Skip to main content
© European Union © European Union

Kif tagħżel opportunità tajba ta' volontarjat

L-aħħar aġġornament sar fi It-Tlieta, 23/04/2024

L-aktar ħaġa importanti hi li tagħżel il-volontarjat li jaqbel mal-ħiliet, l-interessi u d-disponibbiltà tiegħek. Meta dan ikun ċar, tista’ tibda t-tfittxija tiegħek għal opportunità ta’ volontarjat ta' kwalità.

Il-volontarjat jista’ jkun esperjenza li ma tinsihiex, iżda b'daqstant opportunitajiet imnejn tagħżel hu importanti li toqgħod attent mill-għażla tiegħek. Il-kwalità tal-esperjenza tiegħek se tiddetermina kif se tibbenefika minn din l-avventura umana kbira.

Issettja l-għanijiet tiegħek

Hemm ħafna modi kif wieħed jista’ jivvolontarja. Tista’ tagħmel volontarjat fil-komunità tiegħek, online jew fuq in-naħa l-oħra tal-pjaneta. Tista’ taħdem mar-refuġjati, l-anzjani u t-tfal... jew pereżempju tgħin f’żoni ta’ diżastri jew biex l-ambjent tiegħek isir aktar ekoloġiku. Hemm ħafna għażliet!

Meta tiddeċiedi li tagħmel volontarjat, l-ewwel ħaġa li tistaqsi lilek innifsek hi:

  • X 'inhuma l-għanijiet u l-istennijiet tiegħi?
  • Kemm għandi żmien?
  • X'tip ta' xogħol nixtieq nagħmel?
  • Liema ħiliet nista' noffri?

Il-Eurodesk żviluppa kwiżż online biex jgħinek tevalwa x’inhi l-aktar opportunità ta’ volontarjat xierqa għalik. Fl-aħħar, eżempji differenti ta’ programmi se jiġu pprovduti bħala sors ta’ ispirazzjoni.

Fittex opportunitajiet 

Hemm diversi organizzazzjonijiet li joffru opportunitajiet ta’ volontarjat. L-Unjoni Ewropea toffrilek opportunitajiet kbar biex tagħmel volontarjat kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak internazzjonali permezz tal-Programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Tista’ tirreġistra fil-programm jekk għandek bejn 17 u 30 sena, iżda jrid ikollok tal-anqas 18-il sena meta tkun qed tissieħeb fi proġett ta’ volontarjat. Ladarba tintgħażel, kollox hu rranġat għalik! 

Jekk tixtieq tibda avventura ġdida u tiddedika ruħek biex tgħin lill-oħrajn, tista’ tinkiteb mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà llum! Tista’ wkoll tfittex fil-bażi tad-data tal-organizzazzjonijiet akkreditati biex tikseb id-dettalji ta’ kuntatt ta’ organizzazzjonijiet li jistgħu jkunu qed ifittxu voluntiera għall-proġetti tagħhom jew tibbrawżja l-opportunitajiet differenti u tapplika direttament mis-sit. Għadu mhux ċar x’tip ta’ attività għandek tagħżel? Wieġeb il-kwiżż tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà!

Fuq il-web, issib ukoll organizzazzjonijiet privati li jipproponu programmi ta’ volontarjat barra il-pajjiż, attent li xi wħud jistgħu jkunu għaljin ħafna.

Dawn huma xi organizzazzjonijiet interessanti u bażijiet tad-data ta’ opportunitajiet ta’ volontarjat:

Għamel ftit verifiki ta' referenza

Għandek issib ħafna opportunitajiet differenti fuq l-internet, minħabba li jeżistu bosta organizzazzjonijiet li jilqgħu l-għajnuna tiegħek. Madankollu, għandek tiżgura li dawn l-organizzazzjonijiet huma affidabbli. Hemm mijiet ta' siti web għall-għaqdiet li ma għadhomx jeżistu, li qatt ma eżistew verament jew li sempliċiment ma jwettqux ix-xogħol li jgħidu. Anki jekk tara riklam fuq sit iddedikat għall-volontarjat, għandek tiftakar li dawn is-siti mhumiex responsabbli mill-kredibbiltà tal-organizzazzjonijiet li jirriklamaw dwarhom.

Fil-qosor, dejjem għandek tinvestiga organizzazzjoni mhux biss billi żżur is-sit web iżda wkoll billi titkellem mal-istaff tagħha, sabiex tkun taf x’qed jippruvaw iwettqu u kif jaħdem il-programm tal-volontarjat tagħhom. Organizzazzjonijiet affidabbli ma jkollhomx problema jwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek u li jlaqqgħuk ma' volontiera preċedenti.

Żomm f'moħħok li anke jekk għażilt opportunità li dehret perfetta f'organizzazzjoni ta' fiduċja, l-affarijiet xorta jridu ż-żmien biex jimxu mingħajr skossi u għandek tkun paċenzjuż. Mhux kull missjoni ta' volontarjat hi tajba għal kull volontier, u filwaqt li waħda tista' ma tkunx ideali għalik, se jkun hemm ħafna oħrajn li jaqdu l-ħtiġijiet tiegħek.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Volontarjat (CEV) ippubblika sett ta’ għodod biex jgħinek tevalwa l-opportunitajiet ta’ volontarjat. Hu jkun utli, matul il-proċess tad-deċiżjoni, sabiex tinstab l-aktar azzjoni xierqa li għandha tittieħed.