© Pavan Trikutam - Unsplash
Ċaqliq madwar l-Ewropa: skopri s-servizzi ta’ appoġġ tal-UE!
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tnejn, 06/09/2021
Qed tippjana li tmur tgħix f’pajjiż ieħor għal perjodu qasir jew twil? Diġà mort tgħix f'pajjiż ieħor u ltqajt ma’ xi diffikultajiet ma’ amministrazzjoni? Hemm diversi servizzi tal-UE disponibbli biex jgħinuk fl-avventura Ewropea tiegħek!
Għandek mistoqsijiet ġenerali jew legali dwar drittijietek fl-UE?
Europe Direct qiegħed hemm biex iwieġeb il-mistoqsijiet taċ-ċittadini dwar l-Unjoni Ewropea (UE). Hu jipprovdi assistenza lil dawk li jkunu qed ifittxu informazzjoni dwar politiki, istituzzjonijiet, programmi u opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE. Europe Direct joffri konsultazzjonijiet diretti u jwieġeb għall-mistoqsijiet bit-telefown u bl-email.
Liema huma l-passi li se jkollok tgħaddi minnhom meta tiddeċiedi li tmur tgħix f’pajjiż ieħor tal-UE? Is-sit web L-Ewropa Tiegħek għandu t-tweġiba! Is-sit web jipprovdilek bosta informazzjoni dwar drittijietek fl-Ewropa kollha u pariri prattiċi u suġġerimenti ta’ użu dwar kwistjonijiet bħall-għajxien, l-istudju, ix-xogħol, ix-xiri, l-ivvjaġġar fl-UE.
Tixtieq tistudja, taħdem jew tagħmel volontarjat f’pajjiż ieħor tal-UE?
Agħti daqqa t’għajn lejn artikli oħrajn fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ, speċjalment fit-taqsima “Vjaġġar”. Għandek issib ħafna stejjer, suġġerimenti u informazzjoni affidabbli.
Wara, ibda bil-Eurodesk! Dan is-servizz ta’ informazzjoni dwar iż-żgħażagħ għandu l-għarfien espert biex jinfurmak dwar l-opportunitajiet ta’ mobbiltà internazzjonali. Preżenti f'36 pajjiż, ’il fuq minn 1,600 multiplikatur lokali tal-Eurodesk huma lesti li jgħinuk. Uża l-mappa biex tara lil min għandek tikkuntattja fiż-żona tiegħek u tiskopri mijiet ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ fuq il-Eurodesk Opportunity Finder!
Interessat li taħdem f’pajjiż barrani? L-EURES joffri konsultazzjoni u informazzjoni bla ħlas lill-individwi li jkunu qed ifittxu impjieg f’pajjiżi Ewropej oħrajn. Hu jimmaniġġja wkoll il-programm “L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek”. Tista’ tikkuntattja wkoll liċ-Ċentru Nazzjonali tal-Europass biex tikseb informazzjoni dwar is-CV tal-Europass, li hi għodda kbira meta tfittex xogħol f’pajjiż barrani.
Interessat tistudja f’pajjiż barrani? Euroguidance hu network Ewropew ta’ prattikanti fl-edukazzjoni u l-impjiegi, fosthom il-professjonisti li jipprovdu informazzjoni u gwida dwar il-mobbiltà internazzjonali tat-tagħlim għal dawk li qed ifittxu opportunitajiet ta’ studju u taħriġ f’pajjiż barrani. Tista’ tikkuntattja liċ-ċentru nazzjonali ta’ riżorsi u informazzjoni tiegħek.
Teħtieġ li jiġu rikonoxxuti l-istudji tiegħek? ENIC-NARIC hu n-Network Ewropew ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku, li jipprovdu informazzjoni u pariri dwar ir-rikonoxximent akkademiku fl-UE u fil-pajjiżi sħab ta’ diplomi maħruġa minn istituzzjonijiet barranin u studji parzjali li jkunu saru fihom.
Diġà tinsab fil-pajjiż ta’ destinazzjoni tiegħek u għandek problema?
Li tiskopri d-dinja hi xi ħaġa fantastika. Madankollu, waqt li tkun okkupat tesplora, l-ostakli kultant jaslu biex jimblukkawlek triqtek. Jekk issib lilek innifsek quddiem regoli li jidhru illoġiċi jew kuntrarji f’pajjiż barrani, il-Pariri tal-Ewropa Tiegħek jista’ jappoġġjak bil-mistoqsijiet legali tiegħek filwaqt li SOLVIT qiegħed hemm biex jipprovdilek l-għajnuna meta drittijietek ma jiġux rispettati.
SOLVIT jittratta problemi transfruntieri bejn iċ-ċittadini jew il-kumpaniji u l-gvernijiet nazzjonali. Jekk qed tistudja jew taħdem f’pajjiż barrani, jew tixtieq tmur tgħix f’pajjiż barrani, tista’ tiltaqa’ ma’ xi problemi f’xi ħin jew ieħor. Min-naħa, int soġġett għal-liġijiet ta’ dak il-pajjiż, min-naħa l-oħra, bħala ċittadin tal-UE, għandek ċerti drittijiet li jistgħu jkunu inkompatibbli ma’ dawk tal-pajjiż li tinsab fih. Biex insemmu xi ftit eżempji:
- Il-kredenzjali ta’ edukazzjoni tiegħek mhumiex rikonoxxuti
- Ma tistax tirreġistra bħala student
- Ma tistax tikseb permess ta’ residenza, minkejja li tikkwalifika
- Il-liċenzja tas-sewqan tiegħek mhix rikonoxxuta
Kull Stat Membru tal-UE kif ukoll in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein għandu ċ-ċentru SOLVIT tiegħu stess. Tista’ tressaq ilment f’wieħed minn dawn iċ-ċentri u huma jagħmlu l-aħjar li jistgħu biex jirriżolvu l-kwistjoni, mingħajr ħlas. L-ewwel ħaġa li trid issir hi li tressaq ilment maċ-ċentru SOLVIT f’pajjiżek. Huma se jiċċekkjaw jekk tabilħaqq għandekx problema u jekk għandhomx l-informazzjoni kollha li jeħtieġu mingħandek.