Skip to main content
© European Union © European Union

Tixtieq tibdel jew tipproponi liġi ġdida tal-UE?

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 01/09/2021

Għandek motivazzjoni biex’ tgħin sabiex tinbidel il-liġi? L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tippermettilek tikkontribwixxi fit-tiswir tal-UE billi tipproponi leġiżlazzjoni ġdida. Skopri kif tista’ tieħu azzjoni.

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) tippermetti liċ-ċittadini tal-UE jipparteċipaw direttament fit-tfassil tal-politika tal-UE, billi titlob lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġi ġdida.

Dan kollu jibda b'idea…

Jekk l-idea tiegħek taqa’ fil-qasam politiku fejn il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tipproponi liġijiet, tista' tippreżenta inizjattiva taċ-ċittadini għal dan. Din tista' tkun relatata mal-politiki dwar l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-agrikoltura, is-sikurezza tal-ikel, l-enerġija, it-trasport, il-kultura, in-nondiskriminazzjoni u l-għajnuna umanitarja. 

Ovvjament hemm xi kundizzjonijiet formali li għandek bżonn tilħaq biex tagħmel dan – b'mod partikolari, ma tistax tagħmel dan waħdek: int għandek twaqqaf grupp ta’ organizzaturi magħmul minn tal-anqas 7 ċittadini tal-UE li jgħixu f’7 pajjiż differenti tal-UE. Għalhekk, l-ewwel ħaġa hija li n-nies jingħaqdu f’tim mill-Ewropa kollha li huma lesti li jappoġġjaw l-inizjattiva tagħkom. 

Normalment l-ECIs jitmexxew minn organizzazzjonijiet u koalizzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Idea tajba hija li jiġi vverifikat jekk il-proposta għal liġi tiegħek taqbilx mar-rappreżentanza ta’ organizzazzjoni mhux governattiva li tista’ tgħinek tippromovi l-inizjattiva. Tabilħaqq, ladarba l-inizjattiva tiegħek tiġi rreġistrata, ikollok sena biex tiġbor miljun firma minn tal-anqas 7 pajjiż tal-UE. 

Biex jintlaħaq dan l-għan se tkun teħtieġ pjan ta’ komunikazzjoni b’saħħtu, voluntiera biex jiġbru l-firem u ħafna enerġija! Tiddejjaqx tfittex parir fil-FORUM tal-ECI


X'imiss wara dan?

Bil-miljun firma li tiġbor għandek garanzija li:

  • il-Kummissjoni se teżamina b'mod serju l-inizjattiva tiegħek, tista' wkoll tiltaqa' mal-uffiċjali tal-Kummissjoni personalment biex tispjega l-idea tiegħek fid-dettall
  • tista' tippreżenta u tiddibatti l-inizjattiva tiegħek f’seduta pubblika tal-Parlament Ewropew

Il-Kummissjoni hija marbuta legalment li tagħti tweġiba formali, filwaqt li tispjega x’azzjoni se tipproponi (jekk ikun hemm), u r-raġunijiet għat-teħid (jew in-nuqqas ta’ teħid) ta’ azzjoni.

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li taġixxi, din se tkun fil-forma ta' proposta formali għal liġi ġdida. Madankollu, biex tiġi ppromulgata, il-liġi se jkollha bżonn tkun approvata minn (normalment) kemm mill-Parlament Ewropew u kif ukoll mill-gvernijiet tal-UE, li jaġixxu permezz tal-Kunsill tal-UE

Tista’ ssib parir iddettaljat dwar dawn il-kwistjonijiet kollha fil-Forum tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej fil-FAQs.