Skip to main content

DiscoverEU

Niċċelebraw l-40 sena ta’ Schengen b’40,000 pass tal-ivvjaġġar!

Is-sejba ta’ sħab ġodda tat-tim tibda hawnhekk

Ir-regoli tas-sejħa għal applikazzjonijiet tad-DiscoverEU¹

 

1. Deskrizzjoni

Id-DiscoverEU hija azzjoni tal-programm Erasmus+ (2021-2027). Għandha l-għan li toffri liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena esperjenza tal-ivvjaġġar li trawwem fihom sens ta’ appartenenza għall-Unjoni Ewropea u tippermettilhom jiskopru d-diversità tal-Ewropa u l-wirt kulturali u l-istorja tagħha, filwaqt li jidħlu f’kuntatt ma’ nies minn madwar il-kontinent kollu u, fl-aħħar mill-aħħar, jiskopru lilhom infushom. 

Fil-ħarifa tal-2025, il-Kummissjoni Ewropea u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA) qed jippjanaw li jagħtu lil madwar 35,000 żagħżugħ u żagħżugħa passes tal-ivvjaġġar² u kards tal-iskontijiet biex jesploraw l-Ewropa. Il-baġit massimu għal dan iċ-ċiklu ta’ applikazzjonijiet huwa €21.730.000,00.

Iż-żgħażagħ jistgħu japplikaw mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. 

Il-ħinijiet tal-ftuħ u tal-għeluq tal-perjodu tal-applikazzjonijiet huma ppjanati li jkunu bejn it-30 ta’ Ottubru 2025, f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell) u t-13 ta’ Novembru 2025, f’12:00:00 (nofsinhar, ħin ta’ Brussell). 

L-applikanti li se jintgħażlu se jirċievu passes tal-ivvjaġġar biex jesploraw l-Ewropa matul perjodu tal-ivvjaġġar li jkopri diversi xhur u li jibda fir-rebbiegħa tal-2026. F’dan il-perjodu tal-ivvjaġġar, il-parteċipanti se jkunu jistgħu jivvjaġġaw għal perjodu massimu ta’ xahar. Ladarba jingħataw pass tal-ivvjaġġar, l-applikanti magħżulin jitqiesu bħala parteċipanti.³ 

Il-parteċipanti, bħala regola bażika, se jivvjaġġaw bl-aktar mod ta’ trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Sabiex jiġi żgurat l-iktar aċċess wiesa’ possibbli, l-azzjoni toffri modi alternattivi ta’ trasport meta jkun hemm bżonn, u tagħti kas tal-aspetti ambjentali, tal-ħin, u tad-distanza.

F’każijiet eċċezzjonali, u meta ma jkun hemm ebda mezz tat-trasport ieħor, iż-żgħażagħ jiġu offruti l-possibbiltà li jivvjaġġaw bl-ajruplan. Dan jiżgura li anki ż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni mbiegħda jew fi gżejjer ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem fid-DiscoverEU. 

Il-parteċipanti li jingħataw pass tal-ivvjaġġar se jingħataw ukoll kard tal-iskontijiet tad-DiscoverEU. Il-kard se tagħti liż-żgħażagħ skontijiet għall-akkomodazzjoni, għal żjarat u attivitajiet fl-oqsma tal-kultura, tat-tagħlim, u tal-isport, u għat-trasport lokali, għall-ikel, eċċ. 

 

2. L-applikanti eliġibbli

Biex ikunu eliġibbli, l-applikanti jridu jissodisfaw dawn il-kriterji:

  • ikunu għalqu jew se jagħlqu t-18-il sena bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2025, jiġifieri dawk iż-żgħażagħ li twieldu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 (inkluż) u l-31 ta’ Diċembru 2007 (inkluż);
  • ikunu ċittadini jew residenti ta’:
    • wieħed mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tagħha (il-Guyana Franċiża (FR), Guadeloupe (FR), Martinique (FR), la Réunion (FR), Mayotte (FR), Saint-Martin (FR), l-Azores (PT), Madeira (PT), u l-Gżejjer Kanarji (ES)), jew
    • wieħed mis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kif ukoll residenti f’wieħed mill-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE) assoċjati mal-Unjoni Ewropea: Aruba (NL), Bonaire (NL), Curação (NL), il-Polineżja Franċiża (FR), it-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u Antartiċi (FR), Greenland (DK), New Caledonia (FR), Saba (NL), Saint Barthélemy (FR), Sint Eustatius (NL), Sint Maarten (NL), Saint Pierre et Miquelon (FR), il-Gżejjer Wallis et Futuna (FR), jew
    • wieħed mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm tal-Erasmus+: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, u t-Turkija.
  • iniżżlu korrettement in-numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport jew tal-permess tar-residenza fil-formola tal-applikazzjoni online.
  • jaċċettaw id-dikjarazzjoni fuq l-unur tal-formola tal-applikazzjoni.

L-applikanti magħżulin jistgħu jivvjaġġaw biss jekk: 

  • jibdew il-vjaġġ tagħhom fi kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi eliġibbli għad-DiscoverEU (ara hawn fuq);
  • jippjanaw li jivvjaġġaw għal perjodu li jkun twil bejn jum wieħed u mhux aktar minn xahar;
  • jippjanaw li jivvjaġġaw lejn għall-anqas wieħed mill-pajjiżi barranin eliġibbli għad-DiscoverEU (ara hawn fuq);

Applikanti li ma jissodisfawx il-kriterji tal-eliġibbiltà ma jiġux ikkunsidrati fil-proċess tal-għotja. 

 

3. Il-proċedura tal-applikazzjoni

Meta jinfetaħ iċ-ċiklu tal-applikazzjonijiet tad-DiscoverEU, tittella’ formola ta’ applikazzjoni speċifika online fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ. Mhux possibbli li titressaq applikazzjoni qabel jew wara l-perjodu tal-applikazzjoni indikat fil-punt 1.

Hemm 7 passi f’din il-proċedura tal-applikazzjoni:

  1. L-applikanti l-ewwel iridu jgħaddu minn verifika tal-eliġibbiltà, li timplika li jintalbu jniżżlu fil-formola d-data tat-twelid, ir-residenza, u ċ-ċittadinanza tagħhom. Jekk l-informazzjoni ma tkunx tikkonforma mar-regoli tal-eliġibbiltà msemmijin fil-punt 2 “Applikanti eliġibbli”, ma jkunux jistgħu jipproċedu għall-pass li jmiss. Se jintalbu wkoll jaċċettaw id-dikjarazzjoni fuq l-unur u r-regoli tas-sejħa għall-applikazzjonijiet tad-DiscoverEU, jaċċettaw li d-data personali tagħhom tinħażen u tiġi pproċessata għall-fini tas-sejħa għall-applikazzjonijiet tad-DiscoverEU, u jaċċettaw li jiġu kkuntattjati fir-rigward tad-DiscoverEU mill-Kummissjoni Ewropea u minn organizzazzjonijiet awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea għall-istess skop, kif ukoll mill-EACEA, mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+, u mill-Eurodesk. L-applikanti se jkollhom jaċċettaw li jsiru Ambaxxaturi tad-DiscoverEU.⁴
  2. L-applikanti jridu jindikaw jekk ikunux jixtiequ jivvjaġġaw waħedhom jew fi grupp ta’ mhux aktar minn 5 persuni.
  3. L-applikanti jridu jipprovdu indirizz tal-email validu. Ladarba jagħmlu dan, jirċievu email awtomatika mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ biex jiġi vverifikat li l-indirizz tal-email huwa validu. Din il-verifika hija meħtieġa peress li l-komunikazzjoni mal-applikanti wara l-għotja ssir bl-email. Bil-fatt li l-applikanti jintalbu jikkonfermaw l-indirizz tal-email tagħhom, il-Kummissjoni Ewropea u l-EACEA qed jipprevjenu l-użu mhux awtorizzat tal-indirizzi elettroniċi minn persuni oħrajn.  
  4. Wara l-validazzjoni tal-indirizz elettroniku tagħhom, iż-żgħażagħ iridu jimlew il-formola tal-applikazzjoni. L-ewwel nett, iridu jniżżlu d-data personali tagħhom: iċ-ċittadinanza, id-data tat-twelid, l-isem, il-kunjom, il-ġeneru, l-indirizz tal-email, in-numru tat-telefown, il-pajjiż ta’ residenza, ir-reġjun, l-okkupazzjoni, u n-numru tal-karta tal-identità (ID) nazzjonali jew tal-passaport jew tal-karta tar-residenza. Iż-żgħażagħ b’mobbiltà mnaqqsa u/jew b’diżabbiltajiet ikollhom il-possibilità li jindikaw il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.
  5. Ladarba jkunu mlew id-data personali tagħhom, l-applikanti kollha jridu joqogħdu għal kwiżż ta’ 5 mistoqsijiet b’għażla multipla dwar għarfien ġenerali fuq l-Unjoni Ewropea u dwar inizjattivi oħrajn tal-Unjoni Ewropea mmirati lejn iż-żgħażagħ. Fl-aħħar nett, jintalbu jwieġbu mistoqsija deċiżiva. Din il-mistoqsija deċiżiva tirrikjedi li l-applikanti jagħtu tweġiba approssimattiva u għandha l-għan li tiddeċiedi l-klassifikazzjoni bejn l-applikanti li jkunu wieġbu tajjeb għall-5 mistoqsijiet tal-kwiżż. Malli jingħalaq il-perjodu tal-applikazzjonijiet, it-tweġiba għall-mistoqsija deċiżiva tiġi estratta mis-sistema tal-applikazzjoni. L-applikanti li jkunu wieġbu tajjeb għall-5 mistoqsijiet tal-kwiżż imbagħad jiġu kklassifikati abbażi tat-tweġiba tagħhom għall-mistoqsija deċiżiva: il-klassifikazzjoni tagħhom se tiġi ddeterminata minn kemm it-tweġiba tagħhom toqrob lejn it-tweġiba t-tajba għall-mistoqsija deċiżiva. L-applikanti se jieħdu l-għotja sakemm iservi l-baġit disponibbli u jiġu kklassifikati skont kemm ikunu tajbin it-tweġibiet tagħhom. Fil-każ ta’ applikanti li jiġu ras imb’ras, u bħala miżura tal-aħħar meta ma jkunx jista' jsir mod ieħor, il-Kummissjoni Ewropea/l-EACEA japplikaw il-prinċipju ta’ “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” biex jiddeterminaw il-klassifikazzjoni.
  6. L-applikanti huma mitlubin jagħtu informazzjoni addizzjonali dwar il-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom (jiġifieri meta jippjanaw li jibdew il-vjaġġ tagħhom, jekk hix l-ewwel darba li se jivvjaġġaw waħedhom mingħajr il-ġenituri tagħhom, x’jixtiequ jitgħallmu minn din l-esperjenza, kif se jiffinanzjaw l-ispejjeż bħall-akkomodazzjoni, is-sussistenza, l-assigurazzjoni bażika, eċċ. matul il-vjaġġ tagħhom, u kif saru jafu bid-DiscoverEU). L-informazzjoni mdaħħla f’dik it-taqsima mhijiex vinkolanti u mhu se jkollha ebda impatt fuq il-proċess tal-għotja. Id-data miġbura se tintuża għal skopijiet ta’ statistika u ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni Ewropea u għall-EACEA bil-ħsieb li jsir titjib fid-DiscoverEU.  
  7. Qabel ma jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom, l-applikanti se jintalbu jivverifikaw u jikkonfermaw il-formola tal-applikazzjoni mimlija tagħhom. Bidliet fit-tweġibiet li jkunu ngħataw għall-kwiżż u għall-mistoqsija deċiżiva mhumiex possibbli wara li l-applikazzjoni tkun intbagħtet. Barra minn hekk, talbiet għall-irtirar ta’ applikazzjoni se jiġu pproċessati wara tmiem il-perjodu tal-applikazzjonijiet.
  8. L-applikanti kollha jirċievu konferma bl-email permezz tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ ladarba jkunu bagħtu l-applikazzjoni tagħhom. Din l-email tinfurmahom dwar ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom u tkun tinkludi wkoll il-kodiċi tal-applikazzjoni u l-iskeda taż-żmien għall-komunikazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-għotja.

L-applikanti għandhom iżommu dan il-kodiċi tal-applikazzjoni għal kwalunkwe komunikazzjoni oħra. Jekk applikant ikun jixtieq jistieden żgħażagħ oħrajn biex jingħaqdu mal-grupp tiegħu, irid jieħu r-responsabbiltà li jmexxi l-grupp u jgħaddi l-kodiċi lill-membri l-oħrajn tal-grupp biex ikunu jistgħu jirreġistraw. Abbażi tal-kodiċi pprovdut minn min imexxi l-grupp, il-bqija tal-membri tal-grupp iridu, imbagħad, jirreġistraw online u jdaħħul d-data personali tagħhom. 

Jekk l-applikanti jkunu indikaw li jixtiequ jivvjaġġaw waħedhom, xorta jistgħu jżidu l-ħbieb mal-applikazzjoni tagħhom wara s-sottomissjoni u qabel l-iskadenza finali, skont l-istess proċedura msemmija hawn fuq. 

Il-membri tal-grupp mhux se jkollhom għalfejn jipparteċipaw fil-kwiżż u jwieġbu l-mistoqsija deċiżiva peress li dan se jintalab jagħmlu biss min imexxi l-grupp. Madankollu, xorta jridu jagħtu d-data personali tagħhom biex jivvalidaw l-applikazzjoni tagħhom. Il-membri tal-grupp iridu jissodisfaw l-istess kriterji tal-eliġibbiltà. 

Applikazzjoni ta’ grupp tiġi vvalutata bħala applikazzjoni waħda. Jiġu kkunsidrati għall-għotja biss dawk il-membri tal-grupp li jkunu mlew il-formola tal-applikazzjoni bl-użu tal-kodiċi pprovdut minn min imexxi l-grupp. Il-membri tal-grupp m’għandhomx jirreġistraw b’mod individwali. 

Il-gruppi jistgħu jkunu magħmulin minn persuni ta’ ċittadinanzi differenti li jgħixu f’postijiet differenti.

Tista’ tiġi sottomessa biss applikazzjoni waħda għal kull persuna fl-istess ċiklu ta’ applikazzjonijiet. L-ewwel applikazzjoni rreġistrata fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ tkun l-unika waħda li tiġi kkunsidrata fil-proċess tal-għotja. Wieħed ma jistax japplika fi gruppi differenti. Jekk, fi kwalunkwe stadju, jinstabu applikazzjonijiet multipli, tiġi kkunsidrata biss l-ewwel applikazzjoni rreġistrata fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u kwalunkwe applikazzjoni oħra tiġi rrifjutata. 

Żgħażagħ li diġà bbukkjaw pass tal-ivvjaġġar tad-DiscoverEU fi kwalunkwe ċiklu preċedenti tal-applikazzjonijiet mhumiex eliġibbli biex iressqu applikazzjoni ġdida. Jekk jagħmlu dan, jinqabdu fl-istadju tas-sottomissjoni u kwalunkwe applikazzjoni ġdida tiġi rrifjutata. Jekk, fi kwalunkwe stadju matul l-implimentazzjoni tal-azzjoni, il-kuntrattur maħtur mill-Kummissjoni Ewropea u mill-EACEA biex jieħu ħsieb l-ibbukkjar tal-vjaġġi jew il-Kummissjoni Ewropea u l-EACEA nfushom isibu applikazzjonijiet mingħand żgħażagħ li kienu ngħataw pass tal-ivvjaġġar tad-DiscoverEU f’wieħed mill-aħħar ċikli tal-applikazzjonijiet, l-applikanti jiġu skwalifikati.

 

4. Il-proċess tal-għotja

L-applikanti magħżulin se jingħataw il-passes tal-ivvjaġġar f’konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 244.⁵

Hemm kwota ta’ passes tal-ivvjaġġar stabbilita għal kull pajjiż. Il-prinċipju tal-allokazzjoni hu bbażat fuq il-koeffiċjent tad-distribuzzjoni tal-azzjoni ewlenija 1, mobbiltà tal-individwi “żgħażagħ”, tal-Programm tal-Erasmus+.⁶ 

Il-proċess tal-għotja se jsir abbażi tar-residenza indikata mill-applikant fil-formola tal-applikazzjoni. F’każ li jkun hemm inqas applikazzjonijiet mill-kwota fissa ta’ pajjiż, il-passes tal-ivvjaġġar li jifdal jitqassmu bejn l-applikanti b’residenza fil-pajjiżi fejn ikun hemm aktar applikanti mill-kwoti fissi.

Ir-residenza ta’ min imexxi l-grupp tiddetermina r-residenza li għandha titqies għall-kalkolu tal-kwota. Jekk grupp jiġi l-aħħar fil-lista tal-applikanti li jieħdu l-għotja skont il-pajjiż u tintlaħaq il-kwota għal dak il-pajjiż, il-grupp kollu jitqies għall-għotja.

L-applikanti l-ewwel iridu jgħaddu mill-verifika tal-kriterji tal-eliġibbiltà, jiġifieri li d-data tat-twelid u r-residenza jew iċ-ċittadinanza jkunu eliġibbli, kif imsemmi fil-punti 2 u 3. Dawn jiġu vvalutati awtomatikament matul l-applikazzjoni, u d-data pprovduta terġa’ tiġi vverifikata wara l-għotja mill-kuntrattur maħtur mill-Kummissjoni Ewropea u l-EACEA li jieħu ħsieb l-ibbukkjar tal-vjaġġ. Jekk, meta jiċċekkja l-karta tal-identità (ID), il-passaport, u/jew il-permess tar-residenza, il-kuntrattur isib li l-applikant ikun għamel dikjarazzjoni falza, dan jiġi eskluż mill-proċess tal-għotja.

Jekk il-kriterji kollha tal-eliġibbiltà jkunu ssodisfati, l-applikanti mbagħad iridu jwieġbu tajjeb għall-5 mistoqsijiet b’għażla multipla u għall-mistoqsija deċiżiva. Fil-każ ta’ gruppi, huwa biss min imexxi l-grupp li jrid iwieġeb għall-5 mistoqsijiet tal-kwiżż u għall-mistoqsija deċiżiva. It-tweġibiet ta’ min imexxi l-grupp għall-kwiżż u għall-mistoqsija deċiżiva kif ukoll il-ħin meta jkun bagħat l-applikazzjoni jgħoddu għall-grupp kollu.

L-applikanti jiġu mqassmin fi gruppi skont ir-residenza u jiġu kklassifikati skont it-tweġibiet korretti għall-5 mistoqsijiet tal-kwiżż, u mbagħad skont it-tweġiba għall-mistoqsija deċiżiva.

Wara l-għeluq tal-perjodu ta’ applikazzjonijiet, il-kumitat tal-evalwazzjoni jħares lejn l-analiżi mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ biex jagħmel il-valutazzjoni finali tiegħu.

Jekk ikun hemm wisq applikazzjonijiet (individwali jew minn gruppi) li jiġu kklassifikati ras imb ras malli tkun waslet biex tintlaħaq il-kwota fissa, il-kumitat tal-evalwazzjoni japplika l-prinċipju li “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” biex jiġu ddeterminati l-aħħar postijiet.

 

5. Il-kumitat tal-evalwazzjoni

Wara li jagħlaq il-perjodu tal-applikazzjonijiet, jitlaqqa’ kumitat tal-evalwazzjoni magħmul minn persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tal-EACEA. Dawn jiddeċiedu r-riżultati abbażi tal-kriterji stabbiliti hawn fuq. Se jivvalutaw u jaslu għal konklużjoni fuq il-klassifikazzjoni finali tal-applikanti li għandhom jirċievu l-għotja, li se jingħataw passes tal-ivvjaġġar abbażi tat-tweġibiet tagħhom fil-kwiżż u għall-mistoqsija deċiżiva, billi titqies il-kwota għal kull pajjiż u, jekk ikun applikabbli, jitqies ukoll meta tkun saret is-sottomissjoni. Il-kumitat tal-evalwazzjoni jistabbilixxi minn fost l-applikanti lista ta’ kandidati għal-lista ewlenija, għal-lista ta’ riżerva, u għal-lista ta’ dawk li ma jintgħażlux. L-applikanti fil-lista ta’ riżerva jistgħu jingħataw passes tal-ivvjaġġar fi stadju aktar tard f’każ ta’ baġit addizzjonali, jew meta applikanti magħżulin jirrinunzjaw għall-passes tal-ivvjaġġar tagħhom, jew jekk xi parteċipanti ma jattivawhomx (ara l-punt 7).

Abbażi tal-valutazzjoni tal-kumitat tal-evalwazzjoni, l-EACEA tadotta d-deċiżjoni tal-għotja li se jkun fiha informazzjoni dwar l-għadd totali ta’ passes tal-ivvjaġġar u kards tal-iskontijiet li jkunu se jingħataw, il-baġit totali li jkun qed jiġi allokat għall-passes tal-ivvjaġġar u għall-kards tal-iskontijiet, u l-lista bil-kodiċijiet marbutin mal-applikanti magħżulin, mal-lista ta’ riżerva, u mal-lista tal-applikanti li ma jkunux intgħażlu. 

 

6. In-notifika tar-riżultati

Fit-tmiem tal-proċedura tal-għotja, se tkun tista’ tivverifika fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ jekk ikunx irnexxielek jew le billi tuża l-kodiċi tal-applikazzjoni tiegħek.

Tirċievi wkoll notifika permezz ta’ email li tinfurmak jekk tkunx:

  • tniżżilt bħala benefiċjarju fil-lista ewlenija (applikazzjonijiet milqugħin), jew
  • ġejt propost għal-lista ta’ riżerva, jew
  • ma ntgħażiltx (applikazzjonijiet rifjutati).

Imbagħad, tiġi stabbilita komunikazzjoni ulterjuri bejn il-kuntrattur maħtur mill-EACEA u l-applikanti magħżulin biex isir l-ibbukkjar. Fil-punt 8 ssib aktar informazzjoni dwar dan. 

 

7. Il-lista ta’ riżerva

Ladarba jintlaħaq il-limitu għall-passes tal-ivvjaġġar disponibbli, tiġi stabbilita lista ta’ riżerva. Il-lista ta’ riżerva tikklassifika lill-applikanti skont it-tweġibiet tagħhom għall-kwiżż u għall-mistoqsijiet deċiżivi u, f’każ ta’ applikanti li jiġu ras imb’ras, il-ħin meta tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni. L-EACEA tista’ tagħti passes tal-ivvjaġġar lil applikanti li jkunu fil-lista ta’ riżerva f’dawn il-każijiet: jekk ikun hemm baġit addizzjonali, jekk applikanti magħżulin jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom, jew jekk parteċipanti ma jattivawx il-pass tal-ivvjaġġar tagħhom. Dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi applikat sal-punt meta jkun intuża l-baġit kollu disponibbli. 

L-inklużjoni fil-lista ta’ riżerva ma toħloq ebda intitolament la fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea u lanqas tal-EACEA, u ma tiggarantixxix li l-applikanti jingħataw passes tal-ivvjaġġar fi stadju iktar tard.

L-applikanti fil-lista ta’ riżerva jistgħu jiġu kkuntattjati mill-kuntrattur maħtur mill-EACEA biex jorganizzaw l-ibbukkjar tal-ivvjaġġar. Dawk li jiġu kkuntattjati minħabba li jkunu fil-lista ta’ riżerva ma jistgħux jitolbu rimborż għal vjaġġi li jkunu ġew ibbukkjati jew li jkunu saru qabel l-istedina, u lanqas ma jistgħu jitolbu estensjoni tal-perjodu tal-ivvjaġġar.

 

8. Il-qtugħ tal-biljetti u r-regoli għall-ivvjaġġar

Il-parteċipanti jridu jibdew il-vjaġġ tagħhom f’pajjiż li huwa parti mid-DiscoverEU (ara l-punt 2 – Applikanti eliġibbli) u jivvjaġġaw lejn mill-inqas pajjiż wieħed li jkun ukoll parti mid-DiscoverEU u li jkun differenti mill-pajjiż tat-tluq. B’kollox, il-vjaġġ jista’ jdum minn minimu ta’ jum wieħed sa massimu ta’ xahar. Il-perjodu tal-ivvjaġġar huwa ppjanat li jibda fl-1 ta’ Marzu 2026. Fil-pajjiż ta’ residenza, il-pass tal-ivvjaġġar jista’ jintuża biss għal vjaġġ wieħed tat-tluq u għal wieħed tar-ritorn.

Il-passes tal-ivvjaġġar tal-applikanti magħżulin jaqtagħhom, jixtrihom, u jikkonsenjahom biss il-kuntrattur estern maħtur mill-EACEA. L-applikanti li jintgħażlu u l-parteċipanti m’għandhom, taħt l-ebda ċirkostanza, jibbukkjaw passes tal-ivvjaġġar jew kwalunkwe biljett tat-tren, tal-ajruplan, tal-vapur, jew tal-kowċ huma stess waħedhom jew permezz ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar mhux nominata għal dan l-għan mill-EACEA fil-kuntest tad-DiscoverEU. Il-passes jew biljetti li jinxtraw direttament mill-applikanti magħżulin jew mill-parteċipanti ma jiġux rimborżati.

Il-kuntrattur maħtur mill-EACEA se jikkuntattja lill-applikanti magħżulin u jitlobhom jibbukkjaw il-pass tal-ivvjaġġar tagħhom permezz tal-kuntrattur. Il-kuntrattur se jipprovdi l-pass tal-ivvjaġġar, flimkien ma’ aċċess għall-informazzjoni meħtieġa biex jgħin lill-parteċipanti jorganizzaw il-vjaġġi tagħhom u jħejju għalihom. L-applikanti magħżulin se jingħataw ukoll il-kard tal-iskontijiet tad-DiscoverEU.

Din il-kard tagħti aċċess għal firxa ta’ skontijiet u benefiċċji fil-pajjiżi kollha tal-programm tal-Erasmus+. Kards tal-iskontijiet mixtrijin direttament mill-parteċipanti ma jiġux rimborżati. 

Il-kuntrattur se jagħżel l-aktar operaturi tat-trasport kompetittivi u adattati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħu mal-EACEA.

Id-dati li jistgħu jivvjaġġaw fihom il-parteċipanti jibqgħu flessibbli sakemm il-pass tal-ivvjaġġar u l-ġranet tal-ivvjaġġar magħżulin jiġu attivati mill-parteċipant. 

Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jivvjaġġaw: 

  • fuq perjodu ta’ mhux aktar minn xahar, b’numru fiss ta’ jiem ta’ vvjaġġar.
  • f’jiem wara xulxin jew inkella jqassmu l-jiem tal-ivvjaġġar tagħhom fuq perjodu ta’ xahar.
  • għal kemm iridu mill-pajjiżi eliġibbli.

Ma jistgħux jitħassru itinerarji. Ebda suppliment jew spiża oħra li wieħed ikollu jagħmel matul il-vjaġġ ma tiġi koperta mill-Kummissjoni Ewropea jew mill-EACEA. 

L-applikanti magħżulin li jkunu jridu jivvjaġġaw lejn Ċipru, l-Iżlanda, l-Irlanda, jew Malta għandhom jinfurmaw lill-kuntrattur. Il-kwota msemmija fit-taqsima Kwota għal kull pajjiż fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ se tiġi applikata għal dawk li jivvjaġġaw minn Ċipru, l-Iżlanda, l-Irlanda, u Malta. Għall-applikanti magħżulin li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw lejn Ċipru, l-Iżlanda, l-Irlanda, u Malta jiġi applikat massimu tat-tripplu ta' din il-kwota. Il-biljetti tal-ajru lejn dawn id-destinazzjonijiet speċifiċi jinqatgħu abbażi ta’ “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel” fil-limiti tal-baġit disponibbli. L-applikanti magħżulin u l-parteċipanti m’għandhomx jixtru dawn il-biljetti huma stess.

Deroga mir-rekwiżit tal-perjodu tal-ivvjaġġar tista’ tiġi applikata għaż-żgħażagħ li jgħixu f’pajjiż li hu parti mill-Unjoni Ewropea jew f’pajjiżi terzi assoċjati mal-programm tal-Erasmus+ (ara l-punt 2) b’servizz ċivili jew militari obbligatorju.

 

9. Mezzi tat-trasport

Il-parteċipanti, bħala regola bażika, se jivvjaġġaw bl-aktar mezz tat-trasport li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-iktar aċċess wiesa’ possibbli, id-DiscoverEU għandha, meta jkun meħtieġ, toffri modi alternattivi tat-trasport filwaqt li jitqiesu l-aspetti ambjentali, tal-ħin, u tad-distanza. L-ivvjaġġar isir fit-tieni klassi. 

F’każijiet speċjali biss, il-possibbiltà li wieħed jivvjaġġa bl-ajruplan tista’ tiġi permessa u tiġi organizzata għall-applikanti magħżulin. Dan huwa l-każ għal dawk iż-żgħażagħ li jgħixu:

  1. fid-disa’ reġjuni ultraperiferiċi (i.e. Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, la Réunion, Mayotte, Saint-Martin, Madeira, l-Azores, u l-Gżejjer Kanarji);
  2. fil-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (Aruba, Bonaire, Curação, il-Polineżja Franċiża, Greenland, New Caledonia, Saba, Saint Barthélemy, Sint Eustatius, Sint Maarten, Saint Pierre et Miquelon, Wallis et Futuna)
  3. f’pajjiżi/reġjuni li mhumiex aċċessibbli b’mezzi oħrajn tat-trasport;
  4. meta ż-żgħażagħ ikollhom jivvjaġġaw għal aktar minn 18-il siegħa bl-art jew bil-baħar qabel ma jaqsmu l-eqreb fruntiera tal-pajjiż tar-residenza tagħhom.

Huma biss il-vjaġġ tat-tluq u tar-ritorn tagħhom li jistgħu jsiru b’titjira. Għall-bqija tal-vjaġġ, il-parteċipanti huma marbutin li jivvjaġġaw skont ir-regola bażika.  

Żgħażagħ mir-reġjuni ultraperiferiċi u mill-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej jistgħu jagħżlu kwalunkwe destinazzjoni li taqbel mar-rekwiżiti stabbiliti. L-applikanti magħżulin li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-PTEE jistgħu jagħmlu dan jekk il-vjaġġ tagħhom ikun fil-limitu tal-baġit.

L-applikanti magħżulin li jkunu residenti f’Ċipru, fl-Iżlanda, fl-Irlanda, jew f’Malta jistgħu jivvjaġġaw bl-ajruplan lejn il-kontinent Ewropew. M’għandhomx jixtru l-biljetti tal-ajru tagħhom huma stess: il-biljett għat-titjira lura lejn pajjiżhom jeħdilhom ħsiebu l-kuntrattur.

 

10. Il-valur tal-pass tal-ivvjaġġar u tal-kard tal-iskontijiet

L-applikanti magħżulin għandhom jirċievu biss il-passes tal-ivvjaġġar u l-kard tal-iskontijiet tad-DiscoverEU. L-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, tas-sussistenza, tal-assigurazzjoni, tas-supplimenti tal-ivvjaġġar, jew spejjeż oħrajn relatati mal-vjaġġ iridu jiġu koperti mill-applikanti magħżulin infushom.

Ir-regola bażika hi li kull applikant magħżul ikun intitolat għal pass tal-ivvjaġġar u għal kard tal-iskontijiet. L-ivvjaġġar isir biss fit-tieni klassi jew fil-klassi ekonomika, l-aktar bit-tren u, jekk ikun meħtieġ, bil-karozza tal-linja, bil-vapur, jew bl-ajruplan. L-ivvjaġġar bl-ajruplan jista’ jiġi organizzat mill-kuntrattur fil-każijiet speċifiċi ta’ hawn taħt:

  • għall-applikanti magħżulin li jivvjaġġaw mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE u mill-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej lejn l-Ewropa kontinentali. Ladarba jkunu fl-Ewropa kontinentali, tapplika r-regola bażika.
  • għall-applikanti magħżulin ’il barra miż-żoni ġeografiċi msemmijin hawn fuq li jridu jivvjaġġaw bl-ajruplan lejn l-Ewropa kontinentali. Ladarba jkunu fl-Ewropa kontinentali, tapplika r-regola bażika.
  • f’xi sitwazzjonijiet speċifiċi, li għandhom jiġu vvalutati fuq bażi ta’ każ b’każ (eż. għal applikanti magħżulin residenti fi gżejjer oħrajn li huma parti mill-pajjiżi tal-Programm tal-Erasmus+), għandu mnejn jiġi kopert vjaġġ addizzjonali.

Fil-każ ta’ applikanti magħżulin li jkollhom mobbiltà mnaqqsa u/jew bżonnijiet speċjali: l-ispejjeż tal-assistenza speċjali (persuna li takkumpanjahom, kelb għall-applikanti magħżulin neqsin mid-dawl, eċċ.) għandhom mnejn jiġu koperti, abbażi ta’ dokumenti xierqa għall-ġustifikazzjoni tal-bżonnijiet speċjali tagħhom, kif meħtieġ skont il-liġi nazzjonali tal-pajjiż tar-residenza.

 

11. Skeda taż-żmien indikattiva

Il-perjodu tal-applikazzjonijiet

mit-30 ta’ Ottubru 2025, f’12:00:00 (ftuħ), ħin ta’ Brussell, 

sat-13 ta’ Novembru 2025, f’12:00:00 (għeluq), ħin ta’ Brussell

In-notifika tar-riżultati

7 ta' Jannar 2026

Id-data minn meta jista’ jibda l-ivvjaġġar

1 ta' Marzu 2026

 

12. L-irtirar u t-tħassir tal-vjaġġ mill-parteċipant magħżul

Kull pass tal-ivvjaġġar se jkun jappartjeni għall-individwu partikulari u ma jistax jiġi ttrasferit lil persuna oħra. L-isem assoċjat mal-pass tal-ivvjaġġar ma jistax jinbidel.

Jekk applikant magħżul, għal xi raġuni, jirrifjuta l-pass tal-ivvjaġġar tiegħu qabel ma l-kuntrattur maħtur mill-EACEA jkun ibbukkja l-pass tal-ivvjaġġar, postu jingħata lil xi ħadd ieħor mil-lista ta’ riżerva skont min ikun ġie l-aktar ’il quddiem fiha. L-applikanti magħżulin huma mitlubin ma jibbukkjaw xejn qabel ma jinfurmaw lill-kuntrattur.

Jekk membru ta’ grupp (min ikun qed imexxih jew membru) jirrinunzja għall-vjaġġ qabel ma l-kuntrattur tal-EACEA jkun ibbukkja l-pass tal-ivvjaġġar, din ir-rinunzja ma taffettwax lill-grupp kollu. Il-bqija tal-membri tal-grupp xorta jistgħu jivvjaġġaw kif ippjanat. Madankollu, il-persuna li tirrinunzja ma tistax tiġi sostitwita. Il-pass tal-ivvjaġġar żejjed jiġi attribwit lil persuna mil-lista ta’ riżerva skont min ikun ġie l-aktar ’il quddiem fiha.

Membri ta’ grupp eventwalment jistgħu jiddeċiedu li jivvjaġġaw fuq bażi individwali, u dan ma jaffettwax lill-grupp kollu.

Il-pass tal-ivvjaġġar ma jistax jiġi skambjat u ma jistax jiġi rimborżat. 

 

13. Force majeure

F’każ li vjaġġ jiġi interrott minħabba sitwazzjonijiet eċċezzjonali imprevedibbli jew avvenimenti lil hinn mill-kontroll tal-parteċipant u mhux attribwibbli għal żball jew negliġenza min-naħa tiegħu, jista’ jingħata pass tal-ivvjaġġar ġdid. L-EACEA u l-Kummissjoni Ewropea jivvalutaw dawk is-sitwazzjonijiet flimkien mal-kuntrattur fuq bażi ta’ każ b’każ.

 

14. Ir-rappurtar dwar il-vjaġġ

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tisma’ mingħand il-parteċipanti u se tħeġġeġ lill-vjaġġaturi żgħażagħ tad-DiscoverEU biex jaqsmu l-esperjenzi u l-avventuri tagħhom ma’ ħaddieħor. L-applikanti magħżulin se jsiru Ambaxxaturi tad-DiscoverEU għal din l-azzjoni. Huma jiġu mistednin jirrapportaw dwar l-esperjenzi tal-ivvjaġġar tagħhom, pereżempju permezz tal-midja soċjali, jew billi jagħtu preżentazzjoni fl-iskola jew fil-komunità lokali tagħhom. 

L-applikanti huma mistednin jingħaqdu mal-Grupp Uffiċjali tal-Facebook #DiscoverEU. Il-vjaġġaturi żgħażagħ se jkollhom ukoll jirrapportaw dwar l-esperjenzi tagħhom fi stħarriġ online li se jintbagħtilhom mill-kuntrattur tal-Kummissjoni Ewropea u l-EACEA wara l-perjodu tal-ivvjaġġar tagħhom. Malli jlestuh, il-vjaġġaturi jirċievu ċertifikat tal-parteċipazzjoni ġġenerat awtomatikament u li jenfasizza l-kompetenzi u l-ħiliet miksubin bis-saħħa tal-esperjenza tal-ivvjaġġar tagħhom.

 

15. Viża 

Skont iċ-ċittadinanza u l-itinerarju tal-ivvjaġġar ippjanat tagħhom (mhux fiż-żona Schengen), il-parteċipanti jista’ jkollhom bżonn viża waħda jew aktar. L-għoti tal-viża huwa fil-kompetenza tal-Istati involuti. Il-parteċipanti għandhom jiksbu l-informazzjoni meħtieġa minn sorsi uffiċjali u jagħmlu t-talbiet tagħhom mal-awtoritajiet responsabbli minn ħafna qabel. Il-ħruġ ta’ viża jista’ jieħu diversi ġimgħat u/jew xhur. Għalhekk, it-talbiet għal viża għandhom isiru aktar minn xahar qabel id-data ppjanata tal-ivvjaġġar. Il-pass tal-ivvjaġġar tad-DiscoverEU ma jerġax jiġi bbukkjat kaġun ta’ dewmien fil-ksib tal-viża, f’każ li l-applikazzjoni għal viża tkun saret anqas minn 4 ġimgħat qabel id-data tat-tluq u 8 ġimgħat qabel tmiem il-perjodu tal-ivvjaġġar. Il-kuntrattur se jipprovdi assistenza f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, hi r-responsabbiltà tal-parteċipanti li jkollhom id-dokumenti lesti qabel ma jivvjaġġaw.

Il-Kummissjoni Ewropea, l-EACEA, u l-kuntrattur mhumiex f’pożizzjoni li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-viża.

L-ispejjeż tal-ħruġ tal-viża jiġu koperti mid-DiscoverEU. 

Meta l-assigurazzjoni tas-saħħa tkun rekwiżit obbligatorju biex tinkiseb viża, din tiġi pprovduta mill-kuntrattur. L-ispejjeż relatati jiġu koperti mid-DiscoverEU.  

 

16. Assigurazzjoni

Il-parteċipanti jagħmlu tajjeb jekk jiksbu assigurazzjoni tas-saħħa u tal-ivvjaġġar xierqa għat-tul kollu tal-vjaġġ. Normalment tingħata kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa bażika mill-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali matul il-vjaġġ permezz tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa. 

Madankollu, jista’ jkun li l-kopertura tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa jew tal-assigurazzjoni tas-saħħa privata ma tkunx tinkludi l-każijiet kollha possibbli, speċjalment jekk tinqala’ l-ħtieġa ta’ ripatrijazzjoni jew ta’ intervent mediku speċifiku. F’dawn il-każijiet, nirrakkomandaw assigurazzjoni komplementarja.  

 

17. Dikjarazzjoni ta’ ċaħda tar-responsabilità

Il-Kummissjoni Ewropea, l-EACEA, u l-kuntrattur tagħha se jipprovdu biss il-passes tal-ivvjaġġar, il-kard tal-iskontijiet tad-DiscoverEU u, fejn applikabbli, l-ispejjeż tal-ħruġ tal-viża u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni relatati, kif spjegat hawn fuq. F’każijiet eċċezzjonali u jekk jiġu approvati minn qabel mill-EACEA, jistgħu jiġu kkunsidrati l-ispejjeż relatati ma’ bżonnijiet speċjali, mobbiltà mnaqqsa, interruzzjonijiet tal-ivvjaġġar minħabba force majeure, jew affarijiet simili. L-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, tas-sussistenza, tal-assigurazzjoni bażika, tas-supplimenti tal-ivvjaġġar, jew spejjeż oħrajn relatati mal-vjaġġ iridu jiġu koperti mill-applikanti magħżulin infushom.

Il-Kummissjoni Ewropea, l-EACEA, u l-kuntrattur tagħha mhumiex responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat jew imġarrab mill-parteċipanti, inkluż kwalunkwe dannu kkawżat lil partijiet terzi jew minnhom b’konsegwenza tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet sussidjati jew matulha.

Il-Kummissjoni Ewropea, l-EACEA, u l-kuntrattur tagħha mhumiex responsabbli għal kwalunkwe ħsara materjali, mhux materjali, jew fiżika mġarrba mill-parteċipanti jew, f’każ ta’ parteċipanti bi bżonnijiet speċjali, minn kwalunkwe persuna li tkun qed takkumpanjahom fil-vjaġġ tagħhom lejn id-destinazzjoni tagħhom jew matul iż-żjara tagħhom.

Il-vjaġġ mixtieq huwa suġġett għal restrizzjonijiet relatati mal-baġit, maż-żmien, u mad-disponibbiltà tal-passes tal-ivvjaġġar u tal-kards tal-iskontijiet. Għalhekk, jista’ jkun suġġett għal tibdil, u l-kuntrattur estern magħżul mill-Kummissjoni Ewropea u mill-EACEA ma jistax jiggarantixxi li l-vjaġġ mixtieq ikun jista’ jitwettaq.

L-applikanti magħżulin jagħmlu tajjeb jekk jiksbu assigurazzjoni tas-saħħa u tal-ivvjaġġar xierqa għat-tul kollu tal-vjaġġ. Normalment tingħata kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa bażika mill-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali matul il-vjaġġ tad-DiscoverEU permezz tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa. Madankollu, jista’ jkun li l-kopertura tal-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa jew tal-assigurazzjoni tas-saħħa privata ma tkunx tinkludi l-każijiet kollha possibbli, speċjalment jekk tinqala’ l-ħtieġa ta’ ripatrijazzjoni jew ta’ intervent mediku speċifiku. F’dawn il-każijiet, nirrakkomandaw assigurazzjoni komplementarja.

Il-Kummissjoni Ewropea u l-EACEA jirriżervaw id-dritt li jimmodifikaw ir-regoli stabbiliti fil-punti 10 u 11 fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali.

 

18. Liġi applikabbli

Din is-sejħa għall-applikazzjonijiet hija rregolata mil-liġi tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha l-ġuriżdizzjoni esklużiva biex tisma’ kwalunkwe tilwima li jista’ jkun hemm bejn l-Unjoni u kwalunkwe applikant jew parteċipant dwar l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni, jew il-validità tar-regoli ta’ din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, jekk tali tilwima ma tkunx tista’ tissolva b’mod amikevoli.

 

19. Protezzjoni tad-data

Id-data mitluba se tintuża biss biex l-applikanti jingħataw il-passes tal-ivvjaġġar, biex b’hekk ikunu jistgħu jaqtgħu l-biljetti tal-ivvjaġġar u jiġu pprovduti s-servizzi assoċjati mad-DiscoverEU, bħaċ-Ċiklu ta’ Tagħlim tad-DiscoverEU jew il-kampanji ta’ promozzjoni tad-DiscoverEU. F’dan il-każ, il-parteċipant jista’ jiġi kkuntattjat mill-Kummissjoni Ewropea u minn organizzazzjonijiet awtorizzati mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll mill-EACEA, mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Erasmus+, u mill-Eurodesk.

Kull data personali se tiġi pproċessata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-EACEA skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 (li jħassar ir-Regolament (KE) 45/2001) u skont in-“notifiki tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar” lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-Kummissjoni Ewropea (aċċessibbli pubblikament fir-reġistru tal-UPD). Tali data se tiġi pproċessata mill-“kontrolluri tad-data” tal-Kummissjoni Ewropea u mill-EACEA għall-finijiet tas-sejħa għall-applikazzjonijiet, u tal-implimentazzjoni u s-segwitu jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

L-Istqarrija ta’ Privatezza Speċifika tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u l-Avviż dwar il-Protezzjoni tad-Data tad-DiscoverEU jispjegaw lill-applikanti l-mod li bih l-inizjattiva tuża d-data personali u l-mod kif il-privatezza ta’ din id-data qed tiġi protetta. 

L-applikanti u l-parteċipanti għandhom id-dritt li jagħmlu rikors fi kwalunkwe ħin lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

 

20. Ilmenti

Fil-website tal-kuntrattur magħżul mill-Kummissjoni Ewropea u mill-EACEA biex jiġi organizzat l-ibbukkjar tal-ivvjaġġar se jkun hemm formola għall-ilmenti. L-applikanti magħżulin se jiġu infurmati dwar din il-possibbiltà meta jibbukkjaw il-passes tagħhom.

 

¹ L-oriġinal bl-Ingliż jipprevali fuq il-lingwi l-oħrajn kollha tradotti. L-istess japplika għal informazzjoni u dokumenti oħrajn tad-DiscoverEU ippubblikati fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

² Pass tal-ivvjaġġar huwa biljett li jippermetti li passiġġier jagħmel ċertu numru ta’ vjaġġi mixtrijin minn qabel jew vjaġġi mingħajr limitu f’perjodu ta’ żmien fiss f’żona ġeografika definita.

³ Żgħażagħ li japplikaw fil-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ jissejħu “applikanti”. Jekk l-applikazzjoni tagħhom tintlaqa’, dawn isiru “applikanti magħżulin”. Malli jibbukkjaw u jirċievu pass tal-ivvjaġġar, jitqiesu bħala “parteċipanti”. 

⁴ Meta applikanti/parteċipanti jkunu qed jaġixxu ta’ Ambaxxaturi tad-DiscoverEU, għandhom iżommu f’rashom li l-opinjonijiet li jesprimu jibqgħu tagħhom u m’għandhom bl-ebda mod jagħtu l-impressjoni li dawn il-fehmiet u l-opinjonijiet huma appoġġati jew approvati mill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, għandhom joqogħdu lura milli jaġixxu b’mod li jkun inkompatibbli mal-għanijiet u l-prinċipji tal-Unjoni Ewropea jew tal-programm DiscoverEU jew bi kwalunkwe mod li jkun illegali.

⁵ Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (‘Ir-Regolament Finanzjarju tal-UE’) (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024).

⁶ Ara Kwota għal kull pajjiż.