Skip to main content
 © European Space Agency © European Space Agency

Tħossok kurjuż dwar l-univers? Agħti daqqa t’għajn lejn l-opportunitajiet tal-Aġenzija Spazjali Ewropea

L-aħħar aġġornament sar fi Is-Sibt, 19/09/2020

L-Aġenzija Spazjali Ewropea toffri varjetà ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ għaċ-ċittadini żgħażagħ mill-Istati Membri tal-ESA

Trainees Gradwati Żgħażagħ (YGT)

Il-programm joffrilek l-opportunità ta' taħriġ ta' sena imħallas, flimkien mal-ħlas għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-assigurazzjoni fuq is-saħħa, biex taħdem f’ambjent internazzjonali u multikulturali verament eċċitanti. Bil-YGT, tkun tista’ takkwista esperjenza prezzjuża fl-iżvilupp u l-operazzjoni tal-missjonijiet spazjali. Bħala Trainee Gradwat, tkun responsabbli għall-appoġġ ta’ proġett, u tibbenefika mill-esperjenza ta’ mentor espert tal-ESA.

Kull sena f’nofs Novembru postijiet vakanti għal taħriġ ġdid jiġu ppubblikati fis-sit web tal-Aġenzija iżda postijiet addizzjonali jiġu ppubblikati matul is-sena. Għalhekk żomm għajnejk miftuħin!

Biex tkun eliġibbli, jeħtieġlek li tkun gradwajt reċentement, jew tinsab fl-aħħar sena tal-Masters tiegħek f'dixxiplina teknika jew xjentifika. Jeħtieġlek tkun ukoll ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-ESA, minn wieħed mill-Istati Ewropej ta’ Kooperazzjoni, mis-Slovenja jew mill-Kanada.

Biex tapplika, l-ewwel trid tirreġistra u toħloq il-profil tal-kandidat mas-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek, imbagħad timla l-formola ta’ applikazzjoni online mehmuża ma’ kull post vakanti. Żomm f'moħħok li tista’ tibgħat biss formola ta' applikazzjoni waħda online: jekk tapplika għal aktar minn post vakanti wieħed, l-applikazzjonijiet kollha li tkun issottomettejt se jitwarrbu!

Programm għall-Fellowship fir-Riċerka Postdottorali

Jekk int xjentist jew enġinier żagħażugħ, l-ESA tagħtik il-possibbiltà li twettaq fellowship fir-riċerka għal sentejn bil-possibbiltà li testendih għat-tielet sena, f'varjetà ta' dixxiplini relatati max-xjenza spazjali, l-applikazzjonijiet u t-tekonoloġija spazjali.

Biex tapplika trid tkun iggradwajt reċentement, jew trid tkun qrib it-tlestija, tad-dottorat/PHD tiegħek f’dixxiplina teknika jew xjentifika. Se tingħata preferenza għall-applikazzjonijiet imressqin mill-kandidati fi żmien ħames snin minn meta jirċievu l-PhD tagħhom.      

Jeħtieġlek tkun ċittadin ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-ESA u minn wieħed mill-Istati Ewropej ta’ Kooperazzjoni jew mis-Slovenja jew mill-Kanada.

Tista’ tissottometti l-applikazzjoni tiegħek fi kwalunkwe ħin matul is-sena għall-postijiet vakanti li jiġu ppubblikati fuq il-paġna tal-opportunitajiet ta’ xogħol tal-ESA.

Ibgħat il-formola ta' applikazzjoni mas-CV tiegħek, flimkien mal-lista ta' pubblikazzjonijiet, ir-referenzi, iċ-ċertifikat tad-dottorat u deskrizzjoni dettaljata tal-proġett ta’ riċerka tiegħek (mhux aktar minn 5 paġni). 

 

Interships għall-istudenti

Jekk għadek qed tistudja, l-ESA toffrilek internships minn 3 sa 6 xhur bħala parti mill-kors tad-diploma tiegħek. Dawn l-internships huma disponibbli għal oqsma tekniċi kif ukoll dawk mhux tekniċi. L-internships mhux imħallsin, madankollu, tingħata allowance ta’ kull xahar ta’ €600 għal dawk mhux residenti u €300 għar-residenti. Persuna mhux residenti hi ddefinita bħala xi ħadd li jgħix aktar minn 50 km ’il bogħod mill-istabbiliment. L-allowance għal min mhux residenti se tingħata wkoll lill-istudenti bi bżonnijiet speċjali, irrispettivament mill-istatus ta’ residenza tagħhom.

Biex tapplika, għandek tkun ċittadin tal-Istati Membri tal-ESA u tal-Istati Ewropej ta’ Kooperazzjoni. Għandek tkun irreġistrat fl-università għat-tul kollu tal-internship. Preferibbilment għandek tkun fl-aħħar sena jew fit-tieni sena qabel l-aħħar waħda ta’ kors universitarju fil-livell ta’ masters jew ekwivalenti f’dixxiplina teknika jew xjentifika.

Biex tapplika, l-ewwel trid tirreġistra u toħloq il-profil tal-kandidat mas-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni tiegħek.