Skip to main content

DiscoverEU — sejħa għall-applikazzjonijiet

Għandek 18-il sena u int resident ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE jew ta’ pajjiżi terzi assoċjati mal-Erasmus+? Lesti ruħek biex tesplora l-Ewropa!

Meta hu ċ-ċiklu li jmiss?

Bejn it-8 u t-22 ta’ April 2026 (ftuħ u għeluq f’12:00:00, nofsinhar, ħin ta’ Brussell), ftit qabel il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2026. Meta jasal il-mument, se tidher buttuna “Applika Issa” f’din il-paġna!

X’inhi d-DiscoverEU?

Id-DiscoverEU hi azzjoni tal-programm Erasmus+ li toffrilek l-opportunità li tesplora d-diversità tal-Ewropa, titgħallem dwar il-wirt kulturali u l-istorja tagħha, u tibni kuntatti ma’ nies mill-kontinent kollu.  

Se tiġi offrut pass tal-ivvjaġġar biex tmur minn post għal ieħor bl-aktar mezzi tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent, bħat-trenijiet. Modi oħrajn tat-trasport se jkunu permessi f’każijiet speċifiċi, għal persuni li jgħixu fuq gżejjer jew f’żoni remoti.

Se tirċievi wkoll kard tal-iskontijiet tad-DiscoverEU għal ammont kbir ta’ skontijiet fuq l-akkomodazzjoni, il-kultura, l-isport, it-trasport lokali, jew servizzi oħrajn.

Kif taħdem?

Biex tkun eliġibbli, trid:

  • tkun twelidt bejn l-1 ta’ Lulju 2007 (inkluż) u t-30 ta’ Ġunju 2008 (inkluż);
  • iddaħħal in-numru tal-karta tal-identità (ID), tal-passaport, jew tal-permess tar-residenza fuq il-formola tal-applikazzjoni online;
  • tkun ċittadin jew resident* ta’ wieħed minn dawn il-pajjiżi:
    • l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tagħha, jew
    • il-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE) assoċjati mal-Unjoni Ewropea, jew
    • il-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm tal-Erasmus+: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija.
  • taċċetta d-dikjarazzjoni tal-formola tal-applikazzjoni.

* Għal aktar informazzjoni ara t-taqsima tar-Regoli “2. Applikanti eliġibbli”

Imbagħad trid tipparteċipa fi kwiżż (sakemm ma tapplikax bħala membru ta’ grupp).

Jekk jirnexxilek, tista’ tivvjaġġa sa 7 ijiem f’perjodu massimu ta’ xahar fil-perjodu tal-ivvjaġġar awtorizzat, bejn l-1 ta’ Lulju 2026 u t-30 ta’ Settembru 2027

Jekk għandek diżabbiltà jew problema ta’ saħħa li tagħmel l-ivvjaġġar tiegħek diffiċli, tirċievi assistenza u appoġġ. Ara l-FAQ C.10 biex issir taf aktar.

Nista’ nivvjaġġa ma’ sħabi?

Iva, tista'! Tista’ tmur waħdek jew iżżid sa 4 iħbieb fil-grupp tiegħek jekk tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà t’hawn fuq. Sħabek jużaw il-kodiċi tal-applikazzjoni tiegħek biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom. Ara l-FAQs minn B.5 sa B.11 biex issir taf aktar.

Tista’ wkoll tikkombina pjanijiet tal-ivvjaġġar ma’ vjaġġaturi oħrajn tad-DiscoverEU! Il-Grupp tad-DiscoverEU fuq il-Facebook jista’ jservi ta’ pjattaforma tajba biex tagħmel dan jekk tagħti l-kunsens tiegħek biex isir użu minn din il-midja soċjali*. Ingħaqad mal-Grupp issa biex tiċċettja ma’ parteċipanti oħrajn.

Ladarba tintgħażel, l-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+ se jgħinuk tikkonnettja u titgħallem, torganizza laqgħat ta’ qabel it-tluq u Meet-ups mal-vjaġġaturi.

* L-ipproċessar tad-data personali jaqa’ fl-ambitu ta’ Kundizzjonijiet tal-Protezzjoni tad-Data separati u tal-istqarrija ta’ privatezza speċifika tal-Facebook, li jaġixxi bħala kontrollur tad-data separat.

Aqsam l-esperjenzi tiegħek ma’ ħaddieħor

Il-parteċipanti awtomatikament isiru Ambaxxaturi tad-DiscoverEU. Bħala ambaxxatur, aħna nistednuk taqsam l-esperjenzi tal-ivvjaġġar tiegħek fuq il-midja soċjali billi tuża #DiscoverEU. Tista’ anki tiddeċiedi li tagħti preżentazzjoni fl-iskola tiegħek jew fil-komunità lokali tiegħek.

Nixtieq inkun naf aktar!

Interessat fiċ-ċikli preċedenti ta’ applikazzjonijiet? Agħti daqqa t’għajn lejn l-iskedi informattivi tad-DiscoverEU biex taqra aktar dwar l-azzjoni u l-esperjenzi ta’ xi wħud mill-vjaġġaturi żgħażagħ tad-DiscoverEU.

L-Ewropa qed tistenniek. Agħmel l-ewwel pass.

 

Video TedX ta’ ispirazzjoni minn Vincent-Immanuel Herr