© Aarón Blanco Tejedor - Unsplash
Niġġieldu kontra r-razziżmu fl-Ewropa
L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 21/10/2020
Id-diskriminazzjoni razzjali u etnika hi realtà ta' kuljum għal wisq bosta nies fl-Ewropa. Din id-diskriminazzjoni tista' tieħu forom differenti: miċ-ċaħda tal-prinċipji bażiċi tal-ugwaljanza sal-mibegħda etnika.
Kull wieħed u waħda minna jista’ jaqdi rwol importanti biex inneħħu dawn l-attitudnijiet, ejjew naraw kif se naġixxu.
Żomm ruħek informat
Prijorità ewlenija, meta wieħed jiffaċċja dan il-fenomenu kumpless, hi li taf fejn issib informazzjoni affidabbli u aġġornata. Il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI), il-korp relatat mal-Kunsill tal-Ewropa, għandu rwol importanti billi jiffoka fuq kwistjonijiet relatati mal-ġlieda kontra r-razziżmu, id-diskriminazzjoni, il-ksenofobija, l-antisemitiżmu u l-intolleranza fl-Ewropa. Wieħed mill-kompiti tiegħu hu li jissorvelja u janalizza b’mod kostanti s-sitwazzjoni f’kull wieħed mill-Istati Membri tal-UE u eventwalment jgħinhom jittrattaw kwalunkwe problema ta’ razziżmu u intolleranza.
Żomm f’moħħok li l-gvernijiet, il-parlamenti u l-qrati f’kull wieħed minn 47 pajjiż tal-Kunsill tal-Ewropa dejjem iridu jirrispettaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jekk tħoss li xi ħaġa qed tmur ħażin f’pajjiżek tista’ ddur fuq il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), li taġixxi bħala xibka ta’ sikurezza. Tista’ ssib aktar informazzjoni hawnhekk.
Sors ieħor hu l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-drittijiet fundamentali (FRA) li tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem fl-UE. Abbażi tar-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2019, dan ir-rapport juri kif ir-razziżmu għadu mifrux ħafna u preżenti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Pereżempju, waħda minn tliet persuni suwed jesperjenzaw fastidju razzjali u erbgħa minn kull għaxar persuni jiddikjaraw li xejn ma kien se jinbidel billi wieħed jirrapporta l-esperjenza.
Il-minoranzi etniċi u l-migranti qed ikomplu jiffaċċjaw fastidju u diskriminazzjoni fl-UE kollha, minkejja l-liġijiet tal-UE li ilhom jeżistu kontra r-razziżmu. Il-mistoqsija hi: x’tista’ tagħmel bħala ċittadin Ewropew biex twaqqaf id-diskriminazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda?
Involvi ruħek
Tixtieq tagħmel aktar minn sempliċiment qari? Opzjoni waħda biex tinvolvi ruħek fid-diskussjoni hi pprovduta min-Network Ewropew Kontra r-Razziżmu, network pan-Ewropew għall-antirazziżmu li jikkombina l-promozzjoni għall-ugwaljanza razzjali u li jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-atturi tal-antirazziżmu tas-soċjetà ċivili fl-Ewropa. Pereżempju, hu possibbli li tissieħeb mal-organizzazzjoni lokali antirazzista tiegħek jew li tagħmel volontarjat magħha.
Tista’ wkoll tipparteċipa fil-Ġimgħa Ewropea tal-Azzjoni Kontra r-Razziżmu, li ssir fix-xahar ta’ Marzu. Għaliex dan ix-xahar? Għax fil-21 ta' Marzu 1960, il-pulizija sparaw u qatlu 69 persuna f'manifestazzjoni paċifika kontra l-apartheid fl-Afrika t'Isfel. Minn dakinhar 'l hawn, din id-data ġiet iddikjarata min-Nazzjonijiet Uniti bħala l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali. L-inizjattiva tgħaqqad flimkien lin-nies li jiġġieldu kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali. L-organizzazzjoni jew il-grupp tiegħek jista' jingħaqad ukoll biex jorganizza kunċerti, konferenzi, jibgħat ittri ta' protesta lil dawk li jfasslu l-politika jew isib modi oħrajn kif isemma' leħnu. Kulma trid tagħmel hu li tikkuntattja lil UNITED for Intercultural Action biex tikseb il-materjal li għandek bżonn.
Iċċekkja l-portal “Let’s Fight Racism” tan-Nazzjonijiet Uniti, tista’ taqra stejjer reali, tixxerred il-kelma fil-media soċjali jew tinvolvi ruħek fil-volontarjat online.
Tinsiex il-Moviment No Hate Speech, imwelled fl-2013, bil-kampanja tiegħu għaż-żgħażagħ immexxija mid-Dipartiment taż-Żgħażagħ tal-Kunsill tal-Ewropa li għandha l-għan li timmobilizza ż-żgħażagħ biex jiġġieldu d-diskors ta’ mibegħda u li tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem online. Diversi kampanji nazzjonali għadhom attivi madwar id-dinja u jqajmu kuxjenza dwar ir-riskji li joħloq id-diskors ta’ mibegħda għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija u dwar l-attivitajiet edukattivi.