Meta tingħaqad mal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, se tintalab tikkonferma li inti taqbel u żżomm mal-Missjoni u l-Prinċipji tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Id-dettalji tiegħek imbagħad jinħażnu fis-sistema tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
< Bħala parti mill-proċess ta’ reġistrazzjoni se tintalab tagħti informazzjoni personali bażika, it-tip ta’ proġetti li int interessat fihom, u l-esperjenza u l-għarfien li tista’ twassal lill-proġetti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Wara dan, tintalab timla profil aktar iddettaljat, inkluż meta se tkun disponibbli biex tieħu sehem fil-proġetti. Tista’ taġġorna din l-informazzjoni f’kull ħin billi tilloggja fil-kont personali tiegħek tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.
L-organizzazzjonijiet li jkunu ġew awtorizzati biex imexxu proġetti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà se jkollhom aċċess għad-data tiegħek meta jfittxu voluntieri jew ħaddiema potenzjali għall-proġetti tagħhom. Jekk organizzazzjoni tikkuntattjak u toffrilek pożizzjoni fi proġett, mhux bilfors trid taqbel li taċċetta l-offerta tagħha - id-deċiżjoni li tingħaqad jew le fi proġett hi kompletament f’idejk.
Jekk tiddeċiedi li ma tridx tiġi kkunsidrat għall-proġetti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, fi kwalunkwe ħin tista’ tilloggja fil-kont personali tiegħek u, jew taħbi temporanjament il-profil tiegħek mill-organizzazzjonijiet, jew tħassar il-kont tiegħek kompletament. Tista’ tagħżel ukoll li tieqaf tirċievi emails u komunikazzjonijiet oħrajn.
