Skip to main content
© European Union © European Union

Ejjew nitkellmu dwar l-Ewropa! Iċċekkja s-sett ta’ għodod online tagħna maħluq b’mod konġunt miż-żgħażagħ

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 16/12/2024

Is-sett ta’ għodod hu magħmul minn materjali lesti għall-użu miġbura u prodotti matul il-5 snin ta’ ħajja tal-proġett “Narrattiva Ġdida għall-Ewropa”. Għandu l-għan li jispira aktar diskussjonijiet dwar l-Ewropa u l-futur tagħha. Tista’ toħloq id-dibattitu tiegħek stess!

L-idea tal-inizjattiva “Narrattiva Ġdida għall-Ewropa” kienet li tressaq lill-Ewropa eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha, tqajjem mill-ġdid spirtu “Ewropew” ibbażat fuq il-valuri ewlenin tal-Ewropa, u ssawwar flimkien narrattivi Ewropej ġodda. Fl-ewwel fażi tal-proġett, ir-rappreżentanti tad-dinja kulturali, l-arti u x-xjenza kienu involuti b’mod attiv fid-dibattitu u ħarġu bid-Dikjarazzjoni “The Mind and Body of Europe”, li tippromwovi l-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem. 

Fit-tieni fażi, l-inizjattiva daret fuq iż-żgħażagħ bħala l-atturi ewlenin tal-Unjoni Ewropea. Għal sentejn kien hemm ħafna avvenimenti u dibattiti organizzati fl-Ewropa kollha biex jiġbru l-veduti taż-żgħażagħ dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u x’jaraw bħala elementi importanti tan-narrativa(i) Ewropej. Id-djalogu mal-udjenza żagħżugħa tmexxa permezz ta’ pjattaforma online ddedikata kif ukoll permezz tal-media soċjali. L-ideat taż-żgħażagħ inġabru f’dokument li jelenka “12-il idea għall-futur tal-Ewropa” u aktar tard, rappreżentanti taż-żgħażagħ ħejjew id-dikjarazzjoni “YOUrope for Youth” li kien fiha proposti konkreti għal azzjoni u li ġiet ippreżentata lill-mexxejja politiċi waqt avveniment tal-għeluq fi Brussell. 

Biex inżommu d-diskussjoni fl-Ewropa kollha għaddejja u nieħdu vantaġġ mill-materjal għani miġbur u prodott matul dan il-proġett, ħloqna sett ta’ għodod online. Il-materjali bil-miktub u awdjoviżivi maħżuna hemm, huma disponibbli fl-24 lingwa tal-UE. Dawn jistgħu jintużaw b’mod wiesa’ biex jarrikkixxu jew jispiraw dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, il-valuri Ewropej, il-proġett Ewropew. Ara dak li diġà qalu żgħażagħ oħra, ispira ruħek u oħloq id-dibattitu tiegħek stess! Involvi ruħek u ħu sehem fil-ħolqien konġunt tal-Ewropa ta’ għada!