l-importanza ta’ ideali bħall-kompetizzjoni ġusta, ir-rispett, it-tolleranza u l-ħbiberija.”
Jean-Michel Saive

L-EYOF jgħaqqad liż-żgħażagħ minn massimu ta’ 50 pajjiż Ewropew f’Villaġġ tal-Atleti, u b’hekk isaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea. Il-festival huwa wkoll passaġġ għal-Logħob Olimpiku, b’ħafna rebbieħa ta’ midalji jispiċċaw jirbħlu l-midalji fil-Logħob Olimpiku, u jagħti l-ewwel esperjenza lill-atleti żgħażagħ ta’ kif ikun avveniment Olimpiku.

Min jista' jieħu sehem?

Il-Festivals tal-Logħob Olimpiku taż-Żgħażagħ Ewropej tas-Sajf u tax-Xitwa huma maħsubin għall-atleti żgħażagħ mill-Ewropa kollha li għandhom bejn 14 u 18-il sena. Il-parteċipazzjoni hija miftuħa għall-atleti bejn l-etajiet ta’ 14 u 18-il sena magħżula mill-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tagħhom, li huwa membru tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej (EOC). Fil-festivals tas-sajf jieħdu sehem madwar 3,600 parteċipant, filwaqt li fix-xitwa jkun hemm madwar 1,600 parteċipant.
Jekk ma tkunx atleta, tista’ tkun parti mill-EYOF permezz tal-volontarjat f’wieħed mill-Festivals. Hija opportunità kbira biex tikseb esperjenza bl-organizzazzjoni ta’ avveniment kbir, u b’hekk tiżviluppa ħiliet tal-impjegabbiltà filwaqt li tiltaqa’ ma’ ħafna nies minn pajjiżi Ewropej oħra.

X’jiġri waqt il-Festival?

L-EYOF jimxi fuq l-istess linji bħal-Logħob Olimpiku: it-tnejn li huma għandhom ċerimonji tal-ftuħ u tal-għeluq, il-fjamma Olimpika tinxtegħel matul il-festival kollu, jindaqq l-innu nazzjonali b'unur għar-rebbieħa, u jittellgħu l-bnadar ta' dawk kollha li jirbħu medalja.
Il-Festival tax-Xitwa jinkludi għaxar sports olimpiċi: l-iskijjar Alpin, il-biathlon, il-cross country, il-curling, l-iskejzjar, il-hockey fuq is-silġ, ix-short track, l-iski jumping, l-isnowboarding u n-Nordic ikkumbinat. Il-Festival tas-Sajf jgħodd ħdax-il sport: il-ġinnastika artistika, l-atletika, il-basketball, iċ-ċikliżmu, il-canoe sprint, il-handball, il-judo, l-għawm, it-tennis, il-volleyball u l-lotta.