Skip to main content
© European Union © European Union

Creatives Unite: Pjattaforma kollettiva ta' riżorsi għall-kriżi tal-COVID-19

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 02/02/2021

Dan hu żmien ta’ sfida għall-artisti, il-kreaturi u l-persuni li jaħdmu fil-qasam kulturali li ġeneralment huma aktar abitwati ma’ xogħol offline u prattiki wiċċ imb wiċċ milli ma’ dawk online. L-UE kif qed tappoġġja l-industriji kreattivi matul din il-pandemija?

Sa mill-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, ħafna nies li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv daru lejn il-media soċjali u l-ispazji online sabiex ikomplu jippromwovu n-negozju artistiku u kreattiv tagħhom.

Bejn pereżempju intervisti ma’ kuraturi tal-mużewijiet jew lezzjonijiet tal-mużika live li jsiru direttament mill-appartamenti tagħhom, il-fluss ta’ informazzjoni sar aktar prominenti mis-soltu u xi drabi sar ikkumplikat biex jinstabu sorsi interessanti, biex jinħoloq djalogu li jħalli l-frott u tiltaqa’ ma’ inizjattivi li jkunu utli għall-iżvilupp personali u professjonali.

Ta’ spiss hu veru li l-inizjattivi kulturali huma minn ta’ quddiem nett fost iż-żgħażagħ li, b’mod ġenerali, huma aktar midħla tal-għodod teknoloġiċi u diġitali. Dan l-għarfien hu estremament importanti matul dan il-perjodu minħabba li ħafna mill-attivitajiet ta’ kuljum imxew għal wara skrin.

F’dan il-kuntest, fil-5 ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea nediet il-pjattaforma Creatives Unite, spazju diġitali li għandu l-għan li jiġbor l-inizjattivi u l-informazzjoni kollha relatati mas-setturi kulturali u kreattivi fl-UE b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19. 

Il-pjattaforma hi maqsuma fi tliet taqsimiet ewlenin: Settur, Żona u Azzjoni. 

Fl-ewwel waħda, għandek issib l-oqsma kulturali differenti kollha: mill-mużika sal-festivals, mill-arti viżiva sal-videogames. Billi tagħżel “Żona” se jkollok iċ-ċans li tiffoka fuq kontenut Ewropew jew internazzjonali, filwaqt li meta tikklikkja “Azzjoni” se tkun mistieden tesplora t-tipi differenti kollha ta’ inizjattivi promossi fuq il-pjattaforma, bħal stejjer u prattiki tajba, stħarriġ, għodod jew opportunitajiet ta’ finanzjament. L-attivitajiet u s-soluzzjonijiet kreattivi kollha jiġu minn pajjiżi differenti, dan ikun utli meta wieħed ifittex idea ta’ ispirazzjoni biex jagħti ħajja ġdida lill-proġett kulturali tiegħek.

Hu kruċjali li wieħed iżomm f’moħħu li din hi inizjattiva kollaborattiva, kull min iwettaq proġett jew ikun irid jixxerja informazzjoni hu aktar minn mistieden biex itella’ l-kontribut tiegħu.

Tista’ taqsam il-kontribut tiegħek direttament hawnhekk.

Tinsiex tiċċekkja wkoll il-paġna ddedikata għar-rispons tal-UE li tipprovdilek avviżi uffiċjali dwar it-tifqigħa tal-coronavirus bħala appoġġ għas-setturi kulturali u kreattivi.