Skip to main content
© Element5 Digital - Unsplash © Element5 Digital - Unsplash

10 Pariri li għandek tiftakar meta tapplika għal borża ta’ studju ta’ fondazzjoni

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ħamis, 01/10/2020

Qed tipprova tifhem kif tapplika għal borża ta’ studju ta’ fondazzjoni?

Tibża’ minn proċess ta’ applikazzjoni kkumplikat, u taħseb li jintgħażlu biss dawk li diġà għandhom network... Sib 10 pariri biex timmotiva ruħek u tħejji applikazzjoni tajba.

1. Applika!

Ħafna nies jaħsbu li m’għandhomx ċans li jingħataw borża ta’ studju u dan iwaqqafhom milli japplikaw. Iżda jekk ma tapplikax, żgur li mhux se jkollok ċans! Ibda ħares lejn il-proċess ta’ applikazzjoni minn kmieni – ibda billi tfittex għal sponsers xierqa u tkun ħadt l-ewwel pass importanti.

2. Il-fondazzjoni u int tajbin għal xulxin?

Il-fondazzjonijiet jistennew li dawk li japplikaw għall-boroż ta’ studju jaqsmu l-istess fehmiet ideoloġiċi. Applika biss f’fondazzjonijiet li jaqblu mal-profil tiegħek. Kemm irid ikun eżatt il-qbil bejnietkom jiddependi fuq il-fondazzjoni in kwistjoni. Pereżempju, jekk il-fondazzjonijiet politiċi ma jaċċettawx biss membri tal-partit, dejjem tkun tista’ tispjega għaliex qed tapplika f’fondazzjoni partikolari. 

3. Ippersonalizza l-applikazzjoni tiegħek 

Ittra ta’ motivazzjoni, CV, referenzi u ċertifikati tal-iskola huma dokumenti standard għall-applikazzjoni. Madankollu, ara li l-applikazzjoni tiegħek tispikka, fil-kontenut u d-disinn. Sib il-persuna xierqa biex tindirizza l-applikazzjoni tiegħek lilha, spjega għaliex għażilt din il-fondazzjoni partikolari, u enfasizza dawk il-karatteristiċi li huma l-aktar rilevanti għall-fondazzjoni.

4. Ara li tkun tista’ tiġi kkuntattjat

Ladarba tkun għaddejt mill-proċeduri ta’ selezzjoni, għandu mnejn tissejjaħ għal intervista individwali. Ħares b'mod regolari lejn l-email u t-telefown tiegħek u ddumx wisq biex tibgħat tweġiba.

5. Agħmel impressjoni tajba

Ħafna drabi l-proċess tal-għażla jinkludi intervisti fi grupp minbarra intervisti individwali. Se tħalli impressjoni tajba jekk toqgħod attent meta l-oħrajn jitkellmu u twieġeb għall-fehmiet tagħhom. Żomm f’moħħok li ħafna drabi aħjar li tkun attur ta’ tim tajjeb milli tkun iċ-ċentru tal-attenzjoni.

6. Sessjonijiet ta’ taħriġ ma’ sħabek

Il-proċess tal-applikazzjoni jista’ jinkludi eżamijiet bil-miktub, essays jew preżentazzjonijiet u dan kollu jista’ jagħmlek xi ftit nervuż. Ikun tajjeb li tipprattika l-preżentazzjoni tiegħek quddiem il-qraba jew il-ħbieb. Ipprepara billi taħseb dwar il-mistoqsijiet li jistgħu jsaqsuk u kif tweġibhom.

7. Kun speċifiku

“Ta’ min joqgħod fuqi, tista’ tiddependi fuqi u entużjast” – kollu kliem sabiħ, iżda kulħadd jgħid hekk! Tista’ ttella’ ħafna iktar punti billi toffri eżempji speċifiċi: “Kont voluntier f’organizzazzjoni X u tgħallimt minn Z”. B'hekk tagħti ħajja lill-attributi tiegħek.

8. Żomm kollox awtentiku

Jekk tgħid li tħobb taqra lil Dostoyevsky għandu mnejn tinstema’ pretenzjuż, speċjalment jekk ma jkunx minnu għalkollox. Jekk tħobb il-Marvel Comics tistħix tgħid. Jaf issib xi ħadd fl-udjenza bl-istess passjoni tiegħek. Qatt tgħid xi ħaġa għax taħseb li l-oħrajn iridu jisimgħuk tgħidha.

9. Naddaf il-preżenza online tiegħek

Ara li l-profili tiegħek tal-Facebook jew l-Instagram huma ħielsa minn stampi li ma tridx li jaraw l-evalwaturi tiegħek... Iċċekkja darbtejn il-konfigurazzjonijiet tal-privatezza tiegħek qabel ma tibgħat l-applikazzjoni tiegħek. 

10. Ippjana s-segwitu 

Iċċekkja l-informazzjoni dwar il-proċess, jekk il-fondazzjoni tgħid speċifikament li l-kandidati m’għandhomx jagħmlu kuntatt magħha, mela tikkuntattjahiex. Stenna sakemm qalulek li tista’ tistenna li tisma’ mingħandhom qabel ma tikkuntattjahom għal segwitu dwar l-applikazzjoni tiegħek. Agħti ċans ftit ġimgħat bejn messaġġ u ieħor.

Ir-risq!