©Unicef 2019
Il-kriżi tar-refuġajti tar-Rohingya: L-UE trawwem ħbiberiji biex tippromwovi l-paċi.
L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ġimgħa, 27/08/2021
Inizjattiva ġdida appoġġjata mill-UE fil-Bangladesh qiegħda tibni pontijiet bejn eluf ta’ refuġjati żgħażagħ Rohingya u żgħażagħ lokali. L-għan? Intaffu t-tensjonijiet u nippromwovu l-paċi billi ngħinuhom jingħaqdu u jiskopru kemm hemm komuni bejniethom.
Maħrubin minn snin ta’ persekuzzjoni u minn repressjoni mdemmija xogħol il-militar fl-2017 fil-Myanmar, bħalissa għadd kbir ta’ refuġjati Rohingya qed ifittxu kenn fil-kampijiet enormi u sopraffollament fil-Bazar ta’ Cox fil-Bangladesh.
Fosthom hemm ħafna żgħażagħ bħalek.
Wiċċ imb’wiċċ ma’ kundizzjonjiet ħorox ta’ għajxien u trawmatizzati b’dak li għaddew minnu, il-ġejjieni tagħhom jidher imċajpar. Tensjonijiet bejn l-awtoritajiet u n-nies lokali qed jikkumplikaw il-qagħda tagħhom.
U hawn hu fejn tidħol l-Unjoni Ewropea.
Flimkien mal-UNICEF, l-UE nediet programm ġdid li jibni l-paċi li jġib flimkien 20,500 żagħżugħ kemm mill-komunità tar-Rohingya kif ukoll minn komunitajiet lokali tal-Bangladesh.
L-għan?
Li jinħolqu “ċentri soċjali” fejn dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitħalltu u jagħmlu l-ħbieb, jagħmlu l-isport, irawmu l-ħiliet, jitgħallmu dwar ir-riżoluzzjoni tal-konflitti – biex b’hekk jindunaw li hemm aktar x’jgħaqqadhom milli jifridhom.
“Qatt ma kelli ħbiebRohingya. Imma issa għandi waħda,” qalet Samira, parteċipanta ta’ 17-il sena mill-Bangladesh. “Naqsam il-problemi tiegħi magħha u hi taqsam tagħha miegħi.”
Aġenti tal-bidla
Iċ-ċentri huma parti minn programm ta’ €3.3 miljun, iffinanzjat mill-UE, biex iħeġġeġ iż-żgħażagħ isiru aġenti tal-bidla fil-komunitajiet tagħhom.
“L-Unjoni Ewropea hi kburija li qiegħda ġġib żgħażagħ minn sfondi differenti flimkien biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’ambjent sikur, ta’ appoġġ u edukattiv,” qal Rensje Teerink, l-ambaxxatur tal-UE għall-Bangladesh. “Qed nagħlqu qasmiet bejn il-komunitajiet u nqiegħdu sisien b’saħħithom għal relazzjonijiet armonjużi u koeżjoni soċjali.”
L-ewwel ċentri ġew inawgurati fil-kampijiet ta’ Jamtoli u Shamlapur fil-bidu ta’ Ottubru 2019, bi tlieta oħra jiftħu l-bibien tagħhom minn dak iż-żmien ’l hawn. Ara l-video hawn.
Djalogu li li jgġaqqad il-qsim
L-inizjattiva tinvolvi wkoll ilħiq ta’ aktar minn 12,000-il ġenitur, kif ukoll mexxejja komunitajri u reliġjużi kemm Rohingya kif ukoll minn komunitajiet lokali tal-Bangladesh. Barra l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, l-għan huwa li jiġu diskussi problemi soċjali u - aktar importanti - jiġu żviluppati soluzzjonijiet.
L-UE pprovdiet aktar minn €25.6 miljun lill-UNICEF sa mill-bidu tal-kriżi tar-Rohingya f’Awwissu 2017. Il-fondi ntużaw biex isostnu ir-refuġjati u l-komunitajiet li jospitawhom billi jiġu pprovduti ilma, ikel, edukazzjoni, kif ukoll servizzi marbuta mal-protezzjoni tat-tfal u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
“L-Unjoni Ewropea hija sieħeb ewlieni għall-UNICEF u ħerqana li nkomplu din il-kollaborazzjoni biex insostnu l-adolexxenti u ż-żgħażagħ mill-komunitajiet tar-Rohingya u mill-komunitajiet ospitanti,” qal Tomoo Hozumi, rappreżentant tal-UNICEF fil-Bangladesh. “Żgħażagħ li ngħataw setgħa jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ soċjetà aktar tolleranti u inklużiva.”
Forum Globali dwar ir-Refuġjati
It-tnedija tal-programm tal-bini tal-paċi qiegħda issir xi ġimgħat qabel ma l-komunità internazzjonali tinġabar f’Ġeneva fis-17 u t-18 ta’ Diċċembru għall-ewwel Forum Globali dwar ir-Refuġjati. Fil-qalba tiegħu hemm il-Patt Globali dwar ir-Refuġjati, li qed isejjaħ għal appoġġ akbar għar-refuġajti u l-pajjiżi ospitanti. Qed ifittex ukoll li jgħin lir-refuġjati isiru awtodipendenti sabiex ikunu jistgħu jfasslu ġejjieni aħjar.