#DiscoverEU
L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ġimgħa, 19/04/2024
Eluf ta’ dawk li għandhom 18-il sena se jkollhom l-opportunità li jivvjaġġjaw fl-Ewropa bla ħlas ma’ #DiscoverEU. Kun ippreparat għas-sessjoni ta’ applikazzjonijiet li jmiss?
Qatt xtaqt tivvjaġġa fl-Ewropa? Bis-saħħa tal-inizjattiva #DiscoverEU tal-Unjoni Ewropea jista’ jkollok din ix-xorti. B’tant affarijiet li tista’ tagħmel u tara fl-UE, ċertament li esperjenza bħal din se tkun qed tibdillek ħajtek.
X’inhi #DiscoverEU u kif taħdem?
L-Unjoni Ewropea qed toffri passes tal-ivvjaġġar biex tkun tista’ tesplora d-diversità kulturali tagħha, biex issir taf Ewropej oħrajn, u biex tkun tista’ tgawdi mill-vantaġġi tal-moviment liberu!
Jekk għandek 18-il sena, int eliġibbli li tivvjaġġa minn minimu ta’ jum u sa 30 jum. Is-sessjoni ta’ applikazzjoni li jmiss se tkun miftuħa fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, u żżomm għajnejek fuqha hawnhekk.
DiscoverEU se tagħti passes lill-parteċipanti biex jivvjaġġaw bil-ferrovija, iżda jekk jogħġbok ftakar li jekk tirbaħ mhumiex inklużi l-akkomodazzjoni u l-ispejjeż tal-għajxien! Kompli aqra biex tara kif tista’ tippjana esperjenza tal-għaġeb!
Ippjana l-Vjaġġ Tiegħek
Biex il-vjaġġ tiegħek isir kemm jista’ jkun bla intoppi, l-ippjanar bil-quddiem hu l-mod kif isiru l-affarijiet! Biex tibbaġitja, kun ċert li tkun taf l-għoli tal-ħajja, u l-prezz tal-ivvjaġġar lejn id-destinazzjonijiet magħżulin. Innota li ċerti ferroviji jistgħu jeħtieġu reżervazzjoni. F’dawn il-każijiet, trid tagħmel ir-reżervazzjonijiet tal-ferrovija inti stess. Meta tivvjaġġa billejl, iċċekkja l-possibbiltà li tibbukkja sodda fuq dik il-ferrovija partikolari. Ara l-ħarsa ġenerali tal-ispejjeż ta’ reżervazzjoni għal kull pajjiż biex tevita sorpriżi mhux mixtieqa!
L-apps jistgħu jkunu wkoll ta’ għajnuna kbira, b’dan it-trip planner, bl-app ta’ gwida Lonely Planet u b’Citymapper, tista’ tippjana l-vjaġġ perfett.
Għandek bżonn tkun taf aktar? Fuq Lonely Planet Country Forums tista’ tagħmel mistoqsijiet dwar pajjiż jew belt speċifika. Tista’ ssib ukoll informazzjoni kbira fuq VisitEurope.
It-tnaqqis tal-ispejjeż tal-akkomodazzjoni jista’ jwassal ukoll għal iffrankar kbir! Għal dettalji dwar hostels, camping u kiri, tista’ ssib informazzjoni hawnhekk.
Kun af li nagħtuk parir li ma tibbukkjax sakemm tkun taf jekk intgħażiltx, u liema dati se tkun qed tivvjaġġa fihom!
Avvenimenti u ideat
L-ibliet Ewropej huma postijiet b’ħafna avvenimenti, irrispettivament minn x’inhi ż-żona ta’ interess tiegħek, dejjem hemm xi ħaġa għalik!
F’ħafna bliet Ewropej, hu possibbli li wieħed jagħmel tour iggwidat bla ħlas fiċ-ċentru. Dan hu mod tajjeb u rħis biex titgħallem dwar l-istorja tal-belt; u l-gwida normalment jagħtik ukoll informazzjoni utli “billi midħla tal-post”.
Għal ideat dwar fejn għandek iżżur, European Best Destinations tkopri firxa ta’ kategoriji, li prinċipalment jittrattaw ma’ siti kulturali fl-Ewropa kollha. Il-festivals fit-toroq joffru wkoll ċans li tinvolvi ruħek mal-kultura ta’ pajjiż ta’ destinazzjoni, u tgawdi l-festi flimkien man-nies tal-lokal.
Expatexplore tirrakkomandalek wkoll avvenimenti li tista’ tgawdi matul il-vjaġġi tiegħek, bl-avvenimenti sportivi u tal-arti koperti sew.
Għal dawk li jħobbu l-mużika, il-festivals fl-Ewropa kollha joffru varjetà enormi ta’ prestazzjonijiet. Minn atmosfera tal-familja f’Electric Picnic fl-Irlanda, għal żfin bla waqfien f’Tomorrowland fil-Belġju, kull ġeneru u demografika huma kopert!
Ħu ħsieb tiegħek innifsek!
Xorta waħda tista’ ċċempel lil 112 f’każ ta’ emerġenza. Ftakar li t-tariffi tar-roaming ma għadhomx japplikaw fl-UE, u li tista’ tfittex permezz tar-reviews tal-hostels jew tal-google areas fejn qed tivvjaġġa.
F’każ ta’ telf jew serq, jeħtieġlek tirrapporta għand il-pulizija lokali. Meta tagħmel it-talba għall-kumpens jew it-talba għall-assigurazzjoni tiegħek jenħtieġ li tehmeż ir-rapport tal-pulizija. Jekk titlef karta ta’ kreditu jew ta' debitu jew tinsteraqlek, ikkanċellaha mill-ewwel. Jekk jinsteraqlek il-passaport, agħmel rapport fil-konsulat jew l-ambaxxata ta' pajjiżek, kif ukoll lill-pulizija. Dejjem żomm kopja tal-ID jew tal-Passaport tiegħek (pereżempju, fl-email tiegħek), dan jista’ jgħin f’emerġenza.
Għal aktar pariri dwar kif għandek tibqa’ sikur ikklikkja hawnhekk!