© Brook Cagle - Unsplash
Kompli l-esperjenza internazzjonali tiegħek mal-organizzazzjonijiet tal-istudenti!
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 31/08/2021
Interessat tagħmel kuntatt ma’ studenti internazzjonali mad-dinja kollha? Mela għaliex ma tinvolvix lilek innifsek ma’ organizzazzjoni internazzjonali tal-istudenti?
Forsi qed tagħmel internship jew qed tistudja barra pajjiżek u tixtieq tiltaqa’ ma’ studenti oħra fl-istess sitwazzjoni; jew forsi tixtieq tagħmel kuntatt ma’ studenti internazzjonali fil-belt tiegħek stess. Hi x’inhi r-raġuni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istudenti huma struttura tajba biex tagħmel din il-konnessjoni.
L-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istudenti huma assoċjazzjonijiet fejn l-istudenti jingħaqdu flimkien biex jappoġġjaw u jorganizzaw programmi ta’ skambju. Ħafna drabi dawn ma jagħmlux profitt, fejn il-membri jivvolontarjaw il-ħin tagħhom biex jgħinu fit-tmexxija tal-attivitajiet u tal-organizzazzjoni. L-attivitajiet jistgħu jkunu kwalunkwe ħaġa mill-organizzazzjoni ta’ taħditiet u dibattiti għat-tmexxija ta’ attivitajiet sportivi, tandems lingwistiċi u ta’ avvenimenti oħra.
Meta twettaq volontarjat għal organizzazzjoni internazzjonali għall-istudenti tista’ tikseb esperjenza siewja meta taħdem f’timijiet interkulturali, proġetti ewlenin u kampanji ta’ organizzazzjoni. Għandek l-opportunità li titgħallem dwar kif l-organizzazzjonijiet huma strutturati, tipparteċipa fi proċessi politiċi u tkun ta’ servizz għall-oħrajn. L-involviment tiegħek f’attivitajiet bħal dawn huwa opportunità kbira għall-iżvilupp personali kif ukoll professjonali u se jagħtik esperjenza tajba ħafna għas-suq tax-xogħol.
Jekk tħoss li din hi xi ħaġa li inti interessat fiha, hemm diversi organizzazzjonijiet differenti li tista’ tissieħeb magħhom. Kun ċert li tagħti ħarsa lejn il-belt ta’ skambju tiegħek jew fuq il-kampus tiegħek, l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu organizzati skont l-interess ta’ attività jew il-grupp fil-mira ta’ studenti internazzjonali. Din hija lista tal-erba’ networks ewlenin ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali għall-istudenti fl-Ewropa:
- L-ESN (Network tal-Istudenti tal-Erasmus) huwa network Ewropew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istudenti f’aktar minn 1,000 università u kulleġġ f’42 pajjiż. In-network joffri gwida lill-istudenti fl-Ewropa, jinforma dwar il-possibbiltajiet ta’ studju barra pajjiżhom u jaħdem biex itejjeb il-kundizzjonijiet għall-iskambju internazzjonali tal-istudenti. Dawn jorganizzaw servizzi u attivitajiet ta’ orjentazzjoni għall-istudenti. Jekk tixtieq tinvolvi ruħek jew tirċievi aktar informazzjoni, jekk jogħġbok żur www.esn.org biex issib l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-organizzazzjoni lokali tiegħek.
- L-AEGEE (Association des Etats Généraux des Etudiants de l’Europe) hija organizzazzjoni interdixxiplinarja tal-istudenti attiva f’161 belt f’40 pajjiż differenti. L-AEGEE tappoġġja l-mobbiltà u l-iskambju ta’ studenti fl-Ewropa kollha u għandha l-għan li tqarreb l-Ewropa lejn iż-żgħażagħ. Biex tagħmel dan torganizza vjaġġi, skambji interkulturali, universitajiet tas-sajf u konferenzi. F’www.aegee.org se ssib aktar informazzjoni u l-indirizzi tal-grupp lokali tal-AEGEE tiegħek.
- L-AIESEC (Association Internationale des Étudiants en Sciences Economique et Commerciales) għandha gruppi lokali f’aktar minn 113-il pajjiż. L-għan tagħhom huwa li jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw ħiliet ta’ tmexxija u jiksbu esperjenzi prattiċi mad-dinja kollha. Il-membri tan-network tal-AIESEC jistgħu jitqiegħdu f’internships, jipparteċipaw f’laqgħat tal-kumitati lokali jew jgħinu biex jorganizzaw konferenzi, sessjonijiet ta’ ħidma u lekċers. Tista’ ssib aktar informazzjoni u l-informazzjoni ta’ kuntatt tal-kumitati lokali f’www.aiesec.org.
- L-IAESTE (Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Iskambju ta’ Studenti għal Esperjenza Teknika) tgħin lill-istudenti tax-Xjenza, l-Inġinerija jew l-Arti Applikati biex isibu internships f’aktar minn 80 pajjiż madwar id-dinja. Jekk int interessat f’internship barra pajjiżek jew tixtieq tinvolvi ruħek mal-organizzazzjoni, jekk jogħġbok żur www.iaeste.org jew ikkuntattja l-kumitat lokali tiegħek għal aktar informazzjoni.
- Il-BEST (Bord ta’ Studenti Ewropej tat-Teknoloġija) għandu 93 Grupp Lokali BEST f’34 pajjiż. Huma jagħmlu ħilithom biex jgħinu lill-istudenti Ewropej tat-teknoloġija biex isiru aktar orjentati fuq livell internazzjonali u biex jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom biex jaħdmu fuq bażi internazzjonali. Huma joħolqu opportunitajiet għall-istudenti biex jiltaqgħu u jitgħallmu permezz ta’ avvenimenti akkademiċi u mhux akkademiċi. Żur www.best.eu.org għal aktar informazzjoni u biex issib il-grupp lokali tiegħek.
F’kull kulleġġ jew università hemm għadd bla qies ta’ organizzazzjonijiet tal-istudenti li jiffukaw fuq suġġetti differenti. Minbarra l-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istudenti hemm organizzazzjonijiet politiċi, reliġjużi, iffukati fuq il-karriera u suġġetti ta’ studju jew l-okkupazzjoni li fihom tista’ tinvolvi ruħek. Agħti ħarsa eqreb lejn is-sit web tal-kulleġġ jew tal-università tiegħek biex titgħallem aktar.