Ir-Rotta b’Sensazzjoni Tajba
Xi jfisser għalik li jkollok sensazzjoni tajba? Li tqatta’ l-ħin mal-familja u l-ħbieb, tidħak u taqsam l-ikel? Li tkun barra għall-arja friska? Li tippompja demmek meta timxi jew tiġri jew issuq ir-rota? Iż-żjarat fil-mużewijiet u l-galleriji, jew il-ħolqien tal-arti, il-mużika jew il-kitba tiegħek stess jagħtuk sensazzjoni tajba?
Hu importanti li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ xulxin u li nkunu konxji minn saħħitna u l-benesseri tagħna fl-aktar sens wiesa’. Dan ifisser li nagħtu kas ta’ dak li nieklu, inkunu attivi u nieħdu ħsieb il-benesseri emozzjonali tagħna. Fortunatament, l-Ewropa hi post tajjeb ħafna fejn tista’ tesplora b’mod attiv filwaqt li tforni lil ġisimna b’ikel bnin u tfornina bi ħsibijiet interessanti u b’dehriet stimulanti.
Ir-Rotta b’Sensazzjoni Tajba ta’ DiscoverEU hi bbażata fuq tipi differenti ta’ benesseri, magħżulin bir-reqqa biex turik postijiet interessanti fl-Ewropa, minn attrazzjonijiet kbar perenni bħal Pariġi sa postijiet anqas magħrufin bħal Aalborg jew Plovdiv. Mill-għawm fis-silġ f’Tampere sal-ipprovar tal-ikel tradizzjonali fi Brindisi sat-tagħlim ta’ sport uniku bħall-pelota f’San Sebastián, ir-Rotta b’Sensazzjoni Tajba ta’ DiscoverEU se tieħdok fuq avventura li tgħallmek kif tibqa’ b’saħħtek u tesperjenza l-pjaċiri tal-isport, l-ikel u l-kultura Ewropej waqt li tkun qed tivvjaġġa.
Agħżel li tivvjaġġa tul waħda mir-rotot sekondarji tagħna – kull waħda b’tema dwar aspett differenti tal-benesseri – jew sempliċement agħmel l-għażla tiegħek stess! Tkun xi tkun l-għażla tiegħek, se tiġi ttrattat għal varjetà ta’ għażliet biex tispira, tħajjar u tagħti spinta lix-xejriet tiegħek.
Xi wħud minn dawn id-destinazzjonijiet kienu l-ospitanti kburin tal-Logħob Olimpiku, huma rikonoxxuti bħala postijiet tajbin għall-mixi jew għaċ-ċikliżmu, filwaqt li oħrajn huma magħrufa għall-kultura rikka tal-ikel tagħhom jew ġew rikonoxxuti regolarment bħala l-“aktar henjin” fl-Ewropa. Se ssib ukoll bliet immarkati bit-tikketta tal-Premju Access City; Dawn huma bliet li għamlu l-almu tagħhom biex isiru aktar aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament mill-età, il-mobbiltà jew l-abbiltà ta’ dak li jkun.
Għalhekk, agħżel suġġett li jinteressak, u ibda esplora...!
