Skip to main content

DiscoverEU

Grazzi talli wrejt interess. Il-perjodu ta’ applikazzjonijiet issa magħluq. Ir-riżultati għar-round tar-rebbiegħa ħarġu – ara l-emails tiegħek! Ir-round ta’ applikazzjonijiet li jmiss hu ppjanat li jiftaħ fil-ħarifa tal-2023 (id-dati speċifiċi se jitħabbru aktar tard). Jekk għandek 18-il sena jew se tagħlaq 18 fl-2023, iċċekkja f’dan l-ispazju għall-pass tal-ivvjaġġar tiegħek ta’ DiscoverEU!

 

Għandek 18-il sena u int resident legali ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE jew pajjiżi terzi assoċjati mal-Erasmus+? Ipprepara ruħek biex tesplora l-Ewropa! Id-DiscoverEU hija kburija li hija parti mill-familja tal-Programm Erasmus+!

 

X’inhi d-DiscoverEU?

Id-DiscoverEU hi azzjoni tal-programm tal-Erasmus+ li tagħtik l-opportunità li tiskopri l-Ewropa permezz ta’ esperjenzi ta’ tagħlim. Meta tivvjaġġa prinċipalment bil-ferrovija (hemm eċċezzjonijiet biex dawk li jgħixu fuq gżejjer jew f’żoni remoti jkunu jistgħu jipparteċipaw), se tiskopri l-pajsaġġi impressjonanti u l-varjetà bla tmiem tal-ibliet u l-irħula tal-Ewropa. Tista’ tapplika matul iż-żewġ rounds ta’ applikazzjonijiet li jsiru kull sena. L-applikanti magħżulin jingħataw pass tal-ivvjaġġar.

Bħala resident ta’ 18-il sena tal-Unjoni Ewropea jew ta’ wieħed mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm tal-Erasmus+ bħall-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, u t- t-Turkija, id-DiscoverEU toffrilek l-opportunità li tipparteċipa f’esperjenza tal-ivvjaġġar li se tippermettilek tesplora d-diversità tal-Ewropa, titgħallem dwar il-wirt kulturali u l-istorja, u tidħol f’kuntatt ma’ persuni mill-kontinent kollu. Barra minn hekk, id-DiscoverEU tippermettilek, bħala persuna żagħżugħa, li tiżviluppa ħiliet ta’ ħajja ta’ valur għall-futur tiegħek, bħall-indipendenza, il-fiduċja, u l-ftuħ għal kulturi oħrajn.  

Il-parteċipanti magħżulin se jirċievu Kard Ewropea taż-Żgħażagħ tad-DiscoverEU li tippermettilhom li jkollhom skontijiet fuq żjarat kulturali, attivitajiet ta’ tagħlim, sport, trasport lokali, akkomodazzjoni, ikel, eċċ.

Meta se jsir ir-round li jmiss?

Aktar minn 200,000 żagħżugħ u żagħżugħa ngħataw pass tal-ivvjaġġar sa mill-ewwel round ta’ applikazzjonijiet f’Ġunju tal-2018. Se jiftaħ round ieħor bejn l-Erbgħa 15 ta’ Marzu 2023 f’12:00:00 (nofsinhar ħin ta’ Brussell) u l-Erbgħa 29 ta’ Marzu 2023 f’12:00:00 (nofsinhar ħin ta’ Brussell). Meta jasal il-mument, se tidher buttuna “Applika Issa” f’din il-paġna! 

Biex tkun eliġibbli, trid:

  • tkun twelidt bejn l-1 ta’ Lulju 2004 (inkluż) u t-30 ta’ Ġunju 2005 (inkluż);
  • timla n-numru korrett tal-karta tal-identità (ID), tal-passaport jew tal-karta ta’ residenza legali fuq il-formola tal-applikazzjoni online;
  • tkun ċittadin jew resident legali* ta’ wieħed mill-pajjiżi li ġejjin: 

          -  wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea inklużi l-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE) jew 
          -  wieħed mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm tal-Erasmus+: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija. 

* Għal aktar informazzjoni ara t-taqsima tar-Regoli “2. Applikanti eliġibbli”

Imbagħad trid tipparteċipa fi kwiżż (sakemm ma tapplikax bħala membru ta’ grupp).

Jekk tintgħażel, tista’ tivvjaġġa għal perjodu ta’ mhux inqas minn jum wieħed u sa 30 jum bejn il-15 ta’ Ġunju 2023 u t-30 ta’ Settembru 2024

Innota li jekk għandek diżabbiltà jew problema ta’ saħħa li tagħmel il-vjaġġ tiegħek diffiċli, int tirċievi assistenza u appoġġ biex jgħinuk tieħu sehem fl-azzjoni. Iċċekkja l-FAQ C.13 tagħna biex issir taf aktar.

Għadek żgħir wisq biex tipparteċipa f’dan ir-round? Tinkwetax! Se jkun hemm round fir-rebbiegħa kif ukoll fil-ħarifa ta’ kull sena.

Nista’ nivvjaġġa ma’ sħabi?

Iva tista’! Id-deċiżjoni hi tiegħek. Tista’ tmur waħdek jew iżżid sa 4 iħbieb fil-grupp tiegħek jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà t’hawn fuq. Huma se jużaw il-kodiċi tal-applikazzjoni tiegħek biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom stess. Ara l-FAQs minn B.5 sa B.11 tagħna biex issir taf aktar.

Tista’ wkoll tikkombina pjanijiet tal-ivvjaġġar ma’ vjaġġaturi oħrajn tad-DiscoverEU! Il-Grupp ta’ Facebook tad-DiscoverEU hu pjattaforma tajba biex tagħmel dan. Ingħaqad mal-Grupp issa biex tiċċettja ma’ parteċipanti oħrajn.

Ladarba tintgħażel, l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ se jgħinuk tikkonnettja u titgħallem, torganizza laqgħat ta’ qabel it-tluq u Meet-ups mal-vjaġġaturi.


“Hemm dinja sħiħa hemm barra. Ippakkja l-backpack, l-akbar ħabib tiegħek u itlaq.”

 

Aqsam l-esperjenzi 

Bħala Ambaxxatur tad-DiscoverEU, inti tiġi mistieden taqsam l-esperjenzi tiegħek tal-ivvjaġġar, permezz tal-għodod tal-media soċjali bħal Instagram, Facebook u/jew Twitter billi tuża #DiscoverEU. Tista’ tiddeċiedi li tagħti preżentazzjoni fl-iskola tiegħek jew fil-komunità lokali tiegħek. Barra minn hekk, tista’ tipparteċipa wkoll fid-#DiscoverEU photo/video #Competition u tirbaħ premjijiet sbieħ. 

Nixtieq inkun naf aktar!

Interessat fir-rounds preċedenti ta’ applikazzjonijiet? Iċċekkja l-iskedi informattivi tad-DiscoverEU biex taqra aktar dwar l-azzjoni u l-esperjenzi ta’ xi wħud mill-vjaġġaturi żgħażagħ tad-DiscoverEU.

 

L-Ewropa qed tistenniek. Ħu l-ewwel pass.
 

 

Video TedX ta’ ispirazzjoni minn Vincent-Immanuel Herr