Skip to main content
© UNESCO - Sigit Raharjo © UNESCO - Sigit Raharjo

Involvi ruħek fil-patrimonju dinji!

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 29/09/2020

Jekk int interessat/a fil-konservazzjoni tal-patrimonju, il-Programm tal-UNESCO għall-Edukazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Patrimonju Dinji għandu l-għodod kollha li teħtieġ. Lest/a li ssir taf kollox dwaru?

Il-Programm tal-UNESCO għall-Edukazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Patrimonju Dinji (WHE) iqisek bħala persuna li se tkun qed tfassal id-deċiżjonijiet fil-ġejjieni, u bħala persuna ta' din ix-xorta se jkun jeħtieġlek tippreserva l-patrimonju dinji. Biex tkun tista’ takkwista l-kapaċitajiet u t-tagħrif kollu, il-Programm tad-WHE għandu diversi għażliet, iżda l-aktar attraenti huma bla dubju ta’ xejn il-Forum Żgħażagħ u l-programm il-Voluntieri tal-Patrimonju Dinji.

 

Forum għaż-Żgħażagħ dwar il-Patrimonju Dinji

Il-Forum jista’ jagħti lilek u l-għalliema tiegħek l-opportunità li taqsmu l-esperjenzi u l-ideat dwar kif tistgħu tinvolvu ruħkom fil-konservazzjoni u l-preżentazzjoni tal-patrimonju. Tingħataw iċ-ċans li tiltaqgħu ma' nies minn pajjiżi oħrajn u li titgħallmu dwar il-patrimonju tagħhom. Tistgħu wkoll tissieħbu mad-delegazzjoni li tippreżenta r-riżultati tal-Forum għaż-għażagħ fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Patrimonju Dinji. S’issa saru 40-il forum għaż-żgħażagħ fil-livelli internazzjonali u reġjonali b’aktar minn 1,560 parteċipant żagħżugħ/a.

 

Voluntiera tal-Patrimonju Dinji

Jekk l-età tiegħek hi bejn it-18 u t-30 sena, tista’ tieħu sehem f’kamp ta’ azzjoni għaż-żgħażagħ bħala voluntier/a minn ġimagħtejn sa 4 ġimgħat. Ikollok iċ-ċans li tieħu azzjoni konkreta u li jkollok rwol attiv fil-promozzjoni u l-preservazzjoni tal-Patrimonju Dinji. Ikollok l-opportunità li tiltaqa’ ma’ membri ta’ gruppi ta’ żgħażagħ u ma’ esperti fil-qasam tal-edukazzjoni.