© Guus Baggermans - Unsplash
Nixtru b’mod ekoloġiku: ara li l-għażliet tiegħek bħala konsumatur jagħmlu differenza
L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 07/09/2021
Il-benesseri tagħna jiddependi fuq ir-riżorsi naturali tad-Dinja, iżda jekk inkomplu nużawhom kif qed nagħmlu jistgħu jispiċċaw iktar kmieni milli naħsbu. Wasal iż-żmien għall-bidla!
Il-konsum eċċessiv tagħna qed jixrob ir-riżorsi tad-Dinja u jipperikola l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri. Jekk inkomplu sejrin hekk, sal-2050 se jkollna bżonn ta' pjaneta oħra ta' riżorsi biex nissodisfaw id-domanda tagħna!
Diversi azzjonijiet żgħar jagħmlu differenza kbira!
Nistgħu ndawru din is-sitwazzjoni billi nbiddlu l-istil tal-ħajja tagħna u nadottaw drawwiet ekoloġiċi bħala konsumaturi. Irridu nistaqsu lilna nfusna minn fejn ġejjin il-prodotti u kif ġew prodotti, nevitaw l-iskart, nagħmlu għażliet sostenibbli, naqraw it-tikketti aktar bir-reqqa, nużaw mill-ġdid u nirriċiklaw, u nagħmlu spazju għan-natura.
Dawn huma xi rakkomandazzjonijiet sempliċi biex insiru konsumaturi aktar ekoloġiċi.
1. Illimita l-iskart tiegħek u rriċikla
Ix-xejra dinjija bħalissa hi ta’ żero skart, jew ħajja mingħajr skart. Il-motto ewlieni ta’ dan l-istil ta’ ħajja huwa 5R (Refuse, Reduce, Reuse, Recycle, and Rot - Irrifjuta, Naqqas, Uża mil-Ġdid, Irriċkla, u Tmermir), li għandu jiġi segwit f’dik l-ordni.
Kull meta xi ħaġa tispiċċa bħala skart, din tikkontribwixxi għall-pressjonijiet ambjentali fuq il-pjaneta tagħna. Ftakar, l-aħjar skart huwa dak li ma jiġix prodott!
Azzjonijiet żgħar bħat-tqegħid ta’ tikketta “Ebda Reklamar” fuq il-kaxxa tal-ittri tiegħek, l-użu ta’ batteriji li jistgħu jerġgħu jiġu ċċarġjati, l-għażla ta’ prodotti li jistgħu jerġgħu jimtlew mill-ġdid b’mod ekoloġiku jew li żżomm miegħek basket u flixkun li jista’ jerġa’ jimtela jgħinu biex jitnaqqas l-iskart (ftakar, l-ilma tal-vit huwa tajjeb għax-xorb fl-Ewropa kollha!).
Ħafna mill-iskart ġej ukoll mill-friġġ tagħna, xi ideat jinkludu x-xiri u t-tisjir ta’ dak li effettivament se tiekol (ara Cooking u Shopping tips). Illimita l-ikel take-out ippakkjat peress li jipproduċi ħafna skart (ara dan il-video) u evita prodotti b’imballaġġ li mhuwiex meħtieġ, speċjalment il-plastik.
U ovvjament, irriċikla, irriċikla, irriċikla. L-UE qed timplimenta strateġija komprensiva dwar l-iskart li tinkludi wkoll obbligi għall-Istati Membri biex jirriċiklaw l-iskart. Naturalment, l-implimentazzjoni tiddependi minna lkoll!
Fl-aħħar nett, tista’ ssir ambaxxatur fil-familja, fl-università jew fil-klabb sportiv tiegħek billi tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-immaniġġjar tal-iskart. Pereżempju, tista’ tikkontribwixxi billi torganizza xi azzjonijiet matul il-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart.
2. Narmi l-oġġett, ma tarax!
Qatt smajt bir-repair cafés? Esperti bħal elektrixins, mekkaniks, mastrudaxxi, nies li jsewwu r-roti u speċjalisti tal-IT jivvolontarjaw l-għarfien u l-ħiliet tagħhom għad-dispożizzjoni tiegħek biex isewwu toaster li ma taħdimx, libsa bit-toqob jew biċċa għamara miksura.
L-idea hi li nnaqqsu l-iskart, biex nedukaw liċ-ċittadini dwar mod ta’ ħajja sostenibbli iżda wkoll biex nippromwovu l-koeżjoni soċjali, biex nittrasmettu l-għarfien... Hemm xi repair café qrib fejn toqgħod?
Jekk teħtieġ għodda biex tibni l-għamara l-ġdida tiegħek, ara tistax tissellifha jew tikriha minflok tixtri waħda ġdida li se tuża darba jew darbtejn fis-sena. Dan se jkun irħas u aktar favur l-ambjent!
Fl-aħħar nett, tista’ tbigħ/tixtri u tiskambja l-ħwejjeġ u l-prodotti li ma tridx tilbes jew tuża aktar. Tista’ tagħmel dan f’fiera tal-iskambju, car boot sale, xi suq jew pjattaformi online apposta għalhekk. Ovvjament, jekk ma jirnexxilikx tagħmel dan, aħseb dwar ir-riċiklaġġ jew li tagħtihom bħala donazzjoni!
3. Agrikoltura appoġġjata mill-komunità
L-agrikoltura appoġġjata mill-komunità hija sistema li tgħaqqad il-produttur u l-konsumaturi fis-sistema tal-ikel aktar mill-qrib billi tippermetti li l-konsumatur jabbona għall-ħsad ta’ ċertu razzett jew grupp ta’ rziezet.
Huwa mudell soċjoekonomiku alternattiv tad-distribuzzjoni agrikola u tal-ikel li jippermetti lill-produttur u lill-konsumatur jaqsmu r-riskji tal-biedja. Dan jillimita bil-kbir ir-rwol tal-intermedjarji, jappoġġja l-bdiewa lokali u int tirċievi l-prodotti tiegħek mingħajr l-imballaġġ.
4. Iċċekkja l-ekotikketti
Il-prodotti, is-servizzi u l-kumpaniji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent huma mmarkati b’tikketta.
Fl-Unjoni Ewropea, l-Ekotikketta tal-UE tista’ tingħata lil prodotti u servizzi li għandhom impatt ambjentali baxx. Fittex il-logo fuq l-imħażen, il-prodotti, iċ-ċentri ta’ divertiment, is-siti tal-kampijiet, u l-prenotazzjonijiet tal-lukandi (huwa disponibbli katalgu online). Jeżistu wkoll tikketti nazzjonali bħan-“Nordic Swan” fil-pajjiżi Nordiċi, l-“NF Environment” fi Franza u l-“Blue Angel” fil-Ġermanja.
5. Agħżel prodotti etiċi
Huwa importanti li wieħed ikun konxju etikament ukoll: x’inhu l-impatt tal-konsum tiegħek fuq persuni oħra? Qed tippromwovi t-tħaddim tat-tfal jew xi forma oħra ta’ traffikar tal-bnedmin f’pajjiż imbiegħed?
Fl-aħħar snin, speċjalment fl-industrija tal-moda, ingħatat ħafna prominenza lil skandli tal-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem. F’dawk li jissejħu “sweatshops”, il-ħaddiema jaħdmu sebat ijiem fil-ġimgħa mingħajr vaganzi, ma jirċevux pagi diċenti, u ma jitħallewx jiffurmaw unions. Tista’ tagħmel pressjoni fuq dawk l-industriji billi tiddeċiedi fejn tonfoq flusek, tiffirma l-petizzjonijiet, tappoġġja l-movimenti kummerċjali etiċi u tippowstja l-opinjoni tiegħek fuq il-media soċjali.
Meta tixtri l-prodotti, ikkunsidra li tagħżel dawk li jkunu ġejjin minn kumpaniji speċjalizzati fil-kummerċ ġust u l-prodotti etiċi, u fittex tikketti bħal Fairtrade, Forest Stewardship Council, Fair Trade Certified jew Rainforest Certified Certificate.