© Yomex Owo - Unsplash
Id-drittijiet tal-persuni b'diżabilitajiet
L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 17/12/2025
Skont l-istħarriġ tal-EU-SILC tal-2016, 100 miljun persuna b’diżabilità jgħixu fl-Unjoni Ewropea. Minkejja l-għadd kbir ta’ nies, ħafna minnhom għadhom iħossuhom iżolati u ma jistgħux igawdu bis-sħiħ mil-libertà ta’ moviment tagħhom fl-UE.
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma parti għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-messaġġ prinċipali tagħha huwa li l-persuni b’diżabilità jkunu intitolati għal spettru sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali mingħajr diskriminazzjoni.
Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b’Diżabilità tan-Nazzjonijiet Uniti, tiddefinixxi l-persuni b’diżabilità bħala persuni “li għandhom nuqqasijiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew sensorjali fit-tul, li meta jirrelataw ma' ostakoli varji jistgħu jtellfuhom milli jipparteċipaw b'mod sħiħ u effettiv fis-soċjetà fuq bażi ugwali bħall-oħrajn”.
X’qiegħda tagħmel l-UE?
L-UE wriet l-impenn tagħha li tħares lill-Ewropej mid-diskriminazzjoni fit-trattati tagħha u fil-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni. Hija għamlet liġi importanti li tipproteġi d-drittijiet tan-nies kollha: il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Pereżempju, tgħid li l-persuni b’diżabilità għandhom id-dritt li jgħixu ħajja indipendenti, ikollhom impjieg u jkunu parti mill-komunità. Hija tgħid ukoll li huwa kontra l-liġi li persuni jiġu ttrattati b’mod inġust sempliċiment għaliex għandhom diżabilità.
Flimkien ma’ testi legali, l-UE tiżviluppa strumenti differenti. Eżempju ta’ dan huwa l-Karta tad-Diżabilità tal-UE, li tiżgura aċċess ugwali għall-benefiċċji f’oqsma bħall-kultura, id-divertiment, l-isport u t-trasport fi grupp ta’ tmien pajjiżi tal-UE.
L-UE torganizza kampanji ta’ sensibilizzazzjoni bħall-Jum Ewropew annwali tal-Persuni b’Diżabilità, konferenzi u l-Premju ta’ Belt Aċċessibbli, li jippremja bliet li għamlu sforzi eċċezzjonali biex isiru aktar aċċessibbli.
Eżempju ieħor ta’ prattika tajba huwa l-Istrateġija tal-Erasmus+ għall-Inklużjoni u d-Diversità fil-qasam taż-żgħażagħ, li għandha l-għan li tikseb impatt saħansitra akbar fuq il-ħajja taż-żgħażagħ żvantaġġati u biex tiżgura li l-Erasmus+ iwieġeb b’mod pożittiv għad-diversità fil-qasam taż-żgħażagħ.
X’jiġri jekk id-drittijiet tiegħek ma jiġux rispettati?
L-UE għandha l-għan li tiżgura li d-diżabilitajiet ma joħolqux ostakli fl-Ewropa. Madankollu, fil-prattika, m’aħniex kollha protetti b’mod ugwali. Jekk iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt li jmorru f’pajjiż ieħor tal-UE, tista’ tħabbat wiċċek ma' ostakli meta tistudja, tfittex xogħol, tivvjaġġa, tixtri oġġetti u servizzi jew sempliċiment taċċessa l-informazzjoni.
Is-servizzi differenti qegħdin hemm biex jappoġġjawk. Pereżempju, jekk ikollok problemi waqt li tkun qed tivvjaġġa bl-ajruplan, bil-vapur, bil-ferrovija jew bil-karozza tal-linja, tista’ tagħmel ilment. Hemm uffiċċji fil-pajjiżi kollha tal-Ewropa li jistgħu jgħinuk bl-ilment tiegħek. Tista’ ssib aktar informazzjoni u l-lista ta’ kuntatti għal kull pajjiż hawnhekk.
Skopri d-drittijiet tiegħek f’dan il-fuljett ippubblikat mill-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità u tgħallem dwar dawk is-servizzi differenti. Jekk tħoss li d-drittijiet tiegħek mhumiex rispettati jew li qed tiġi ttrattat b’mod inġust, huwa importanti li ssemma’ leħnek!
Tixtieq tieħu azzjoni?
L-UE tipprovdi għotjiet lil organizzazzjonijiet mhux governattivi u żżomm djalogu regolari magħhom biex tiżgura li l-interessi tal-persuni b’diżabilità jitqiesu fil-leġiżlazzjoni tal-UE.
Dawn in-networks Ewropej għandhom membri nazzjonali li jaġixxu bħala l-vuċi tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Jekk tixtieq issemma’ leħnek, agħti daqqa t’għajn u ara liema wieħed huwa rilevanti għalik. Hawn taħt hawn xi eżempji:
- Forum Ewropew dwar id-Diżabilità
- Network Ewropew għal Għajxien Indipendenti (ENIL)
- Inklużjoni fl-Ewropa
- Federazzjoni Internazzjonali għall-Ispina Bifida u l-Hydrocephalus
- Unjoni tal-Għomja Ewropea
- Unjoni Ewropea għat-Torox
- Awtiżmu Ewropa
- Saħħa Mentali Ewropa
- Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fornituri tas-Servizzi għall-Persuni b'Diżabilità