Skip to main content
© European Economic and Social Committee © European Economic and Social Committee

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! (YEYS) Ipparteċipa mal-iskola tiegħek!

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 10/07/2024

L-Ewropa Tiegħek, Leħnek! (YEYS) huwa l-avveniment annwali taż-żgħażagħ tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew li jgħaqqad liż-żgħażagħ mal-Ewropa.

Kull sena, iż-żgħażagħ li għandhom bejn is-16 u t-18-il sena mill-Istati Membri kollha tal-UE u mill-pajjiżi kandidati uffiċjali tal-UE (l-Albanija, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u t-Turkija) għandhom l-opportunità li jiġu Brussell għal jumejn biex jitgħallmu dwar il-KESE u r-rwol tiegħu, u biex jiskambjaw opinjonijiet u jipproponu rakkomandazzjonijiet dwar suġġett speċifiku li mbagħad se jgħaddu għand l-istituzzjonijiet tal-UE. 
L-edizzjoni tal-2020 ġiet ikkanċellata minħabba t-tifqigħa tal-Covid-19 iżda s-sena d-dieħla tista’ tkun l-iskola tiegħek! 
Fl-2021, taħt it-tema “Il-klima tagħna, il-ġejjieni tagħna!” il-parteċipanti se jkunu jistgħu jieħdu sehem f’simulazzjoni ta’ konferenza internazzjonali tas-COP u jesprimu t-tħassib tagħhom dwar it-tibdil fil-klima. Barra minn hekk, il-parteċipanti se jiġu wkoll f’kuntatt ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali taż-żgħażagħ li se jgħinu biex jittrasformaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom f’miżuri prattiċi.

Kif tapplika

Tista’ tapplika biss mal-iskola tiegħek. Biex tipparteċipa, l-iskola tiegħek trid:

  • tkun skola ta’ livell sekondarju, ta’ kwalunkwe tip, b’studenti li jkollhom bejn is-16 u t-18-il sena;
  • tinsab fi Stat Membru tal-UE jew f’wieħed mill-pajjiżi kandidati;
  • tkun rikonoxxuta mill-awtoritajiet tal-edukazzjoni fi Stat Membru jew f’pajjiż kandidat wieħed jew aktar;
  • ikollha kompjuter (biex taqra u tipprintja fajls PDF), b’aċċess għall-internet u għall-email;
  • tagħżel għalliem u tliet studenti fis-sena ta’ qabel tal-aħħar ta’ kwalunkwe tip ta’ edukazzjoni sekondarja, inklużi skejjel ta’ taħriġ vokazzjonali (li għandhom 16-il sena) li jistgħu jesprimu ruħhom bl-Ingliż;
  • tikkunsidra u tiddiskuti s-suġġett tal-avveniment fil-klassi qabel ma jaslu fi Brussell;
  • tospita membru wieħed tal-KESE għal sessjoni ta’ informazzjoni dwar l-UE u l-Kumitat, ma’ klassi waħda jew aktar tal-iskola magħżula (l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-membru tal-KESE se jitħallsu mill-KESE).

Tiġi aċċettata formola tar-reġistrazzjoni waħda biss għal kull skola.

Wara li tagħlaq ir-reġistrazzjoni, se tintgħażel skola minn kull Stat Membru tal-UE, flimkien ma’ skola minn kull wieħed mill-pajjiżi kandidati.
L-iskejjel magħżulin mbagħad jagħżlu tliet studenti fis-sena ta’ qabel tal-aħħar ta’ kwalunkwe tip ta’ edukazzjoni sekondarja (li għandhom 16-il sena) biex jirrappreżentawhom, kif ukoll għalliem li se jakkumpanjahom. 
Dawn in-nies iridu jkunu jistgħu jesprimu ruħhom bl-Ingliż.

Għal raġunijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-istudenti magħżulin għandhom preferibbilment jinkludu minn tal-inqas tifel wieħed u tifla waħda.
L-iskejjel iridu jiżguraw li l-istudenti b’diżabilità jkunu jistgħu wkoll jieħdu sehem fl-avveniment.

L-avveniment se jsir fi Brussell fil-kwartieri ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Il-KESE se jkopri l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni tal-istudenti u tal-għalliem li jakkumpanjahom.
 
Għal aktar informazzjoni meta se ssir is-sejħa li jmiss, ibqa’ ċċekkja l-informazzjoni.
 
Skopri aktar dwar is-sessjonijiet tal-passat hawnhekk.