© John Schnobrich - Unsplash
L-attiviżmu fl-era diġitali
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 29/07/2025
Bis-saħħa ta’ interkonnessjoni b'saħħitha, li ġejja mill-firxa tal-internet, illum il-ġurnata hu iktar faċli li tinvolvi ruħek f’kawża tajba u tħossok involut b’mod attiv b’mod diġitali. Skopri kif tista’ ssemma’ l-vuċi tiegħek!
Meta tipprova tikkomunika idea billi tippowstja tweet minn kont personali ħafna drabi l-eżitu ma jkunx effettiv kemm tkun xtaqt, l-iktar minħabba żewġ raġunijiet. L-ewwel, minħabba li l-vuċi ta’ grupp tinstema’ aktar mill-vuċi ta’ persuna waħda. It-tieni, minħabba li waħda mill-karatteristiċi tan-natura umana hi t-tfittxija għal sens ta’ appartenenza.
Ejjew nesploraw xi għażliet li jippermettulek tgħid tiegħek b’modi differenti; permezz tal-ġurnaliżmu online u l-attiviżmu diġitali.
Ġurnaliżmu online
Hemm bosta modi biex tħossok attiv u tipparteċipa fid-diskussjoni minn wara l-kompjuter. Iżda fejn tista’ tfittex meta tkun trid tikteb u taqsam l-opinjoni tiegħek?
Waħda mill-pjattaformi li taħdem bħala komunità mill-bogħod hi Cafébabel, rivista parteċipatorja li tkopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti. Magħmula miż-żgħażagħ mill-Ewropea kollha u maħsuba għalihom, hi disponibbli bl-Ingliż, il-Franċiż, l-Ispanjol, it-Taljan, il-Ġermaniż u l-Pollakk.
Il-proġett beda fl-2001 mill-idea ta’ studenti li kienu qed jipparteċipaw fil-programm tal-Erasmus u kiber biex sar “spazju parteċipatorju” li jinvolvi 15,000 kontributur u li jilħaq 250,000 viżitatur uniku fix-xahar.
Filwaqt li tiffoka fuq narrattiva Ewropea, CaféBabel tistieden liż-żgħażagħ biex jaħdmu flimkien; hu possibbli li tissuġġerixxi idea, tittraduċi artiklu, tingħaqad mal-komunitajiet lokali jew issir parti mit-tim editorjali. Tista’ tagħti daqqa t’għajn hawn.
Inizjattiva ġurnalistika interessanti oħra hi Are We Europe bl-għan li tagħti tweġibiet għal mistoqsija importanti waħda: “Xi jfisser li tkun Ewropew f’dinja dejjem aktar kaotika”.
L-idea tagħhom hi li jpinġu lill-Ewropea b’mod mhux tas-soltu, u jagħtu lok għall-interkulturalità u n-narrattiva. Tista’ taqra wħud mill-istejjer direttament online iżda l-qarrejja għandhom ukoll iċ-ċans li jakkwistaw il-ħarġa stampata tar-rivista. Tixtieq tingħaqad ma’ aktar minn 450 kontributur? Aqra s-sejħa għas-sottomissjonijiet jew ipproponi artiklu direttament hawn.
Wara li twieldet ir-rivista Franċiża Le Taurillon, inħolqu varji verżjonijiet tal-format f’lingwi differenti. Hemm tim editorjali differenti għal kull taqsima tal-lingwa tas-sit web.
Ir-rivista online, li titkellem dwar l-affarijiet kurrenti, il-politika, il-kultura u l-ekonomija, hi miftuħa għal kontributi esterni. Jekk int interessat int mistieden li l-ewwel tibgħat idea.
Għażla oħra li timmira lejn iż-żgħażagħ hi l-inizjattiva Voices of Youth, imnedija mill-UNICEF. Dan il-programm jistieden liż-żgħażagħ bejn 18 u 25 sena, ħerqana li jbiddlu d-dinja, biex jiktbu blog posts (intervisti, poeżiji, stejjer personali u aktar) jew l-hekk imsejħa “xrar” (leħħiet żgħar ta’ pożittività). Is-sit web hu disponibbli bl-Ingliż, il-Franċiż, l-Ispanjol u l-Għarbi u jiġbor stejjer ta’ ispirazzjoni filwaqt li jindirizza wkoll kwistjonijiet kurrenti bħat-tibdil fil-klima. Tista’ timla l-formola ta’ parteċipazzjoni hawn.
Tista’ wkoll tibgħat proposta lil Global Voices Online, li taħdem bħala komunità multilingwi ta’ bloggers, ġurnalisti, tradutturi, akkademiċi u attivisti tad-drittjiet tal-bniedem.
Jekk tħoss il-bżonn ta’ iktar informazzjoni, speċjalment meta tikteb dwar l-Ewropa, tista’ tinkiteb għal kors bla ħlas bħal “Kif taħdem l-Unjoni Ewropea?” jew “Kif tirrapporta dwar l-Ewropa?” mill-Open Media Hub, li jappoġġja lil professjonisti tal-media fiż-żona tal-viċinat kollu tal-UE u hu ffinanzjat mill-UE. Tista’ wkoll tagħti daqqa t’għajn lejn ir-riżorsi pprovduti miċ-Ċentru Ewropew tal-Ġurnaliżmu.
Qed tistudja l-ġurnaliżmu? L-UE toffri opportunitajiet differenti bħal:
Hemm ukoll aktar għażliet għall-ġurnalisti żgħażagħ li mhumiex sponsjorjati mill-UE:
- Skema ta’ traineeship fil-ġurnaliżmu tal-BBC
- Google News Initiative Fellowship
- Internships f’Euradio
Attiviżmu diġitali
L-enċiklopedija online Britannica tiddefinixxi l-attiviżmu diġitali (magħruf wkoll bħala ċiberattiviżmu) bħala “forma ta’ attiviżmu li juża l-internet u l-media diġitali bħala pjattaformi ewlenin għall-mobilizzazzjoni tal-massa u l-azzjoni politika”.
Jekk int interessat fl-idea Ewropea, il-Parlament Ewropew beda pjattaforma bl-isem "together.eu” li tistieden lill-individwi biex jiltaqgħu, jiddibattu u jaġixxu biex jgħinu jsawru lill-Ewropa.
Din l-inizjattiva tkompli fuq il-passi tal-kampanja “Did-darba se nivvota” imnedija madwar l-aħħar elezzjonijiet Ewropej. L-eżiti tal-kampanja juru kemm jista’ jkollhom poter il-media soċjali u l-Internet, speċjalment fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa.
Il-pjattaforma European Youth Ideas għandha l-għan li tkun rabta bejnek u bejn il-Parlament Ewropew. Tipprovdik bl-opportunità li tipparteċipa attivament fil-ħajja demokratika Ewropea. Tista’ tagħmel suġġerimenti dwar kwistjonijiet li l-Ewropa qed tiffaċċja llum il-ġurnata u taqsam l-ideat tiegħek għall-Ewropa ta’ għada.
Youth4Climate hu eżempju tipiku tal-ġenerazzjoni żagħżugħa li tieħu vantaġġ mill-pjattaformi diġitali biex issemma’ l-vuċi tagħha u torganizza l-moviment tagħha.
Jeżistu wkoll spazji oħrajn li jippermettu lin-nies jaqsmu l-ideat tagħhom b’mod sikur. Wieħed minn dawn hu Media Activism li, kif jispjegaw: “Jaġixxi bħala intermedjarju bejn il-qasam attivist u l-media tal-massa, u għandu l-għan li jinkludi l-vuċijiet attivisti fl-isfera pubblika”. Billi hi inizjattiva tal-Fondazzjoni Kulturali Ewropea, il-bażi tad-data tiġbor flimkien il-videos miċ-ċittadini f’seba’ kategoriji minn “Diffikultajiet Soċjali” sa “Żgħażagħ”. Tista’ tixxerja l-kontribut tiegħek hawn.
Mod ieħor kif tixxerja messaġġ hu billi tibda petizzjoni online. Il-pjattaformi tal-web bħal Change.org jippermettu lin-nies jimmobilizzaw u jiksbu appoġġ għall-kawżi tagħhom filwaqt li pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv bħal Kickstarter jew GoFundMe jappoġġjawk timplimenta l-proġett tiegħek għal bidla soċjali.
Fl-aħħar nett, l-UE qed toffrilek inizjattiva li tippermettilek tipproponi bidliet fil-liġi tal-UE, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Kulħadd jista’ jibgħat proposta fuq il-pjattaforma, jattiva kampanja u jiġbor kunsens. Ladarba l-inizjattiva tilħaq miljun firma l-Kummissjoni Ewropea tiddeċiedi liema azzjoni tieħu. Skopri kif tniedi inizjattiva bħal din hawn.
It-teknoloġija u l-media soċjali se jgħinuk tul vjaġġ ta’ attiviżmu. Dak li għandek bżonn hu idea u angolu tajjeb biex tgħid l-istorja.