Il-belt Ġermaniża ta’ Hamburg toffri ħafna x’tagħmel u x’tesplora – u b’hekk issir waqfa perfetta fuq il-vjaġġ tiegħek ta’ DiscoverEU. L-arkitettura sorprendenti, ix-xtut tax-xmara Elbe, li tinkludi l-parklands u l-firxa ta’ mużewijiet uniċi hawnhekk jelevawha bħala post eċċitanti biex wieħed iqatta’ jum ta’ esplorazzjoni. Hamburg hija rikonoxxuta b’mod wiesa’ bħala l-Belt Intelliġenti l-aktar innovattiva tal-Ġermanja, u tinsab fuq nett fil-klassifikazzjonijiet tal-2020 ta’ Bitkom’s & Haselhorst Associates. Hamburg qed tittestja l-potenzjal tas-sewqan awtonomu fl-Ewropa. Għalhekk, itla’ fuq e-shuttle minibus awtonomu u esperjenza rikba fil-belt mingħajr sewwieq! Kompli esplora l-avvanzi fl-innovazzjoni urbana u diġitali u żur l-Hammerbrooklyn.DigitalCampus.
Agħmel waqfa f’Poznań u skopri destinazzjoni sottovalutata! Il-belt Pollakka hija waħda mill-eqdem fil-pajjiż, u l-wirt storiku tagħha joffri bosta monumenti sbieħ, knejjes u bini antik. Meta tkun fil-pjazza l-antika tas-suq ta’ Stary Rynek, se tkun tista’ tammira l-arkitettura imponenti tas-sala muniċipali Rinaxximentali f’atmosfera rilassanti. Mur sal-Citadel Park fil-periferija taċ-ċentru tal-belt biex tgawdi l-karatteristiċi tal-ilma, il-kafetteriji friski, il-ġonna botaniċi u anke l-fdalijiet tal-fortifikazzjonijiet tas-seklu 19 u diversi wirjiet tal-iskultura fil-beraħ. Poznań għamlet ukoll l-aċċessibilità prijorità. Is-Sala Muniċpali tal-Belt ta’ Poznań żviluppat portal tal-internet iddedikat għall-persuni b’diżabilità li fih informazzjoni attwali dwar l-avvenimenti, it-trasport, u aktar. Fl-2014, il-belt ingħatat it-3 post fil-Premju Access City u rċeviet referenza speċjali fl-2021. Biex tidħol fil-belt, uża PEKA. Din il-pjattaforma tal-biljetti tat-trasport se tippermettilek tuża l-istess biljett biex tuża diversi fornituri tat-trasport pubbliku. Liema żona se żżur l-ewwel?
B’ħafna x’tagħmel u tesplora, il-belt Pollakka ta’ Białystok hija waqfa perfetta fil-vjaġġ tiegħek ta’ DiscoveryEU! Il-kultura tagħha hija rikka u multidimensjonali, li tlaqqa’ flimkien l-influwenzi Pollakki, Russi, Belarussi, Tatar, Magyar, Kattoliċi, Ortodossi Kristjani, Musulmani u Lhud. Białystok tinsab f’żona magħrufa għall-kwalità tal-arja tagħha, imsejħa l-“Pulmuni Ħodor tal-Polonja”. Wara li żżur il-Palazz ta’ Branicki, mur mixja sal-Planty Park u ltaqa’ ma’ sisien tal-ħaxix u arbuxelli kkurati, sodod tal-fjuri miżmumin tajjeb, skulturi, għadajjar, u ġnien tal-ward b’erba’ livelli. Iżda titqarrqax! Białystok mhix belt sabiħa rieqda: il-belt hi impenjata li ssir intelliġenti. Għandha sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku intelliġenti u interna li tottimizza u żżid l-effiċjenza tat-trasport permezz ta’ network ta’ kameras.
Mill-knejjes neoklassiċi tagħha sal-passat affaxxinanti tagħha, Vilnius għandha tkun fuq il-lista ta’ bliet li għandek iżżur. Segwi x-xmara Neris biex tara Vilnius bil-mixi. Il-passaġġ jgħaddi miċ-ċentru tal-belt u jurik bars u kafetteriji fuq il-waterfront, arti tat-triq, skulturi każwali u wieħed mill-akbar spazji ekoloġiċi tal-belt. Imbagħad, għaddi lejn in-nofs tal-Pjazza tal-Katidral ta’ Vilnius biex issib il-maduma mirakuluża ta’ Stebuklas. Irfes fuqha, dur madwarha 3 darbiet bħall-arloġġ, aqbad u ċapċap hekk kif tagħmel xewqa – in-nies tal-lokal jgħidu li dan iseħħ. Iżda meta tiġi biex issir belt intelliġenti, Vilnius ma tiddependix fuq il-mirakli. Il-kapitali Litwana qed tiżviluppa IoT Highway biex twassal firxa wiesgħa ta’ objettivi ta’ Belt Intelliġenti inklużi d-dawl intelliġenti, l-użu tal-ilma, il-parkeġġ intelliġenti, il-ġestjoni tal-iskart u inizjattivi tat-traffiku intelliġenti.
Tixtieq tieħu waqfa mill-ħajja tal-belt tiegħek? Agħżel l-ekoloġija u żur Ignalina! Id-distrett tagħha, li jinsab fil-Lvant tal-Litwanja, huwa magħruf sew bħala art ta’ pajsaġġi sbieħ. Din għandha aktar minn 200 lag, xi xmajjar u għadajjar, u l-foresti tagħha jieħdu terz tat-territorju. Din il-parti selvaġġa tal-Litwanja tat spinta lill-iżvilupp tagħha fl-1866 meta nbniet il-ferrovija bejn Saint-Petersburg u Varsavja. Illum, Ignalina taħdem biex tiżviluppa l-ħiliet tal-IT tal-popolazzjoni tal-belt, biex tappoġġja d-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi fir-reġjun bl-għajnuna tal-finanzjament tal-UE. Waqt li tkun f’Ignalina, ħu pass lura fiż-żmien bi żjara fil-Mużew tat-Trobbija Antika tan-Naħal u gawdi xi arti waqt li timxi bl-iskulturi liberi kollha fil-belt.
Jekk il-vjaġġ tiegħek ta’ DiscoverEU jwasslek il-Latvja, ieqaf f’Riga! L-istorja rikka tagħha, l-arkitettura imponenti, u l-ħajja ta’ billejl vivaċi se jaffaxxinawk. Fil-belt antika ta’ Riga, titlifx l-iskultura stramba tal-Mużiċisti tal-Belt ta’ Bremen b’4 annimali, ibbażata fuq waħda mill-leġġendi tal-Aħwa Grimm, u ħu selfie magħhom. Mur mixja fil-belt Baltika imponenti u sib triqtek grazzi għad-930 post ta’ konnessjoni tal-WiFi bla ħlas u b’veloċità għolja stabbiliti fil-belt kollha. Filwaqt li impenjat ruħha li ssir belt intelliġenti, Riga nediet il-Smart City Cluster Project bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea. Din il-pjattaforma tgħaqqad l-intraprendituri Latvjani ma’ organizzazzjonijiet tar-riċerka biex jiżviluppaw proġetti li jappoġġjaw l-objettivi tal-Bliet Intelliġenti.
Il-belt kapitali tal-Estonja, Talinn, li tinsab fuq il-Golf Baltiku tal-Finlandja, toffri influwenzi Skandinavi, Russi u mill-Ilvant tal-Ewropa. Waqt li tkun hemm, kun ċert li timxi fit-toroq li jserrpu sal-Pjattaforma ta’ Osservazzjoni ta’ Kohtuotsa, fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-Għolja ta’ Toompea. Minn hemm, se tikseb l-aħjar veduti tal-belt qadima sabiħa u t-toroq u l-fortizza tagħha. Għalkemm Tallinn hija belt Medjevali, se tkun tista’ taċċessa l-WiFi mingħajr ħlas fuq in-network tat-tramm tagħha. Il-kapitali Estonjana ġiet it-tieni fil-premju tal-Kapitali Ewropea tal-Innovazzjoni fl-2017 u r-rebbieħa tal-Bliet Intelliġenti ta’ Netexplo 2020. Għandha 86 servizz elettroniku kompletament diġitali li jissimplifikaw l-interazzjonijiet taċ-ċittadini tagħha mal-gvern muniċipali u s-servizzi pubbliċi tagħhom.
Tampere, fil-Finlandja ċentrali, spiss tinqabeż mit-turisti, li rarament imorru lil hinn minn Helsinki. Mela, ejja nkunu kurjużi u niskopru din il-belt! Tampere għandha ħafna mużewijiet differenti mhux tas-soltu bħall-mużew tal-ispiji, il-mużew famuż tal-karattri Moomin jew il-Mużew Finlandiż tal-Logħob, fejn tista’ titgħallem aktar dwar l-istorja tal-logħob diġitali. Il-lagi jdawru l-belt Finlandiża. Jekk żżur Tampere fix-xitwa, ħu l-opportunità li tmur ice fishing jew mixi Nordiku! Hekk kif se timxi madwar il-belt, se tħossok eċċezzjonalment sikur. Bil-proġett SURE ffinanzjat mill-UE, Tampere għandha l-għan li tagħmel il-ħajja tal-persuni mixjin fit-toroq aktar sikur bis-saħħa ta’ soluzzjoni tal-IoT. F’Jannar 2020, il-belt iffirmat id-dikjarazzjoni Join, Boost, Sustain dwar l-għaqda tal-forzi biex issawwar futur urban sostenibbli permezz tad-diġitalizzazzjoni.