Skip to main content
© European Union © European Union

Tixtieq tgħin lill-oħrajn? Għaliex ma tagħmilx volontarjat fil-komunità tiegħek?

L-aħħar aġġornament sar fi Il-Ħamis, 03/02/2022

Għandek ħin liberu għad-dispożizzjoni tiegħek? Billi toffri xi ftit mill-ħin tiegħek, tista’ tikseb esperjenza utli, tiltaqa’ ma’ nies ġodda u tkun kburi li qed tagħmel xi ħaġa sinifikanti għall-komunità tiegħek.

Hemm għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet u inizjattivi li jiddependu fuq il-voluntiera, b’mod partikolari fuq iż-żgħażagħ biex jgħinuhom attivament. Kulħadd jista' jkun voluntier. Kull ma għandek bżonn huma motivazzjoni, kompassjoni u r-rieda għax-xogħol u li titgħallem mingħand in-nies fil-komunità.

Iddefinixxi l-għanijiet tiegħek

In-nies jiddeċiedu li jagħmlu volontarjat għal raġunijiet differenti, normalment biex iroddu xi ħaġa lura u jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor. Tista’ tagħmel volontarjat f’għadd ta’ oqsma bħalma huma l-indirizzar tal-problemi tal-persuni bla dar, id-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jew l-appoġġ lir-refuġjati. L-ewwel ħaġa li trid tagħmel hu li tiffoka fuq il-kawżi jew il-kwistjonijiet li huma importanti għalik. Pereżempju, jekk int ikkonċernat minn persuni bla dar, tista’ tagħmel volontarjat f’xelter lokali.

Għandek tikkunsidra wkoll il-ħiliet li għandek x’toffri. Għandek vokazzjoni ta’ għalliem, int mekkanik jew sempliċiment tmur tajjeb man-nies? Min jista’ jibbenefika minn dawk il-ħiliet? Ħafna mill-organizzazzjonijiet li qed ifittxu voluntiera jippretendu sett ta’ ħiliet speċifiku u naturalment doża tajba ta’ motivazzjoni mingħandek! 

Ma jimpurtax meta tiddeċiedi li tkun voluntier, jew x'tiddeċiedi li tagħmel, ix-xogħol jagħtik ħafna benefiċċji. Billi tkun voluntier, tkun qed tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-individwi u fil-komunità tiegħek. Ikollok iċ-ċans tiltaqa’ ma’ nies ġodda, filwaqt li tkabbar il-kuxjenza soċjali tiegħek. Anke siegħa fix-xahar hija biżżejjed biex toffri l-għajnuna prezzjuża tiegħek. 

Ara li l-affarijiet jitwettqu

Qabel ma tinvolvi ruħek ma’ organizzazzjoni, ara li tifhem din x’tirrappreżenta u x'qed tipprova tikseb. Skont l-interessi tiegħek, tista’ tagħżel l-organizzazzjonijiet u l-opportunitajiet l-aktar adatti għalik, ikkuntattjahom u agħmel il-parti tiegħek. 
Pereżempju, jekk int interessat fit-tibdil fil-klima, iċċekkja 350.org jew Greenpeace għal informazzjoni dwar kampanji u azzjonijiet eżistenti fid-dinja kollha. 

Xi ngħidu dwar l-għajnuna lir-refuġjati? Bl-influss dejjem akbar ta’ refuġjati lejn l-Ewropa, numru ta’ organizzazzjonijiet lokali qed jipprovdu diversi tipi ta’ appoġġ (tista’ wkoll tiċċekkja l-bażi tad-data tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà dwar dan is-suġġett). 
Jew il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni? Diversi movimenti jwettqu proġetti tajbin ħafna biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni bħal Amnesty International

Ma tistax issib l-organizzazzjoni li tindirizza l-problema li identifikajt? Għaliex ma tibdiex il-proġett tiegħek stess? Tista’ tiġbor il-ġirien tiegħek, studenti bħalek jew ħbieb biex torganizzaw attivitajiet fil-viċinat tiegħek, f’dar tal-anzjani, toħolqu ġnien tal-komunità, eċċ. Agħti daqqa t’għajn lejn il-Proġetti ta’ Solidarjetà, li jagħmlu parti mill-programm tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà! Ara li tiċċekkjahom u tikkuntattja lill-Aġenzija Nazzjonali tiegħek għall-appoġġ.

Qed tfittex ispirazzjoni?

Kull ma għandek tagħmel hu li tmur online u tiċċekkja l-attivitajiet ta’ volontarjat proposti mill-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ u fuq il-bażi tad-data tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Fuq il-Portal, se ssib ukoll stejjer minn żgħażagħ li qasmu l-esperjenza tagħhom ta’ volontarjat.

Tista’ wkoll tfittex diversi organizzazzjonijiet lokali jew fergħat lokali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Flimkien ma’ dawn l-opportunitajiet tal-UE, f’ħafna bliet għandek fergħat lokali ta’ movimenti internazzjonali li qed ifittxu l-voluntiera. Tista’ pereżempju tiċċekkja l-paġna nazzjonali ta’ dawk l-organizzazzjonijiet:

Ovvjament hemm ħafna aktar organizzazzjonijiet li qed ifittxu daqqa t’id minn żgħażagħ motivati. Tista’ tiċċekkja l-pjattaformi ġenerali bħal Meetup.com biex issib attivitajiet qrib tiegħek jew pjattaformi ta’ volontarjat (għal darb’oħra, iċċekkja l-pjattaformi nazzjonali).

Għaliex ma tagħmilx volontarjat f’pajjiż barrani?

Jekk tixtieq tingħaqad mal-għadd dejjem jikber ta' żgħażagħ li jagħmlu volontarjat fl-Ewropa u madwar id-dinja, hemm ħafna postijiet online fejn tista' tagħżel l-aqwa opportunità għalik!

Iż-żgħażagħ bejn il-17 u 30 sena jistgħu jirreġistraw għall-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà. Wara li tlesti proċess ta’ reġistrazzjoni sempliċi, tista’ tintgħażel u tkun mistieden biex tingħaqad ma’ firxa wiesgħa ta’ proġetti, bħal għajnuna f’ċentri għal dawk li jfittxu l-ażil, għajnuna biex tipprevjeni d-diżastri naturali jew biex tindirizza kwistjonijiet soċjali differenti fil-komunitajiet. Ir-reġistrazzjoni fil-Korp tippermettilek ukoll li proattivament tapplika għal opportunitajiet li jinteressawk.

Jeżistu diversi programmi ta’ volontarjat internazzjonali għaż-żgħażagħ li jippermettulek tingħaqad ma’ missjoni ta’ 6 sa 12-il xahar. Tista’ tkun fil-qasam soċjali, ambjentali, kulturali jew umanitarju. Fejn tfittex għal opportunitajiet tal-volontarjat: