Skip to main content
©  Photo by Andrew Neel on Unsplash © Photo by Andrew Neel on Unsplash

Għaxar pariri prattiċi għal intervista online

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 24/03/2025

Jekk tapplika għal pożizzjoni barra pajjiżek, mhux dejjem tkun possibbli intervista wiċċ imb wiċċ. Minflok, tista’ tkun mistieden għal intervista online. Filwaqt li ma għandekx tinsa l-pariri prattiċi tas-soltu, hemm affarijiet oħrajn li wieħed għandu jżomm f’moħħu.

1. Tkunx każwali żżejjed!

Iffaċċja l-intervista bl-istess mod daqslikieku kienet waħda fuq il-post. Ilbes sew minn rasek sa saqajk għax forsi jkollok bżonn tqum bilwieqfa... Wara kollox il-preżenza tiegħek online hi biss estensjoni tal-apparenza offline tiegħek!

2. Oħloq spazju!

Jekk ma tgħixx waħdek, informa lil sħabek jew il-membri tal-familja tiegħek li se ssir intervista, sabiex ma jseħħ ebda tfixkil u kollox jibqa’ professjonali. Evita li tagħmel intervisti f’post storbjuż bħal ħanut tal-kafè jew tuża l-mobile waqt li tkun miexi. L-istess jgħodd għal kwalunkwe tfixkil online - kun żgur li twaqqaf il-programmi mhux neċessarji kollha!

3. Ipprepara l-mejda!

Tazza ilma flimkien ma’ biro u karta għan-noti jistgħu jkunu utli u jipprovdu xejra professjonali.

4. Kun tekniku!

Iċċekkja l-kamera qabel l-intervista, ittestja l-mikrofonu u ħares lejn dak li qed turi madwarek. Kun ċert li ma jkun hemm ebda sors ta’ dawl li jinterferixxi fil-video – pereżempju qatt ma għandu jkun hemm tieqa tidher minħabba li din taffettwa d-dawl.

5. Kun af meta tkun qiegħed live!

Tibdiex telefonata bil-video sakemm ma tkunx lest u aqta’ sew wara li ssir l-intervista. Dawk li jagħmlulek l-intervista ma jridux jisimgħuk tieħu nifsijiet qawwija, lanqas ma huma interessati fl-opinjoni tiegħek dwar kif marret l-intervista!

6. Aħseb għal backup!

Il-konnessjoni tal-internet tista’ tintilef fi kwalunkwe ħin u trid tkun tista’ tgħid lil min qed jirreklutak li ma kontx int li qtajt. Irreġistra n-numru tiegħu fit-telefown tiegħek u għarrfu x’ġara tassew! 

7. Kun soċjali!

Kun kemm hu possibbli soċjali. Għalkemm m’intix se tkun tista’ toħdilhom b’idhom, xorta waħda tista’ titbissem u żżomm kuntatt bl-għajnejn ma’ dawk li jagħmlulek l-intervista. Tinsiex tħares lejn il-kamera. U, oqgħod bilqiegħda dritt!

8. Żomm id-distanza!

Anki jekk ma tkunx tista’ tisma’ sew, ipprova sib soluzzjoni differenti milli tavviċina lilek innifsek lejn il-kelliema. Min jagħmillek l-intervista għandu jara wiċċek kollu.

9. Ejjew nirrepetu!

Jekk il-konnessjoni tkun ħażina, iddikjara dan b’mod ċar fil-bidu u tibżax tistaqsi biex mistoqsija tkun ripetuta. Aktar hu nojjuż li tisma’ tweġiba għal domanda immaġinarja milli tkun mistoqsi x’kienet effettivament il-mistoqsija.

10. Ħossok komdu!

Uża d-distanza bħala vantaġġ għalik u ssetilja lilek innifsek fejn tħossok tassew tajjeb. M’hemmx bżonn ta’ uffiċċju, sempliċiment sib post li jogħġbok u li int familjari miegħu. Sintendi mhux fis-sodda...