Skip to main content
© UNHCR/Diego Ibarra Sánchez © UNHCR/Diego Ibarra Sánchez

Is-sitwazzjoni tal-migranti u tar-refuġjati fl-Ewropa

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 14/05/2025

Matul l-istorja, in-nies emigraw minn post għal ieħor. Kuljum, migranti u refuġjati jippruvaw jilħqu lill-UE biex ifittxu l-protezzjoni u ħajja aħjar.

Xi wħud jużaw mezzi legali, oħrajn jirriskjaw ħajjithom fil-baħar, biex jaħarbu mill-oppressjoni politika, mill-gwerra, mid-diżastri naturali u mill-faqar. X’qed tagħmel l-UE biex tindirizza l-kriżi tal-migrazzjoni?

Ifhem id-differenza bejn ir-refuġjati u l-migranti

Ir-refuġjati huma nies li jaħarbu mill-kunflitti armati jew mill-persekuzzjoni. Huma rikonoxxuti bħala tali fil-pajjiż li jilqagħhom abbażi ta’ biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari. Skont il-UNHCR fl-aħħar tal-2018 kien hemm 25,9 miljun refuġjat fid-dinja kollha. Fl-UE, id-direttiva dwar il-kwalifika tistabbilixxi linji gwida għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lil min għandu bżonnha. 

Il-persuni li jfittxu ażil huma persuni li jgħidu li huma refuġjati iżda li għadhom ma ġewx rikonoxxuti bħala tali. Attwalment, iridu japplikaw għal protezzjoni fl-ewwel pajjiż tal-UE li jidħlu fih. Jirċievu status ta’ refuġjati jew forma differenti ta’ protezzjoni internazzjonali biss meta tittieħed deċiżjoni pożittiva mill-awtoritajiet nazzjonali. Dan ifisser li mhux kull persuna li tfittex ażil se tiġi rikonoxxuta bħala refuġjat. Fl-2018, il-pajjiżi tal-UE taw protezzjoni lil kważi 333,400 persuna li kienu qed ifittxu ażil.

Il-migranti*, mill-banda l-oħra, ġeneralment jagħżlu li jiċċaqalqu mhux minħabba theddida diretta jew persekuzzjoni iżda l-aktar biex itejbu ħajjithom: biex isibu xogħol, ifittxu edukazzjoni aħjar, jingħaqdu mal-familja. Ir-refuġjati huma protetti mil-liġi internazzjonali, speċifikament mill-Konvenzjoni dwar ir-Refuġjati tal-1951, fejn il-gvernijiet nazzjonali jittrattaw lill-migranti skont il-liġijiet u l-proċessi dwar l-immigrazzjoni tagħhom stess.

Iċċekkja l-videos tal-UNHCR dwar id-differenza bejn il-migranti u r-refuġjati, dwar il-Persuni Spostati Internament u dwar min jgħin lir-refuġjati.

Inrawmu l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti fl-Ewropa

Flimkien mal-politiki dwar l-ażil, il-programmi għall-protezzjoni tal-fruntieri u l-għajnuna umanitarja, l-UE qed tappoġġja l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetajiet Ewropej, pereżempju permezz tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF)

Għalkemm l-UE tappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġiji effettivi ta’ integrazzjoni, is-sitwazzjoni fuq il-post hi differenti ħafna fl-Istati Membri differenti. Xi drabi dawn il-problemi jmorru għall-agħar meta r-refuġjati jagħlqu 18-il sena u n-networks ta’ appoġġ li kienu jiddependu fuqhom jgħibu minn lejl għal nhar. Barra minn hekk, il-livell ta’ esperjenza dwar kwistjonijiet ta’ integrazzjoni hu differenti fl-Istati Membri differenti. 

Is-sitwazzjoni tal-migranti hi diffiċli wkoll. L-evidenza turi li l-migranti huma affettwati b’mod sproporzjonat minn eżiti mhux favorevoli f’termini ta’ edukazzjoni, impjieg u aċċess għal servizzi bażiċi bħall-kura tas-saħħa u akkomodazzjoni deċenti (tista’ taqra aktar dwar dan fir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tal-2015, fit-taqsima dwar l-inklużjoni).

Fi żmien meta d-diskriminazzjoni, il-preġudizzju, ir-razziżmu u l-ksenofobija qegħdin jiżdiedu, hemm imperattivi legali, morali u ekonomiċi biex jiġu mħarsa d-drittijiet, il-valuri u l-libertajiet fundamentali tal-UE u biex issir ħidma lejn soċjetajiet aktar koeżivi.

Xi ngħidu dwar iż-żgħażagħ bi sfond ta’ migranti?

L-istudenti bi sfond ta’ migranti spiss jiffaċċjaw diffikultajiet waqt li jaġġustaw għal ambjent ta’ tagħlim ġdid. L-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ kollha, inklużi dawk bi sfond ta’ migranti, hi prijorità tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2019-2027).

Mill-2016 ’l hawn, il-Kummissjoni Ewropea qed tappoġġja lill-Istati Membri tal-UE fl-isforzi tagħhom biex jintegraw lill-migranti fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom, mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sal-edukazzjoni għolja. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi identifika tliet prijoritajiet għall-edukazzjoni:

  • li jiġu integrati migranti li għadhom kif waslu fl-istrutturi tal-edukazzjoni formali inklużivi kmieni kemm jista’ jkun possibbli
  • li jiġi impedut in-nuqqas ta’ suċċess fost il-migranti
  • li tiġi impeduta l-esklużjoni soċjali u li jitrawwem id-djalogu interkulturali.

Il-programm Erasmus+, jipprovdi fondi għal proġetti u attivitajiet oħrajn għall-integrazzjoni tal-migranti fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Is-sħubijiet strateġiċi huma maħsuba għall-iżvilupp ta’ prattiki edukattivi innovattivi u jippromwovu kooperazzjoni transnazzjonali. Erasmus+ jappoġġja wkoll il-bini tal-kapaċità fl-edukazzjoni għolja f’pajjiżi sħab li huma partikolarment affettwati mill-konsegwenzi tal-migrazzjoni. 

L-UE qed tikkofinanzja wkoll in-network SIRIUS dwar l-edukazzjoni tal-migranti li jappoġġja l-edukazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ bi sfond ta’ migranti permezz ta’ attivitajiet strateġiċi fil-livell nazzjonali u internazzjonali. 

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni offriet l-aċċess għall-Appoġġ Lingwistiku Online lil aktar minn 100,000 refuġjat u migrant li għadhom kif waslu. Din hi pjattaforma ta’ tagħlim tal-lingwa online bla ħlas li tgħin lill-individwi jintegraw fis-soċjetà li tilqagħhom.

X’tista’ tagħmel biex tappoġġja l-inklużjoni tal-migranti u r-refuġjati?

Hemm diversi modi kif tinvolvi ruħek. Tista’ tibda’ billi tiċċekkja “Il-kontribuzzjoni tax-xogħol fost iż-żgħażagħ fil-kuntest ta’ kwistjonijiet ta’ migrazzjoni u ta’ refuġjati”, kaxxa tal-għodda prattika fejn tista’ ssib opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli. 
Barra dan, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ joffri opportunitajiet tajbin għal impenn sinifikanti f’dan is-suġġett. 
Tista’ tikkontribwixxi għal inizjattivi lokali, tappoġġja kampanji kontra r-razziżmu bħall-“Jum Dinji tar-Refuġjati” fl-20 ta’ Ġunju u l-Kampanja Le għad-Diskors ta’ Mibegħda, jew sempliċiment billi żżomm moħħok miftuħ għall-oħrajn. 

Jekk tagħmel parti minn organizzazzjoni taż-żgħażagħ jew tixtieq tingħaqad ma’ proġett li jrawwem il-fehim interkulturali, is-solidarjetà u l-parteċipazzjoni, l-UE tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament differenti. Fosthom hemm:

  • Erasmus+ joffri varjetà ta’ għotjiet għal proġetti ta’ mobbiltà għat-tagħlim. Tista’ pereżempju torganizza jew tieħu sehem fi skambji taż-żgħażagħ li jinvolvu xogħol mar-refuġjati jew il-migranti. Erasmus+ Sport jipprovdi wkoll għotjiet lil proġetti lokali tal-isport li jiffukaw fuq l-integrazzjoni tar-refuġjati permezz tal-appell tiegħu “L-isport bħala għodda għall-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati”. Kull sena jiġu ppremjati wkoll l-aqwa proġetti permezz tal-Premjijiet Sportivi tal-UE #BeInclusive. Jekk tixtieq issir taf aktar dwar kif l-organizzazzjoni tiegħek tista’ tinvolvi ruħha, ikkuntattja lill-aġenzija nazzjonali f’pajjiżek.
     
  • Il-Fondazzjoni Ewropea taż-Żgħażagħ mill-Kunsill tal-Ewropa toffri wkoll finanzjament lil organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ lokali, nazzjonali u Ewropej. Tagħti għotjiet għal kollox minn attivitajiet edukattivi lokali dwar id-dritijiet tal-bniedem, attivitajiet li jżidu l-għarfien relatati man-nondiskriminazzjoni, sa proġetti Ewropej dwar l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni u t-taħriġ għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ li jaħdmu mar-refuġjati.
     
  • Il-programm tal-UE Ewropa Kreattiva, jappoġġja proġetti li jippromwovu l-inklużjoni soċjali, l-integrazzjoni, id-djalogu interkulturali u l-ġlieda kontra l-ksenofobija u l-preġudizzji. Il-kultura tista’ tkun mezz għar-refuġjati u l-migranti biex jiltaqgħu, jikkomunikaw flimkien u jsiru parti mill-komunitajiet eżistenti.
     
  • Bil-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, iż-żgħażagħ jistgħu jagħmlu volontarjat jew jaħdmu f’attivitajiet ta’ solidarjetà u/jew jibnu l-proġetti ta’ solidarjetà tagħhom stess f’pajjiżhom jew f’pajjiż barrani. L-attivitajiet tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jistgħu jdumu minn xahrejn sa 12-il xahar. Normalment isiru fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

 

* Hemm ambigwità dwar l-użu tal-kelma “migrant”, li m’għandhiex valur legali. Fil-livell internazzjonali, ma teżisti ebda definizzjoni aċċettata universalment għal “migrant”. Tista’ taqra aktar dwarha fil-glossarju tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni hawn