SPAZJU U PARTEĊIPAZZJONI GĦAL KULĦADD – Għinna biex dan iseħħ!
L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 03/03/2021
Fil-qafas tal-proċess ta’ konsultazzjoni tat-8 ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, taħt is-superviżjoni tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew, qed jitwettaq stħarriġ online biex jinftiehmu l-fehmiet taż-żgħażagħ dwar l-Għan Ewropew taż-Żgħażagħ Nru 9: SPAZJU U PARTEĊIPAZZJONI GĦAL KULĦADD
Iż-żgħażagħ huma politikament attivi, impenjati u spiss fuq quddiem nett ta’ ħafna movimenti globali u organizzazzjonijiet immexxija miż-żgħażagħ. Jeħtieġ li niżguraw li ż-żgħażagħ kollha jkollhom aċċess għad-dritt tagħhom li jipparteċipaw fid-demokrazija u dan ifisser it-tneħħija tal-ostakli u l-ħolqien ta’ opportunitajiet indaqs.
Minħabba li nixtiequ b’mod speċjali noħolqu pontijiet bejn iż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet politiċi – għidilna l-opinjoni tiegħek dwar kif nistgħu nagħmlu dan billi timla dan l-istħarriġ online tat-8 ċiklu tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju 2021! Kif probabbilment taf - dan iċ-ċiklu ta’ konsultazzjonijiet jiffoka fuq l-ispazji taż-żgħażagħ u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u hu marbut mal-Għan Ewropew dwar iż-Żgħażagħ Nru 9: “SPAZJU U PARTEĊIPAZZJONI GĦAL KULĦADD”. Il-konsultazzjoni hi taħt is-superviżjoni tal-Grupp ta’ Tmexxija Ewropew tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ, li l-membri tiegħu huma rappreżentanti mill-kunsilli taż-żgħażagħ, il-ministeri taż-żgħażagħ, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Kummissjoni Ewropea.
Għidilna liema tip ta’ spazji pubbliċi għandek bżonn biex tqatta’ l-ħin ma’ żgħażagħ oħrajn, tiddiskuti l-fehmiet politiċi, tiltaqa’ ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u torganizza proġetti li huma importanti għalik. Nixtiequ niżguraw ukoll li tirċievi informazzjoni ċara dwar kwistjonijiet pubbliċi li huma ta’ interess għalik u li tgħinek tikseb il-ħiliet biex tifhem u taħseb b’mod kritiku dwar dan it-tip ta’ informazzjoni. Għalhekk ġentilment nistednuk timla dan il-kwestjonarju li mhux se jeħodlok aktar minn 8 minuti biex timlieh.