Dresden hi belt Ġermaniża li qed tevolvi b’mod kostanti u tirrappreżenta bis-sħiħ is-setgħa ta’ twelid mill-ġdid u evoluzzjoni urbana. Il-belt tgħaqqad is-sbuħija antika u l-iżvilupp urban kontemporanju, b’diversi binjiet storiċi li nbnew mill-ġdid perfettament amalgamati f’pajsaġġ modernist u dinamiku uniku.
Il-Kraftwerk Mitte, li qabel kien impjant tal-enerġija li issa huwa post fejn jitħalltu flimkien l-aspett kulturali u dak artistiku, u Kulturpalast Dresden, li nbena fl-1969 u li għadda minn żewġ rikostruzzjonijiet f’dawn l-aħħar ftit snin, huma biss żewġ eżempji li jagħmlu lil Dresden il-belt ideali li fiha tista’ tesperjenza l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB).
Waqt li tkun hemm u tkun qed tgawdi mit-twelid urban storiku tal-belt, kun ċert li ma titlifx ix-xejra moderna ta’ Dresden. Skopri d-disinn inkredibbli tal-Palazz taċ-Ċinema UFA fi Triq Prager, jew il-koppla fuq il-bini Yenidze – li qabel kienet fabbrika tas-sigaretti.
Żur Ostrava biex tiskopri t-taħlita affaxxinanti ta’ disinji urbani fir-reġjun tas-Silesia Moravjana taċ-Ċekja. Ostrava hi belt storika fil-qalba tagħha, iżda mimlija b’pajsaġġi Sovjetiċi u postindustrijali, u tilqa’ ħassieba moderni u rivoluzzjonarji bl-atmosfera eklettika u dinamika tagħha.
Hawnhekk, f’armonija sħiħa mal-valuri tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB), l-aspett modern iħaddan in-natura u s-sostenibbiltà. Hemm ir-rivitalizzazzjoni attiva tal-parks tal-bliet u tal-bini industrijali antik, il-ħolqien ta’ rotot taċ-ċikliżmu, u impenn sod biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 sal-2030. Ostrava tispikka wkoll fl-inklużività u l-iżvilupp soċjali. Disinn żvelat reċentement għall-itwal skyscraper taċ-Ċekja juri pjanijiet biex jospita uffiċċji, unitajiet residenzjali, lukanda u ħafna aktar.
Waqt li tkun qed iżżur din il-belt, titlifx l-opportunità li titgħallem dwar l-għeruq industrijali tal-belt billi tesplora Dolní Vítkovice, sit li qabel kien industrijali iżda li issa ġie kkonvertit f’mużew u post tal-arti fil-beraħ.
Belt involuta fl-ippjanar u d-disinn urban sostenibbli, xempju ewlieni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB), Brno fil-biċċa l-kbira tħallat sentiment storiku antik ma’ bini u installazzjonijiet moderni. Il-belt impenjata bis-sħiħ biex tagħti skop ġdid u tagħmel ristrutturar ta’ siti li qabel kienu industrijali, bħas-sit Id-Distillerija: Reattur Soċjali, li issa huwa ċentru kulturali attiv ferm b’inizjattivi artistiċi u soċjali.
Ħu l-opportunità biex iżżur iċ-Ċentru tal-Wirjiet ta’ Brno, fejn issa hemm installat il-Prototip taċ-Ċellula tal-Belt – skultura tal-injam li tiġbor data dwar il-pjantaġġuni ta’ veġetazzjoni urbana u l-ġestjoni tal-ilma tax-xita.
Brno hija belt ewlenija fejn insibu l-pedamenti tal-Bauhaus awtentika. U ma hemm l-ebda prova aħjar ta’ dan mill-Villa Tugendhat, binja ewlenija modernista mfassla minn wieħed mill-pijunieri tal-arkitettura modernista – il-perit Ġermaniż-Amerikan Ludwig Mies van der Rohe – u elenkata bħala Sit ta’ Patrimonju Dinji tal-UNESCO.
Bratislava hija l-qalba politika, kulturali u ekonomika tas-Slovakkja. Hi toffri spettaklu fl-apert kull fejn tħares hekk kif tgħaqqad binjiet qodma u kontemporanji f’pajsaġġi naturali wiesgħa, u tħaddan bis-sħiħ il-valuri tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB).
Il-belt timxi dejjem aktar ’il quddiem b’modernizzazzjoni sostenibbli, l-arti u l-edukazzjoni. Xempju kbir tal-arkitettura modernista u Sovjetika tagħha hija l-Most SNP (Pont tar-Rewwixta Nazzjonali Slovakka). Meta tħares ’il fuq se tara gverta u ristorant f’forma ta’ UFO li joffru dehra sħiħa mill-ajru tal-belt u tax-Xmara Danubju.
Mur mixja lejn Námestie Slobody, il-Pjazza ta’ Libertà tal-belt, bil-funtana inkredibbli tal-azzar Družba fiċ-ċentru tagħha mdawra bi spazji ħodor. Tul it-triq, tinsiex tieqaf quddiem il-binja tar-Radju Slovakk, struttura inkredibbli forma ta’ piramida bil-ponta ’l isfel li tħallik bla kliem. U jekk tħobb arkitettura tal-injam sostenibbli, ara li ma titlifx il-Korzo Zálesie bl-atmosfera paċifika u naturali tiegħu, li wkoll jinsab fil-Kumpass tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.
Tixtieq tiskopri aktar? Il-faċċati modernisti ta’ Bratislava – u l-istejjer warajhom – tista’ tarahom sew fil-paġna ta’ Instagram @modernistbratislava
Is-sitt l-akbar belt fl-Ungerija hija eżempju ideali tal-valuri u l-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB). Győr hija post vivaċi li tkompli tikber fil-progress u l-evoluzzjoni. Mis-snin 1970, il-belt għaddiet minn sensiela ta’ trasformazzjonijiet biex issir pajsaġġ urban ibbilanċjat u sostenibbli. Il-belt għamlet investimenti ffukati fuq il-futur biex issir belt intelliġenti, kif ukoll biex tirrinnova l-pjazez, il-bini u l-monumenti tagħha, u introduċiet servizz tal-karozzi tal-linja tal-belt b’xejn.
L-atmosfera ta’ Győr se ġġiegħlek tħossok qisek mort lura fiż-żmien – xhieda tal-armonija bejn il-passat u l-futur tagħha. Mur mixja fost il-ħafna binjiet ċentrali tal-belt, u se tiskopri li huma monumenti ppreservati ferm tajjeb – bħall-Knisja ta’ San Injazju Benedittin, bl-intern Barokk dettaljat tagħha li jħallik bla nifs.
Barra minn hekk, l-Università ta’ Széchenyi István f’Győr reċentement nediet Kampus tad-Disinn – bl-għan li ssir ċentru reġjonali tal-industrija kreattiva u ċentru tal-innovazzjoni ffukat fuq il-ftuħ, il-flessibbiltà u l-ħsieb għas-soluzzjoni tal-problemi. U waqt li tkun miexi tul id-Danubju, titlifx kapolavur ta’ veru tal-arkitettura modernista fejn il-bajja: il-kamra għat-tibdil tal-ħwejjeġ u l-buffet ta’ Rudolf Pilt.
Vaduz, li fiha joqgħod il-Prinċep tal-Liechtenstein, hi post estremament progressiv u toffri l-vantaġġi kollha ta’ belt tal-futur. Bis-saħħa tal-introduzzjoni ta’ inizjattiva mingħajr karozzi fiċ-ċentru tal-belt, se tkun tista’ timxi liberament fit-toroq pittoreski tagħha u tassorbixxi l-atmosfera storika tagħha.
B’kuntrast qawwi, iżda perfettament integrat mal-pajsaġġ aħdar u naturali tal-Wied tar-Renu, se ssib struttura ta’ arkitettura kontemporanja kbira fil-Kunstmuseum Liechtenstein. Dan il-bini ultramodern, li jospita waħda mill-eqdem kollezzjonijiet tal-arti privata tal-Ewropa, ġie nnominat għall-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Arkitettura Kontemporanja – il-Premju Mies van der Rohe. Din il-kaxxa sewda ta’ konkrit ikkulurit imdawra minn ċagħaq tax-xmajjar u ringieli twal ta’ twieqi se tħallik ipnotizzat.
Vaduz tospita wkoll il-Bini tal-Enerġija Attiva, struttura tal-ħġieġ u tal-azzar li tiġbed l-għajn u li tipproduċi aktar enerġija milli tikkonsma minħabba l-użu esklużiv tagħha tal-enerġija ġeotermali u solari. U jekk togħġbok l-idea li taqsam il-fruntieri, tista’ żżur l-aħħar pont tal-injam li fadal fuq ir-Renu – l-Alte Rheinbrücke – pont uniku ta’ 135 metru li jgħaqqad il-Liechtenstein mal-Iżvizzera.