Skip to main content
© European Union © European Union

Inħobbu l-ambjent

L-aħħar aġġornament sar fi L-Erbgħa, 04/11/2020

L-azzjoni klimatika, l-ambjent u l-protezzjoni tan-natura qed isiru dejjem aktar suġġetti popolari tal-Korp. Mill-2017 aktar minn 1,100 proġett li jindirizzaw il-klima, l-ambjent u l-protezzjoni tan-natura ġew iffinanzjati bl-involviment ta’ aktar minn 7,500 parteċipant.

Qed tfittex li tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika u l-protezzjoni tal-ambjent permezz ta’ opportunitajiet ipprovduti mill-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà? Fittex proġetti li jittrattaw dawn is-suġġetti fid-dashboard tiegħek jew stabbilixxi proġett “ekoloġiku” ta’ solidarjetà int stess! 

Bi pjaċir nippreżentawlkom xi wħud mill-proġetti li jittrattaw kwistjonijiet ekoloġiċi: 

Il-parteċipanti tar-“Repair Café” f’Tartu, l-Estonja jagħtu ħajja ġdida lil oġġetti domestiċi miksura. Fil-“Climate Awareness” fl-Iżvezja, il-voluntiera jgħinu fit-tkabbir tal-ikel organiku, jirrestawraw il-bijodiversità u joħolqu pajsaġġi li jittieklu f’ekovillaġġ. L-“Urban Ecology” fil-Bulgarija jiffoka fuq is-sensibilizzazzjoni u joffri mudelli sostenibbli għall-protezzjoni ambjentali u stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa f’Varna. Il-proġett ta’ solidarjetà “Wintertide” kellu l-għan li jirkupra żona kostali naturali qrib iċ-ċentri urbani ta’ Trani u Barletta fl-Italja. 

Aqra dwar dawn il-proġetti f’din l-iskeda informattiva u għall-ispirazzjoni fittex għal aktar proġetti ffinanzjati dwar is-suġġetti ta’ interess tiegħek fil-bażi tad-data tal-proġetti tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.