Skip to main content
© Adam Nieścioruk - Unsplash © Adam Nieścioruk - Unsplash

Covid-19 - Kun informat, uri solidarjetà u ħu ħsieb tiegħek innifsek!

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 28/04/2020

Il-pandemija tal-COVID-19 qed tevolvi b’mod rapidu. Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat li d-dinja qed tiffaċċja pandemija minħabba l-gravità u t-tixrid tal-virus.

Hemm eluf ta’ nies infettati fid-dinja kollha. L-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Membri tagħha qed jikkoordinaw b’mod attiv l-isforzi tagħhom biex isibu soluzzjonijiet. X'qed jagħmlu u x’tista’ tagħmel biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek u tipproteġi lill-komunità tiegħek?

 

 

X’inhuma l-miżuri meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha?

 

Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkoordina rispons Ewropew komuni għat-tifqigħa tal-COVID-19. Qed tieħu azzjoni determinata biex issaħħaħ is-setturi tas-saħħa pubblika tagħna u ttaffi l-impatt soċjoekonomiku fl-UE. Qed timmobilizza il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tgħin lill-Istati Membri tagħha jikkoordinaw ir-rispons nazzjonali tagħhom u qed tipprovdi informazzjoni oġġettiva dwar it-tixrid tal-virus u l-isforzi effettivi biex jiġi kkontrollat. Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

 

Pereżempju, l-Istati Membri kollha taż-Żona Schengen approvaw il-proposta għal restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, li tipprevedi l-għeluq tal-fruntieri esterni tat-territorju, għal perjodu ta’ mill-inqas 30 jum. L-UE ħolqot ukoll paġna biex tinforma liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tagħhom.  L-UE qed tinvesti wkoll fi proġetti ta’ riċerka biex tittestja u tiżviluppa trattamenti.

 

Il-miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor prinċipalment minħabba li l-virus qed jinfirex b’pass differenti fl-Ewropa kollha.

 

 

Żomm ruħek informat: iċċekkja s-sorsi uffiċjali

 

Fil-media soċjali hemm ħafna aħbarijiet foloz dwar il-virus. Meta taqra jew tixxerja kontenut, iċċekkja darbtejn il-validità tal-informazzjoni u rreferi għal sorsi affidabbli u aġġornati, bħad-WHO jew il-paġni ta’ informazzjoni dwar il-COVID-19 tal-ECDC, u segwi l-paġni ddedikati tal-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE.

 

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) qed jissorvelja mill-qrib it-tifqigħa, jipprovdi valutazzjonijiet tar-riskju, gwida dwar is-saħħa pubblika, u pariri dwar attivitajiet ta’ rispons lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni tal-UE. Fuq dan is-sit web se ssib informazzjoni utli dwar it-tixrid tal-virus fl-Ewropa inklużi FAQ magħmula tajjeb. 

 

Il-Kummissjoni Ewropea qed tgħin fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib ma’ pjattaformi online. Tista’ tagħmel il-parti tiegħek ukoll billi ma taqsamx mal-oħrajn informazzjoni mhux verifikata li tkun ġejja minn sorsi dubjużi.

 

 

X’tista’ tagħmel biex twaqqaf it-tixrid tal-virus?

  

Biex niġġieldu kontra din il-marda, kull persuna tista’ tieħu miżuri ta’ prekawzjoni. Id-WHO elenkat 7 azzjonijiet li tista’ ssegwi biex tikkontribwixxi għat-twaqqif tat-tixrid tal-virus. Ara l-video biex issir taf liema huma.

https://youtu.be/8c_UJwLq8PI

 

Flimkien ma’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet sanitarji, ħafna pajjiżi qed jirrakkomandaw liċ-ċittadini tagħhom biex jipprattikaw it-tbegħid soċjali (normalment iżommu distanza ta’ mill-inqas metru bejn in-nies) u biex jibqgħu d-dar sabiex jipproteġu lilhom infushom u lill-oħrajn milli jimirdu.

 

#ibqa’d-dar saret buzzword, biex tieħu ħsieb tiegħek innifsek iżda wkoll biex tkun responsabbli għall-komunità akbar. Fil-fatt, għalkemm il-biċċa l-kbira minna jaf ikollna biss sintomi ħfief, minoranza se tbati minn sintomi serji. Billi tibqa’ d-dar tillimita t-tixrid tal-virus, li min-naħa tagħha tbaxxi l-pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa, u żżid l-opportunitajiet tal-ħajja ta’ dawk li jiddaħħlu l-isptar.

 

 

X’tista’ tagħmel biex tgħin lill-oħrajn?

 

L-ewwel nett, għandek tirrispetta r-rakkomandazzjonijiet nazzjonali għat-twaqqif tat-tixrid tal-marda. Imbagħad, tista’ tappoġġja lill-oħrajn f’dan il-perjodu diffiċli. Qed jitfaċċaw ħafna azzjonijiet ta’ solidarjetà hekk kif in-nies jippruvaw jappoġġjaw lil xulxin, speċjalment dawk li huma aktar vulnerabbli. Dan jinkludi li tagħmel ix-xirja għall-ġirien anzjani tiegħek li ma jistgħux iħallu l-appartamenti tagħhom (ara li żżomm id-distanza!), tgħin lit-tfal żgħar bix-xogħol tad-dar tagħhom, eċċ.

 

Diversi pajjiżi appellaw liż-żgħażagħ biex jappoġġjaw lill-gruppi vulnerabbli u jnaqqsu l-impatt soċjali tal-kriżi attwali. Dan huwa l-każ ta’ Franza pereżempju, li tistieden liż-żgħażagħ jagħmlu volontarjat permezz tas-servizz ċiviku nazzjonali. Il-pjattaforma ddedikata rreġistrat 100,000 reġistrazzjoni f’jumejn. Dan juri kemm iż-żgħażagħ huma ħerqana biex juru solidarjetà!

Biex tgħin lin-nies ikampaw bil-lockdown tal-COVID-19, l-Italja nediet il-kampanja ta’ Solidarjetà Diġitali biex il-kumpaniji u l-pubblikaturi tal-internet jipprovdu servizzi b’xejn biex jgħinu lin-nies jaħdmu u jistudjaw mid-dar, jew sempliċement biex itaffu d-dwejjaq minħabba li jinsabu magħluqin ġewwa. Tista’ taċċessa gazzetti online b’xejn, internet aktar rapidu u pjattaformi ta’ tagħlim elettroniku permezz tal-paġna tas-Solidarjetà Diġitali, fejn il-kumpaniji jistgħu jidħlu biex jipprovdu s-servizzi tagħhom pro bono.

 

 

X'effett għandha l-pandemija tal-COVID-19 fuq il-programmi taż-żgħażagħ tal-UE?

 

F’ħafna pajjiżi tal-UE hemm restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u fuq l-għadd ta’ persuni li jistħgu jinġabru flimkien biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus. Ovvjament dan japplika wkoll għal kwalunkwe inizjattiva taż-żgħażagħ tal-UE. Għalhekk, l-UE kkanċellat, ipposponiet jew skedat mill-ġdid bosta inizjattivi li suppost kellhom iseħħu matul ix-xhur tar-Rebbiegħa. Hawn taħt tista’ ssib aktar informazzjoni dwar kull inizjattiva.

 

 

Iċċekkja l-iskeda informattiva mill-Kummissjoni: COVID-19 - pariri prattiċi essenzjali dwar Erasmus+ u l-mobbiltà tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.