
Volontarjat għall-paċi u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 29/09/2020
Maud Baar għaddiet is-sena l-oħra bħala Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fil-Kolumbja. L-istorja tagħha hi waħda minn ħafna oħrajn. Int ukoll tista’ tapplika biex ittejjeb ħajjet in-nies madwar id-dinja – u tikseb esperjenza prattika ta’ impjieg fil-bini tal-paċi u d-drittijiet tal-bniedem.
Ibbażata fil-belt ta’ Tumaco li ilha żmien twil maħtufa minn gruppi armati, Bailly ħadmet mal-NGO Spanjola Movimiento por la Paz fuq proġetti għall-protezzjoni ta’ nisa lokali difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u biex issaħħaħ l-organizzazzjonijiet lokali tagħhom.
Dan jinkludi t-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju, il-bini ta’ strateġiji ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni, u l-implimentazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet li jassistu lin-nisa u l-komunitajiet tagħhom. Dawn ivarjaw minn sessjonijiet ta’ ħidma dwar il-benesseri, il-kura personali u l-awtoprotezzjoni sa għajnuna fit-twaqqif ta’ fondi ta’ emerġenza. Dawn jistgħu jinvolvu wkoll attivitajiet kulturali għal żgħażagħ f’riskju.
“Hemm ħafna każijiet ta’ reklutaġġ ta’ minorenni mill-gruppi armati,” qalet il-mara ta’ 26 sena lill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ permezz ta’ video mill-Kolombja. “L-idea hi li billi jiġu offruti attivitajiet bħal dawn, iż-żgħażagħ huma protetti aħjar u huma anqas vulnerabbli.”
Bailly, li hi minn Franza, qalet li l-esperjenza tagħha għenitha tikber kemm personalment kif ukoll professjonalment.
“Tgħallimt ħafna dwar il-kuntest Kolombjan u l-isfidi għall-proċess tal-bini tal-paċi,” qalet. “Tgħallimt ukoll ħafna mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem infushom u l-kuraġġ meħtieġ biex iwettqu x-xogħol li qed jagħmlu.”
Tħossok ispirat? Fil-każ iċċekkja l-pjattaforma tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE biex tara kif int, ukoll, tista’ tinvolvi ruħek.
Il-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE jappoġġjaw l-għajnuna umanitarja f’pajjiżi milqutin minn diżastri. Skopri kif iż-żgħażagħ qed isaħħu l-komunitajiet filwaqt li jibnu l-ħiliet li jeħtieġu.
“Juniors” jistgħu jissieħbu
Biex tapplika, jeħtieġ li jkollok tal-anqas 18-il sena u jew tkun ċittadin tal-UE jew inkella resident fit-tul ta’ pajjiż tal-UE. U għalkemm il-ħiliet huma essenzjali, mhux bilfors teħtieġ ħafna esperjenza ta’ xogħol minħabba li hemm disponibbli kollokamenti “junior”.
Postijiet battala ġodda huma stazzjonati fuq bażi regolari u dawn jistgħu jdumu minn xahar sa sena u nofs. Il-proġetti jiffukaw fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet marbutin mal-bini tal-paċi u d-drittijiet tal-bniedem iżda wkoll ma’ oqsma oħrajn bħall-għajnuna u l-iżvilupp, it-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, it-titjib tal-għajxien u s-saħħa.
Il-voluntiera jitpoġġew fl-Ewropa u fl-Asja Ċentrali, fl-Afrika, fl-Asja u fl-Oċeanja, fl-Amerika Latina u fil-Karibew, kif ukoll fil-Lvant Nofsani. Madankollu, qatt ma int se tintbagħat f’żona ta’ gwerra.
Ir-reklutaġġ isir minn organizzazzjonijiet iċċertifikati mill-UE li jwettqu l-proġetti f’dan il-qasam. Fosthom hemm l-NGO Estonjana Mondo, li tibgħat lill-voluntiera tagħha f’organizzazzjonijiet ta’ bażi żgħar f’pajjiżi bħall-Ghana u l-Ukrajna.
“Huma se jkunu f’kuntatt mill-qrib mal-komunità u jifhmu l-problemi u l-ħtiġijiet tal-komunità, kif ukoll l-isfidi li jiffaċċjaw in-nies,” qallet il-membru Maari Ross.
Bħala voluntier, se tirċievi wkoll taħriġ u gwida bla ħlas biex tgħinek tiżviluppa l-ħiliet u tittratta kwalunkwe sitwazzjoni li tista’ tinqala’.
Ma tistax tmur barra pajjiżek? Uħud mill-opportunitajiet ta’ volontarjat huma online u għalhekk xorta tista’ tagħti l-ħin tiegħek b’dan il-mod.
“Uniku”
Nacira Boulehouat, li tissorvelja l-programm tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE fid-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej, tiddeskrivi l-programm bħala wieħed uniku.
“Naħsbu li l-programm tal-Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE hu uniku,” qalet. “Hu l-unika skema fl-Unjoni Ewropea li hi offruta sabiex il-voluntiera jkunu jistgħu jipprovdu appoġġ madwar id-dinja.”
L-inizjattiva qed tibni korp ta’ individwi kwalifikati li jirritornaw mill-esperjenzi bħala voluntiera biex jarrikkixxu s-setturi umanitarji u ta’ żvilupp tal-Ewropa, żiedet tgħid Boulehouat.
Bailly, infisha, trid taħdem għal organizzazzjoni li tiddefendi d-drittijiet tal-migranti meta titlaq mill-Kolombja.
Fis-snin li ġejjin, il-programm Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE hu mistenni li jsir parti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.