Skip to main content
©  Photo by Adeolu Eletu on Unsplash © Photo by Adeolu Eletu on Unsplash

Erasmus għall-intraprendituri żgħażagħ

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 21/10/2020

Jekk int deċiż li trid tibda n-negozju tiegħek jew jekk diġà għandek negozju, Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ jagħtik l-opportunità li taħdem ma' intraprenditur bl-esperjenzja f’pajjiż ieħor tal-UE.

Bħala ċittadin tal-UE, għandek dritt tibda negozju fi kwalunkwe pajjiż tal-UE jew li tistabbilixxi fergħa sussidjarja ta’ negozju eżistenti bbażat fl-UE fi Stat Membru ieħor tal-UE. Ir-rekwiżiti huma differenti għal kull pajjiż, u għalhekk huwa importanti li taqra dwar il-proċeduri li trid tgħaddi minnhom. 

Permezz tal-portal għan-negozji ġodda fuq “L-Ewropa tiegħek”, tista’ tiċċekkja r-rekwiżiti aktar fid-dettall għal kull pajjiż, jiġifieri l-liġijiet li trid tqis u l-proċeduri amministrattivi li se jkollok tgħaddi minnhom. Barra minn hekk, il-portal għan-negozju ta’ "L-Ewropa Tiegħek" għandu informazzjoni dwar kwistjonijiet bħall-VAT u d-dwana, il-bejgħ f'pajjiż ieħor, ir-rekwiżiti tal-prodotti u tikketti ambjentali.

Jekk tixtieq topera n-negozju tiegħek f’aktar minn pajjiż wieħed tal-UE, tista’ tikkunsidra li twaqqaf Kumpanija Ewropea. Din tippermettilek li tittrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tiegħek lejn pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma jkollok toqgħod twettaq stralċ. Tkun tista' wkoll tinvolvi persunal impjegat f’aktar minn pajjiż wieħed.

Intraprenditorija tfisser li tibdel l-ideat tiegħek f'azzjoni 

Dan ifisser xogħol iebes u ħerqa għal riskju kkalkulat. Il-fattur ewlieni huwa l-innovazzjoni – l-iżvilupp ta' prodotti jew servizzi ġodda li ħadd qatt ma jkun ipprovda qabel, jew f’postijiet fejn ma jinstabux.

Aqbad idea li tiġik, tkun kemm tkun fiergħa. Imbagħad tkun tista' tirfina l-ħsieb tiegħek, tiddiskuti ma' ħaddieħor, u tibda tiżviluppa pjan tan-negozju – dokument strutturat li jiddeskrivi l-għanijiet tiegħek u kif tixtieq tiksibhom.

U naturalment ma għandekx għalfejn tagħmel dan kollu waħdek – tista' tibda negozju ma' sħabek, il-kollegi jew il-membri tal-familja tiegħek. Jagħmel sens ukoll li tingħaqad ma' nies li għandhom ħiliet u esperjenzi ta' negozju differenti minn tiegħek.

Tixtieq tara xi jfisser li tkun intraprenditur f’pajjiż ieħor tal-UE? Permezz ta’ Erasmus għal Intraprendituri Żgħażagħ, tikseb pariri u suġġerimenti minn intraprenditur bl-esperjenza għal sitt xhur u ara l-intrapriża tiegħek tikber!

Fl-istess ħin, se tkun qed toffri perspettiva ġdida lill-intraprenditur li jospitak.

Min jista’ japplika?

L-iskema hija miftuħa għal dawk li jixtiequ jsiru intraprendituri jew għall-intraprendituri ġodda. Irid ikollok jew:

  • pjanijiet definiti biex tibda negozju, ibbażat fuq pjan ta' negozju vijabbli jew 
  • negozju tiegħek matul l-aħħar 3 snin

Il-programm ma għandux limitu ta' età u l-kumpanija jew l-attività tiegħek tista' tkun fi kwalunkwe settur.

Jistgħu japplikaw kandidati minn kwalunkwe pajjiz tal-UE. Jekk int minn pajjiż barra mill-UE tista' tapplika wkoll, sakemm tkun resident permanenti u biħsiebek tibda n-negozju tiegħek f'pajjiż tal-UE.

Kif tapplika?

Imla l-formola ta' reġistrazzjoni online u agħżel l-eqreb punt ta' kuntatt lokali fejn tgħix. Dan għandu jiggwidak matul il-proċess. Jekk ma ssib l-ebda punt ta' kuntatt xieraq f'pajjiżek, tista' tikkuntattja wieħed mill-100 punt lokali f’pajjiżi oħrajn.

Erasmus għall-Intraprendituri Żgħażagħ joffri esperjenza li tarrikkixxi u tabilħaqq konkreta, li nirrakkomanda lil kull min serjament jixtieq jibda n-negozju tiegħu. L-iskambju tiegħi kien estremament utli biex nifhem l-ambjent, ir-regoli u l-proċedura biex nibda n-negozju tiegħi, okkażjoni essenzjali biex bnejt network utli.
Maurizio Alì, mill-Italja, qatta' 6 xhur fl-Assoċjazzjoni Yepe fi Franza.

Il-programm Erasmus għall-Intraprendituri żgħażagħ jipprovdik b'għajnuna finanzjarja li tikkontribwixxi għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-pajjiż tas-soġġorn u l-ispejjeż tal-ħajja (partikolarment għall-akkomodazzjoni). Madankollu, għandek tkun lest li toħroġ flus minn butek biex tkopri spejjeż oħrajn.