Skip to main content
© Unsplash - Markus Spiske © Unsplash - Markus Spiske

Żgħażagħ li jwasslu bidla għal pjaneta aktar ekoloġika

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ġimgħa, 27/08/2021

Fl-Ewropa kollha, eluf ta’ żgħażagħ jinsabu fit-toroq isejħu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jieħdu azzjoni dwar it-tibdil fil-klima.

Iltqajna ma’ xi ambaxxaturi taż-żgħażagħ, involuti fit-tmexxija ta’ proġetti biex jintlaħqu dawk l-isfidi fl-avveniment “Żgħażagħ għall-Bijodiversità”, organizzat f’Novembru 2019 mid-DĠ Ambjent tal-Kummissjoni Ewropea. Il-ġenerazzjoni l-aktar Ekoloġika li qatt kien hawn? Skopri x’qed jagħmlu u x’tista’ tagħmel biex issalva l-pjaneta.

 

Xi skatta l-impenn tagħhom għat-tibdil fil-klima?

 

Għaliex din il-ġenerazzjoni hija impenjata daqshekk għat-tibdil fil-klima? Minn età żgħira, huma semgħu dwar it-tibdil fil-klima, qed jaraw ukoll l-impatt tiegħu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Nathan involva ruħu f’Youth and Environment Europe, il-pjattaforma li tlaqqa’ flimkien bosta organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej attivi fil-protezzjoni ambjentali; il-mument ta’ rivelazzjonijiet ġie direttament minn pajjiżu stess meta ra l-Alpi jdubu.

 

Kollha kemm huma jridu jagħmlu xi ħaġa sinifikanti f’ħajjithom, billi jgħaqqdu l-istudji tagħhom u l-interess tagħhom fil-kwistjonijiet tan-natura u ambjentali. Dan huwa l-każ ta’ Alex, li għandu grad ta’ master’s fil-Konservazzjoni u attiv f’NGO biex jibni pontijiet bejn iż-żgħażagħ u dawk li jfasslu l-politika fil-livell Ewropew. “Fil-livell tal-UE ma kienx hemm ħafna parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet ambjentali u verament ridna nlaqqgħu lin-nies flimkien”. Dan huwa kif impenja ruħu mal- Generation Climate Europe (GCE), koalizzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet ewlenin immexxija miż-żgħażagħ u n-networks attivi fil-livell Ewropew.

 

 

L-Unjoni Ewropea qed tagħmel biżżejjed?

 

L-Unjoni Ewropea hija ferm favur l-indirizzar tat-tibdil fil-klima f’livell internazzjonali. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen appellat għal Patt Ekoloġiku Ewropew f’Diċembru 2019. Dan huwa biżżejjed u x’tista’ tagħmel aktar l-UE?

 

“L-Ewropa qed tagħmel ħafna f’dan il-qasam; hija fuq quddiem nett fid-dinja f’termini ta’ sostenibbiltà u standards ambjentali”, jiddikjara Corentin, “iżda ovvjament mhux biżżejjed”. Huwa jemmen fl-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, għan li Up for Europe stabbilixxa l-Ewropa sabiex iż-żgħażagħ Ewropej jingħataw vuċi u jitħeġġu s-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni ekoloġiċi.

 

Għal Nadine u Nynke, li nedew Pollinators Ambassadors, inizjattiva li tiffoka fuq biedja u trobbija tan-naħal ħielsa mill-pestiċidji, l-UE tista’ tappoġġja startups taż-żgħażagħ fil-qasam b’aktar “opportunitajiet ta’ finanzjament fuq skala żgħira biex b’hekk proġetti lokali jkunu jistgħu wkoll jibdew mil-livell l-aktar baxx 'il fuq”. Is-sostenibbiltà għandha tiġi integrata fil-politiki u l-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE, żiedet tgħid Monika.

 

 

Kull wieħed minna kif jista’ jagħmel bidla?

 

Hemm modi differenti kif tinvolvi ruħek. "L-iċken ħaġa tgħin. Naf li tista’ tħoss li persuna waħda li tniżżel firma waħda ma tagħmel ebda differenza politika jew li tkun biss persuna waħda li taqbad anqas spiss ajruplan ma tagħmilx differenza, iżda jekk nagħmlu dan ilkoll li aħna nagħmlu differenza. Mela emmen f'dan u mmobilizza", qalet Monika, mill-Unjoni tal-Istudenti Ewropej.

 

Ipparteċipa fi strajkijiet, kun infurmat, involvi ruħek f’NGOs u inizjattivi lokali mmexxijin miż-żgħażagħ, u fil-politika jissuġġerixxu Nathan, Corentin u Alex. L-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli għandha tkun prijorità biex titqajjem kuxjenza fost iż-żgħażagħ, saħqet Monika.

 

Xi inkoraġġimenti ġejjin ukoll minn Nadine u Nynke għaż-żgħażagħ li lesti jibnu proġetti fil-qasam ambjentali: “Tibżax, kbira kemm tidher kbira l-ħolma li qed issegwi, għal kemm l-isforz tiegħek issa jista’ jidher li mhuwiex realistiku, ibda b’pass żgħir u m’għandekx għalfejn tagħmel dan waħdek”.

 

 

X’inhu l-Patt Ekoloġiku Ewropew?

 

L-Unjoni Ewropea poġġiet it-tibdil fil-klima fil-quċċata tal-aġenda politika tagħha bil-Patt Ekoloġiku Ewropew, li ġie żvelat f’Diċembru tal-2019 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen. Il-Patt għandu għan aħħari: li l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050.

 

Kif għandu jsir dan? L-ewwel nett, billi l-enfasi ssir fuq erba’ oqsma ewlenin: l-enerġija, il-bini, l-industrija, il-mobbiltà u l-ħidma fuqhom filwaqt li tiġi garantita tranżizzjoni inklużiva, li ma tħallix lil individwi jew reġjuni jaqgħu lura. Se tingħata għajnuna lill-kumpaniji biex isiru mexxejja dinjija fil-prodotti u t-teknoloġiji nodfa. Flimkien mal-appoġġ tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar, kollox se jkun jista’ jitwettaq aktar.
 

Aqra aktar dwar din l-inizjattiva importanti hawnhekk.

 

NB: Il-videos u l-kwotazzjonijiet irrappurtati fihom il-perspettiva taż-żgħażagħ intervistati. Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea ma tistax tinżamm responsabbli għaliha.