Skip to main content
© Markus Spiske - Unsplash © Markus Spiske - Unsplash

Traineeships mal-Unjoni Ewropea

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 30/09/2020

Kull sena, madwar 1,900 żagħżugħ u żagħżugħa jinkitbu fi programm ta’ traineeship imħallas fl-UE biex jiksbu l-opportunità li jżidu l-ħiliet personali u professjonali, jiżviluppaw il-kwalitajiet personali, u jtejbu l-għarfien tagħhom dwar l-UE.

Ħafna mill-istituzzjonijiet tal-UE jorganizzaw traineeships għall-gradwati żgħażagħ, u kull wieħed normalment iddum bejn 3 u 5 xhur.
It-traineeships isiru l-aktar fi Brussell, iżda wkoll fil-Lussemburgu, fi Strasburgu u f’postijiet oħrajn fl-Unjoni Ewropea kollha. 
L-opportunitajiet ta’ traineeships huma disponibbli fil-Kummissjoni Ewropea, fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u għal ħafna aktar entitajiet.
In-natura tax-xogħol tiegħek tiddependi fuq is-servizz li għalih tkun assenjat: tista’ taħdem pereżempju fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, fir-riżorsi umani, fil-politika ambjentali, fil-komunikazzjoni, fil-qasam taż-żgħażagħ, fit-traduzzjoni, eċċ.
Qabel tapplika, iċċekkja l-kriterji tal-eliġibbiltà li jistgħu jinbidlu minn istituzzjoni għal oħra.
Dak li hu ċert hu li int ma tridx tkun ħdimt għal aktar minn xahrejn konsekuttivi f’istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-UE u għandek titkellem tal-anqas żewġ lingwi uffiċjali tal-UE.
 
Il-proċeduri tas-selezzjoni għat-traineeships isiru mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji individwali tal-UE stess. Għalhekk jekk jogħġbok iċċekkja regolarment is-sit tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal u l-Opportunity Finder tal-Eurodesk fejn tista’ ssib informazzjoni aġġornata dwar l-aħħar pożizzjonijiet disponibbli.