Skip to main content
©Zhifei Zhou - Unsplash ©Zhifei Zhou - Unsplash

Festivals tal-films eċċellent fl-Ewropa

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 21/10/2020

Xi drabi la-la-land tista’ tidher ’il bogħod, iżda ma għandekx għalfejn tkun f’Hollywood biex tagħti lemħa lill-ħaġar prezzjuż ċinematografiku.

Xi wħud mill-aktar festivals taċ-ċinema internazzjonali importanti huma ospitati kull sena fl-Ewropa, x’aktarx viċin tiegħek.

Kien fit-28 ta’ Diċembru 1895 fil-Grand Café f’Pariġi, meta żewġ aħwa ta’ 33 u 31 sena, ospitaw l-ewwel skrinjar pubbliku ta’ 10 films qosra, li damu madwar 50 sekonda l-wieħed. Kunjomhom kien Lumière, u f’dak il-waqt in-nies kienu xhieda tal-bidu ta’ epoka, it-twelid taċ-ċinema.

Għaddew aktar minn 120 sena u l-arti ċinematografika, fil-forom u x-xiftijiet kollha tagħha, tokkupa post ċentrali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Il-ġelu fuq il-kejk, il-mod perfett biex tesperjenza film, hu billi tattendi festival tal-films innifsu. Le, m’hemmx bżonn taqsam l-oċean biex tagħmel dan, fl-Unjoni Ewropea, tista’ ssib il-crème de la crème.

Ikun xi jkun il-perjodu li qed tippjana vjaġġ barra pajjiżek, agħmlu fl-istess waqt li fih isir festival tal-films internazzjonali. Għal dawk li jħobbu s-seba’ arti, hawn huma 7 festivals tal-films imferrxin fil-kontinent kollu li ma għandekx titlifhom!

Tibda s-sena fuq sieq tajba bil-Festival Internazzjonali tal-Films ta’ Rotterdam, li jsir kull Jannar fin-Netherlands. Il-logo tiegħu hu tigra stilizzata u jiffoka fuq stili ta’ films indipendenti u innovattivi.

Il-Festival tal-Films Internazzjonali ta’ Berlin, magħruf ukoll bħala l-Berlinale, ilu jsir kull Frar fil-belt kapitali Ġermaniża mill-1978 ’l hawn. Hu wieħed mit-tliet festivals taċ-ċinema internazzjonali ewlenin flimkien ma’ Cannes u Venezja u kull edizzjoni tgħodd madwar 400 film fil-kompetizzjoni, li jippruvaw jirbħu l-premju mixtieq tal-Golden Bear, simbolu tal-belt.

Post b’temp (u f'perjodu tas-sena) aħjar għall-Festival ta’ Cannes, li għandu l-għeruq tiegħu fis-snin 30 iżda li beda proprjament fl-1947. Fl-2019, il-festival laħaq it-72 edizzjoni tiegħu, li tat, il-Palme d’Or, lid-direttur tal-Korea t’Isfel Bong Joon-Ho għall-film innovattiv tieħgu Parasite. Film li aktar tard rebaħ l-Oscar 2020 għall-Best Picture, bħala l-ewwel film mhux bl-Ingliż.

Kif nafu lkoll, iċ-ċinema tinvolvi wkoll il-cartoons u t-tekniki ta’ moviment eċċellenti. Post famuż biex tesplora din it-tematika hu Annecy (Franza) f’Ġunju, matul il-Festival Internazzjonali tal-Films ta' Animazzjoni ta’ Annecy. Clay-motion, immaġinarju ġġenerat bil-kompjuter u ħafna aktar, ilkoll murijin fuq l-iskrin fl-arja aperta.

Din iż-żiffa sajfija u artistika tkompli bil-Festival Internazzjonali tal-Films ta’ Karlovy Vary fiċ-Ċekja, imwaqqaf fl-1946. Waqt il-festival tal-films l-aktar prestiġjuż fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, jingħata Globu tal-Kristall lil personalità ewlenija fid-dinja taċ-ċinema.

Settembru dejjem jirrappreżenta listi ta’ riżoluzzjonijiet (jekk dawk tal-Ewwel tas-Sena ma jaħdmux tajjeb wisq), bidu ġdid u ħafna ċinema. L-eqdem festival tal-films fl-Ewropa jseħħ bejn l-aħħar ta’ Awwissu u l-bidu ta’ Settembru fil-laguna Venezjana (l-Italja) fil-qafas tal-Biennale ta’ Venezja, dan hu l-Festival tal-Films ta’ Venezja. Il-premju rebbieħ illum hu l-Iljun tad-Deheb iżda matul id-dittatorjat faxxista, ir-rebbieħa kienu jingħataw l-hekk imsejħa Coppa Mussolini.

Il-Festival tal-Films Internazzjonali ta’ San Sebastián isir tard f’Settembru fil-Pajjiż Bask, fit-Tramuntana ta’ Spanja. Maħluq fis-snin 50, il-festival oriġinarjament kellu l-għan li jippromwovi l-films Spanjoli iżda wara ddeċieda li jiftaħ għas-suq internazzjonali u intergalattiku, fil-fatt fl-1977 hu ospita l-première Ewropew ta’ Star Wars.

Xi drabi, mhux biżżejjed li tmur b’mod kompulsiv għall-festivals tal-films u jista’ jkun tixtieq tistabbilixxi festival f’pajjiżek, fir-reġjun jew għaliex le, f’villaġġ żgħir minsi mid-dinja. F’dan ix-xenarju, din l-inizjattiva tal-Ewropa Kreattiva tista’ tkun partikolarment attraenti jekk tkun qed tfittex għotja.

U kif tisma’ eżatt qabel l-iskrinjar... grazzi u l-viżjoni t-tajba!