Skip to main content
1205384803 © Shutterstock – BabLab  1205384803 © Shutterstock – BabLab

Tħallix id-diżinformazzjoni tidħak bik ­ ara kif hawn!

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ġimgħa, 27/08/2021

“L-aħbarijiet foloz” jistgħu jinfirxu bħal nirien fil-foresti fuq il-media soċjali, u jalimentaw sterjotipi negattivi u tensjonijiet perikolużi. Agħti ħarsa lejn l-azzjoni tal-UE, kif ukoll lejn l-għodod u l-pariri biex jgħinuk tidentifika – u twaqqaf – informazzjoni falza jew qarrieqa.

Bil-mobile f’idejna, qatt ma kien aktar faċli li wieħed jibqa’ infurmat dwar x’inhu għaddej fid-dinja. 
Imma veru?

Hekk kif tgħarrex il-media soċjali u apps jew siti oħra, kun af li xi bċjjeċ minn dak li tara u taqra jistgħu jidhru perfettament leġittimi meta fil-fatt huma bil-maqlub.  
Fortunatament, mhux diffiċli li ssir konsumatur tal-aħbarijiet online aktar intelliġenti. Li trid tagħmel hu li tmur lura u taħsibha darbtejn qabel ma temmen – jew taqsam – l-istejjer.

Il-proġett FAKE OFF, kofinanzjat mill-programm Erasmus+ tal-UE, dan l-aħħar nieda app biex tixpruna l-intelliġenza online tiegħek. 
Disponibbli f’ħames lingwi, l-app hi magħmula minn kwiżż biex tittestja l-fehim tiegħek ta’ messaġġi manipulati u logħba ta’ ditektiv li ġġagħlek tindaga l-istejjer ippreżentati għal ħjiel li dawn il-messaġġi jisgtħu jkunu foloz. Iddawnlowdjaha b’xejn hawn jew hawn u ppruvaha!

Is-sħab tal-proġett qed jinnotaw li t-tfal u ż-żgħażagħ qed isiru dejjem aktar il-mira ta’ kampanji ta’ informazzjoni online li l-għanijiet tagħhom huma propagandistiċi u finanzjarji.
B'reazzjoni għal dan, dawn huma xi pariri ta’ FAKE OFF biex jgħinuk issib stejjer dubjużi fid-dinja diġitali:

  • Fittex isem il-kittieb u uża magna tat-tiftix biex tivverifika jekk il-persuna hix kredibbli; 
  • Oqgħod attent għal titli esaġerati – tħallix l-emozzjonijiet tiegħek itappnu l-ġudizzju tiegħek; 
  • URLs strambi, twal u mħarbtin huma sinjal ta’ twissija; 
  • Fittex links aktar affidabbli għall-fatti – taqax għal studji manifatturati;
  • Tinsiex li s-satira u l-parodija ta’ spiss jistgħu jidhru bħall-aħbarijiet foloz – dawn ikunu biss ċajta;
  • Għad għandek id-dubbji? Allura staqsi espert jew uża siti web li jivverifikaw il-fatti;
  • Kun konxju tal-preġudizzji tiegħek stess – huwa aktar probabbli li nafdaw dak li jaqbel mat-twemmin tagħna.

 

L-UE vs. il-fatti foloz

L-UE ħadet sensiela ta’ passi biex twaqqaf “fatti” foloz mill-ewwel. Dawn jinkludu avvenimenti ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha biex jagħmlu ż-żgħażagħ inqas suxxettibbli għall-falsitajiet li huma ppreżentati f’modi dejjem aktar sofistikati.
Eżempju ta’ dan huwa l-Forum taż-Żgħażagħ UE-Turkija f’Novembru 2019. Organizzata mid-delegazzjoni tal-UE għat-Turkija, il-laqgħa attirat mijiet ta’ studenti universitarji flimkien ma’ kelliema lokali u l-istilla tal-YouTube @ayketemas.

Sessjonijiet ta’ ħidma prattika u diskussjonijiet iffukaw fuq il-mod kif int tista’ tkun konsumatur intelliġenti tal-media u fuq kif l-iżvilupp tal-ħiliet tiegħek ta’ litteriżmu diġitali hu essenzjali biex jiġu miġġielda l-gideb u d-diżinformazzjoni. 
Il-parteċipanti kellhom jittestjaw il-pjattaforma Torka li tivverifika l-fatti online teyit.org – u tgħallmu kif jaqsmu l-informazzjoni b’mod kritiku.

 

Fittizju jew ta’ min jemmnu?

Sforzi oħra tal-UE biex tiġġieled l-inganni jinkludu t-twaqqif ta’ sistema ta’ twissija rapida, l-appoġġ għal media ħielsa u indipendenti, kooperazzjoni ma’ pjattaformi online ewlenin, l-iffaċilitar tax-xogħol tal-verifikaturi tal-fatti u l-identifikazzjoni – kif ukoll – it-tneħħija ta’ miti. 
Fost dawn hemm is-sit web EUvsDisinfo, li jfittex li jsaħħaħ il-kuxjenza pubblika u l-fehim tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni tar-Russja.

Tixtieq tibni r-reżistenza tiegħek u tiskopri x’inhu verament għaddej? Mela, għaċ-ċarezza dwar firxa sħiħa ta’ suġġetti, abbona fil-bullettin ta’ kull ġimgħa jew fittex fil-bażi tad-data tas-sit web, li dejjem qed tikber, għall-każijiet ta’ “diżinformazzjoni” favur il-Kremlin. Aqra dwar dak li ma seħħx fl-2019 – u ħafna aktar!