© Sarah Brown - Unsplash
10 affarijiet li tista’ tagħmel bħalissa mid-dar
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 09/11/2021
Biex niġġieldu kontra l-pandemija tal-Coronavirus, hu importanti li tibqa’ d-dar, taħsel idejk ta’ spiss u tipprattika t-tbegħid soċjali. Iżda li tibqa’ d-dar ma jfissirx li taħli l-ħin. Għall-kuntrarju, hu l-mument perfett biex titgħallem xi ħaġa ġdida.
Aqra u isma’
Jekk li taqra “Gwerra u Paċi” dejjem kien l-għan aħħari tiegħek iżda d-daqs tal-ktieb dejjem qatagħlek qalbek, issa ż-żmien ideali. Lanqas għandek bżonn iġġorru fil-basket. Biex inkomplu fuq il-klassiċi, il-Proġett Gutenberg pereżempju jistieden lill-qarrejja jiddawnlowdjaw għażla ta’ kotba b’xejn, filwaqt li Wattpad tistiednek tiskopri jew saħansitra tikteb – forsi – il-ġawhra ppubblikata li jmiss!
Jekk tippreferi tisma’, tista’ tiċċekkja Digitalbook (li joffri wkoll kotba elettroniċi) jew Audiobooks, il-playlist ta’ Spotify b’sigħat ta’ stejjer irreġistrati, minn Oscar Wilde sa Franz Kafka.
Teatru
Taf x’inhu kważi tajjeb daqs l-Opéra ta’ Pariġi? Is-sit web tal-Opéra ta’ Pariġi u li tara, mill-kumdità tal-pultruna tiegħek, uħud mill-aqwa drammi li qatt saru. Tista’ tara l-kalendarju hawn.
Issib ukoll iktar opri fuq il-kanal YouTube tat-teatru Venezjan “La Fenice”
Din is-sena, is-sitt edizzjoni tal-Festival Irlandiż, Poetry Day, se ssir online fit-30 ta’ April. Se tinkludi workshops virtwali tal-poeżija, qari u ħafna aktar.
Interessanti li nsemmu l-Festival tat-Tbegħid Soċjali. Fuq dan is-sit web fejn hu possibbli li tapplowdja l-avveniment online tiegħek u tista’ tiċċekkja liema spettakli jew kunċerti qed jiġu strimjati fid-dinja kollha.
Mużika
Jekk tixtieq li jkollok aċċess għal diversi kunċerti (l-aktar ta’ mużika klassika) tista’ tesplora Müpa Budapest, waħda mill-aktar istituzzjonijiet kulturali moderni tal-Ungerija.
Iva, sar possibbli li wieħed jistaqsi personalment lil Chris Martin biex idoqq il-kanzunetta favorita tiegħek ta’ Coldplay. Bla ċajt, ara hawn. F’dawn l-aħħar ftit ġimgħat, bosta artisti qed jospitaw kunċerti f’xandira diretta fuq il-profili tagħhom ta’ Facebook jew Instagram, minn John Legend sa Pink. Hi wkoll opportunità tajba biex tisraq ħarsa lejn l-appartamenti tagħhom. Hawn issib ġabra (tal-prestazzjonijiet, mhux tal-appartamenti).
Arti, Patrimonju u Mużewijiet
Il-UNESCO għamlet disponibbli l-Librerija Diġitali Dinjija tagħha (li fiha kważi 20,000 oġġett bejn mapep, immaġnijiet u stampi) u l-Istituti Nazzjonali tal-Kultura tal-UE (EUNIC) għamlu lista ta’ attivitajiet kulturali li ġejjin mill-membri tagħhom.
Dan hu wkoll żmien tajjeb biex tiskopri l-wirt kulturali mill-mużewijiet Ewropej fuq Europeana jew biex tintilef fil-bażi tad-data Google Arts & Culture. Jekk int interessat f’wirjiet speċifiċi ħafna tista’ ssib Faces of Frida, retrospettiva ta’ Frida Kahlo.
Kont taf li l-benefiċjarji tal-Programm Ewropa Kreattiva qed juru l-arti tagħhom fuq il-media soċjali? Tista’ tiskopri aktar billi ssegwi l-hashtag #CreativeEuropeAtHome
Qed timmissja l-Ħdud filgħodu fil-mużew? Tista’ tkompli b’din id-drawwa bis-saħħa ta’ diversi esperjenzi virtwali. Hawn issib lista b’xi mużewijiet Ewropej li tista’ tesplora online: Il-Mużewijiet tal-Vatikan (Ruma-Italja), il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija (Ateni-Greċja), Museo del Prado (Madrid-Spanja), Il-Louvre (Pariġi-Franza), il-Kastell ta’ Praga (Praga-Repubblika Ċeka), il-Mużewijiet tal-Litwanja, it-Teatru-Mużew Dali (Figueres-Spanja), il-Mużew tal-Arti (Budapest-Ungerija), il-Mużew Nazzjonali (Varsavja-Polonja; disponibbli bil-Pollakk biss) Aktar mużewijiet? Ara hawn.
Ħiliet ġodda
Tixtieq tiżviluppa ħiliet ġodda? Agħti ħarsa lejn ir-riżorsi Ewropej tat-tagħlim elettroniku hawn.
Jekk int partikolarment interessat fl-ipprogrammar agħti ħarsa lejn il-videos ta’ freeCodeCamp.org.
Tista’ tiddeċiedi li tqatta’ xi żmien tiżviluppa ħila ġdida, bħal lingwa ġdida jew strument tal-mużika. Pjattaformi bħal Coursera jew Canvas joffru varjetà wiesgħa ta’ korsijiet, xi wħud minnhom bla ħlas. Tista’ taħdem fuq il-ħiliet lingwistiċi tiegħek bl-użu ta’ apps għat-tagħlim tal-lingwa bħal Duolingo, Memrise jew Quizlet.
Korsijiet
L-universitajiet fid-dinja kollha qed joffru l-korsijiet tagħhom online bla ħlas (jew tal-inqas parzjalment bla ħlas). Dawn il-korsijiet jissejħu kollettivament MOOCS jew Korsijiet Online Miftuħa Massivi. Madwar 600 kors (minn 190 Università) bħalissa huma disponibbli online bla ħlas fuq Class Central.
Fuq Edx tista’ ssib għażliet oħra wkoll, filwaqt li jekk int speċifikament interessat f’dawk promossi mill-Universitajiet Ivy League tista’ tiċċekkja hawn. F’xi każijiet jista’ jkollok tħallas aktar għal ċertifikazzjoni.
Jekk int interessat fid-drittijiet tal-bniedem tista’ tagħżel l-akkademja ta’ Amnesty International, disponibbli b’diversi lingwi.
L-isport
Bil-gym magħluq hu ftit aktar diffiċli tibqa’ attiv u ma tħossx is-sufan jibilgħek bil-mod il-mod. Fuq YouTube, hemm diversi workouts bla ħlas li tista’ ssegwi faċilment mid-dar. Xi kanali? Tista’ tiċċekkja POPSUGAR Fitness, FitnessBlender jew dawn l-eżerċizzji ta’ 20 minuta għall-prinċipjanti.
Jekk int aktar mitfugħ fuq il-yoga ara pereżempju Yoga ma’ Adriene (jew iċċekkja jekk l-istudio regolari tiegħek hux qed jippromwovi klassijiet online). Qed tħossok li ilek wisq bilqiegħda? Mela ara dawn l-eżerċizzji ta’ stretching li tista’ tagħmel direttament minn fuq siġġu jew segwi videos f’xandira diretta kuljum tal-Pilates/Yoga minn FitnessandPilates. Xi tgħid li kieku tipprova xi pożizzjonijiet tat-Tai Chi jew timmedita 5 minuti kuljum. Hemm bosta videos disponibbli online.
Dejjem tista’ tfittex fl-app stores u tiċċekkja apps li bħalissa qed joffru provi b’xejn matul dan il-perjodu #ibqa’d-dar.
Ċinema
X’aktarx li diġà familjari mal-pjattaformi ta’ streaming l-aktar magħrufa. Jekk għad ma għandekx kont tista’ tibda issa b’perjodu ta’ prova bla ħlas. Jekk int pjuttost attirat lejn films art-house u mhux daqstant lejn il-blockbuster tista’ tikkunsidra lil Mubi, pjattaforma kofinanzjata mis-sottoprogramm MEDIA ta’ Ewropa Kreattiva, li tista’ taċċessa għal 7 ijiet bla ħlas, ftit għajnuna addizzjonali waqt il-kwarantina.
Il-Festival Internazzjonali tal-Films Dokumentarji ta’ Amsterdam (IDFA) qed jipprovdi aċċess online għal 300 dokumentarji u ma ninsewx lil Arte, il-pjattaforma Ewropea li tinkludi dokumentarji, films twal, programmi relatati mal-aħbarijiet, mużika u arti oħra tal-ispettaklu. Dejjem tista’ tiċċekkja wkoll il-libreriji tax-xandara nazzjonali tiegħek għall-kontenut bil-lingwa tiegħek stess.
Sorsi oħra ta’ films bla ħlas (kif ukoll materjal ieħor) huma l-Arkivju tal-Internet jew Kultura Miftuħa.
Sajjar
Kulħadd qed jinnota li biex issib ftit dqiq jew ħmira s-supermarket qed isir ftit aktar ikkomplikat, iżda jekk inti wieħed mill-fortunati li sibt, tkun idea tajba li tmidd idejk fuq xi riċetti ġodda.
Hawn għandek għażliet tajbin meta tfittex riċetti Ewropej tajbin, filwaqt li fuq European Cuisines tista’ tagħżel direttament skont il-pajjiż.
Għaliex ma tippruvax tema kuljum biex tiskopri riċetti ġodda minn pajjiżi differenti għal sensazzjoni ta’ vvjaġġar? It-Tnejn sal-Italja b’riċetta tal-għaġin frisk, it-Tlieta sal-Bulgarija bit-Tarator, l-Erbgħa sal-Iżvezja b’Toast Skagen.
Jekk tagħmel aktar għall-ħelu, sfida lilek innifsek billi tagħmel it-Tiramisù Taljan, li litteralment tfisser “Għollini” jew esplora din il-ġabra ta’ deżerti Ewropej.
Ispirazzjoni
Veru, ma tafx sewwasew meta l-ħajja se terġa’ lura għan-normal, iżda dan ma għandux għalfejn iwaqqaf ir-rieda tiegħek li tippjana vjaġġi jew esperjenzi li jbiddlulek ħajtek barra minn pajjiżek. Hawn tista’ ssib il-playlist perfetta ta’ Taħditiet Ted li jiffukaw fuq l-ivvjaġġar, tista’ tismagħhom waqt li tibbrawżja l-Opportunity Finder tal-Eurodesk għall-ispirazzjoni jew waqt li toħloq profil fuq il-portal tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
Ovvjament, hemm possibbiltajiet bla tmiem offline u online biex timla l-jiem tiegħek matul dan il-perjodu partikolari. Tajjeb li toħloq rutina u żżomm ruħek bieżel, iżda xi kultant trid tippermetti ruħek li tħossok imdejjaq ukoll; mill-mumenti vojta u inqas dinamiċi joħorġu l-aħjar ideat.