© Photo by Scott Graham on Unsplash
Ix-xogħol fl-Ewropa
L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 21/10/2020
Qed tipprova tidħol fis-suq tax-xogħol iżda m’intix ċert minn fejn tibda tfittex? Hemm għadd kbir ta’ opportunitajiet fl-Ewropa kollha, iċċekkja kif tista’ ssibhom hawnhekk!
Kun lest biex tibgħat l-applikazzjonijiet tiegħek
Meta tfittex xogħol jista’ jkun kompitu skoraġġanti, iżda jekk tipprepara qabel ma tapplika dan jidher faċli! Qabel ma tiġi impjegat minn dak li se jkun qed iħaddmek, kun ċert li tkun għamilt dawn il-passi biex iżżid l-impjegabbiltà tiegħek.
1. Fassal is-CV tiegħek għall-pożizzjoni li tixtieq
Ladarba ssib ix-xogħol għalik, bigħ lilek innifsek mill-aħjar li tista’! Pereżempju, jekk qed tapplika għal pożizzjoni fil-ġurnaliżmu, uri n-naħa kreattiva tiegħek kemm jista’ jkun fl-esperjenza tiegħek. CVs ġeneriċi ħafna drabi jitilfu dak li l-kumpaniji jridu għal rwoli speċifiċi, għalhekk kun ċert li tiegħek tkun tajba għax-xogħol!
2. Editja l-media soċjali tiegħek
Li żżomm kont aġġornat fuq LinkedIn jista’ xi kultant jgħinek bl-applikazzjonijiet tiegħek, u t-tweets tiegħek jistgħu juru l-passjoni tiegħek għall-qasam li qed tapplika għalih. Bl-istess mod, jekk hemm xi ħaġa li tippreferi li min se jħaddmek ma jarahiex fis-CV tiegħek, probabbilment għandha tinħeba. Għal aktar pariri dwar kif tagħmel l-aħjar użu mill-media soċjali tiegħek, agħti daqqa t’għajn lejn dan l-artiklu tajjeb mill-EURES!
3. Irriċerka l-organizzazzjoni
Waqt li qed tistenna tweġiba, irriċerka dwar il-proġetti attwali tal-organizzazzjoni, u lesti suġġerimenti dwar kif tista’ ttejjibhom. Dan juri l-interess u r-rieda tiegħek li taħdem għall-kumpanija li tapplika għaliha!
4. Ikkuntattja u staqsi
Toqgħodx tibża’ tikkuntattja l-kumpanija u tistaqsi kif inhi sejra l-applikazzjoni tiegħek, dan juri l-interess u l-ħerqa tiegħek biex tibda!
5. Fejn issib xogħol
F’pajjiżek, dejjem tista’ tikkuntattja lis-servizz pubbliku lokali tax-xogħol tiegħek biex issib xogħol li hu tajjeb għalik.
Jekk int lest li taħdem lil hinn, iċċekkja l-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol u l-Jiem l-Impjiegi Ewropej: avvenimenti ta’ reklutaġġ li jlaqqgħu flimkien lil dawk li qed ifittxu impjieg ma’ dawk li jħaddmu. Hemm tista’ ssib mhux biss opportunitajiet ta’ reklutaġġ iżda wkoll informazzjoni prattika u pariri. Jekk qed tfittex opportunità ta’ traineeship imbagħad għandek iżżur l-Eurodesk Opportunity Finder. Dawn ir-riżorsi kollha huma aġġornati regolarment, u juru postijiet vakanti fl-Ewropa kollha!
Siti simili li jirreklamaw l-impjiegi fl-Ewropa jinkludu:
Ma sibt xejn?
Jekk ma ssib xejn li jinteressak, għaliex ma tikkunsidrax il-volontarjat? Dan hu mod tajjeb ħafna biex tikkontribwixxi filwaqt li tara d-dinja, b’varjetà wiesgħa ta’ proġetti. Il-volontarjat hu wkoll opportunità kbira biex jiġu żviluppati l-ħiliet meħtieġa għall-post tax-xogħol, bħall-organizzazzjoni u l-immaniġġjar tal-ħin! Iċċekkja l-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u t-taqsima tagħna f’“Volontarjat” għal aktar informazzjoni. Forsi ssib ukoll wieħed tajjeb għalik hawnhekk.