© Philipp Katzenberger - Unsplash
Apprendistati fl-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni
L-aħħar aġġornament sar fi Is-Sibt, 19/09/2020
Interessat fil-qasam tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni? Għax ma tapplikax għal apprendistat tal-ENISA fi Kreta? Jekk tingħażel, tgħaddi minn 3 sa 5 xhur takkwista esperjenza prattika u tagħrif dwar ix-xogħol ta’ kuljum tal-aġenzija.
L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA) taħdem dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-informatika fl-Unjoni Ewropea, dan jinkludi s-sigurtà tan-networks u tal-informazzjoni għall-UE u l-pajjiżi membri, biex b'hekk il-kompjuters, il-mowbajls, l-attivitajiet bankarji u l-Internet tagħna jiffunzjonaw kif suppost sabiex tkun appoġġata l-ekonomija diġitali tal-Ewropa.
Int eliġibbli?
Biex tkun eliġibbli għal apprendistat fl-ENISA, jeħtieġlek:
- tkun gradwat/a żagħżugħ/a, tkun akkwistajt reċentement diploma universitarja jew tkun għadek fil-bidu ta’ karriera professjonali ġdida – preferibbilment b’diploma fix-xjenza tal-kompjuter, il-matematika jew il-fiżika.
- tkun ċittadin/a ta’ pajjiż mill-UE jew ta' pajjiż kandidat, għalkemm jeżistu wkoll għadd limitat ta’ postijiet vakanti għal ċittadini li mhumiex minn Stati Membri.
- ikollok għarfien tajjeb ħafna tal-Ingliż u ta' lingwa oħra tal-UE.
Jekk diġà tkun ibbenefikajt minn kwalunkwe apprendistat jew impjieg f’istituzzjoni jew entità Ewropea, ma tkunx eliġibbli għal apprendistat tal-ENISA. Lanqas ma jista’ jkollok kwalunkwe rbit professjonali ma' terżi partijiet li jista' jkun inkompatibbli mal-apprendistat jew teżerċità kwalunkwe impjieg bi flus ieħor matul l-apprendistat.
Kif tapplika?
Jeħtieġlek tiċċekkja b’mod regolari l-postijiet vakanti fil-websajt tal-ENISA, billi l-għadd ta’ apprendistati offruti f’kull dipartiment jiġi deċiż kull sena. Jekk issib post vakanti li jgħodd għalik, imbagħad tista’ tippreżenta l-formola ta' applikazzjoni tiegħek b’mod elettroniku.
L-apprendisti jirċievu għotja ta’ €700 fix-xahar u r-rimborż għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom lejn il-Greċja u lura.