L-ebda vjaġġatur li jkun qed jesplora l-Ewropa ma jista’ jonqos milli jżur il-belt kapitali Awstrijaka, Vjenna, li hija magħrufa fost l-oħrajn għall-palazzi indurati bid-deheb u għar-residenti famużi tagħha (li kienu jinkludu l-ġenju mużikali Mozart, id-duo tad-drum and bass Camo & Krooked, u l-istilla ta’ Hollywood Christoph Waltz). Il-belt għandha ’l fuq minn 2,000 park u ġnien, li tista’ żżurhom fil-kumdità tiegħek billi tagħmel użu mill-1,400 km ta’ mogħdijiet għaċ-ċiklisti li hemm fil-belt. Għall-vjaġġaturi aktar avventurużi, il-Wienerwald, żona ta’ msaġar protetta mill-UE bħala sit tan-Natura 2000, ukoll ma tinsabx ’il bogħod.
ll-belt kapitali tas-Slovakkja, Bratislava, li forsi hija ddefinita l-aħjar mill-kastell rettangolari, imponenti, u leġġendarju tagħha, għandha ħafna x’toffri lill-vjaġġaturi. Il-belt, li tinsab bejn ix-xmara Danubju u l-Muntanji Karpazji ż-Żgħar, darba ġiet ivvutata bħala t-tielet l-aktar belt ekoloġika fid-dinja – wara Auckland u Reykjavik. Bratislava qed issir ukoll aktar reżiljenti għall-klima billi timmaniġġja aħjar l-ilma tax-xita, tibni soqfa ħodor, u tiżgura li ċ-ċittadini jżommu ruħhom friski f’każ ta’ mewġa tas-sħana. L-isfida tagħna għal fotografi li qed jipparteċipaw fid-DiscoverEU: itla’ fuq nett tal-kastell ta’ Bratislava u iġbed l-aħjar ritratt possibbli – tieħu punti bonus għal kull park u saqaf aħdar li ġġib jidhru! Tinsiex tixxerjah fuq l-Instagram bl-użu tal-hashtag #DiscoverEU.
Fil-belt fejn tgħix kemm huwa faċli li tmur fejn ikollok bżonn bil-mixi? X’jista’ jikkonvinċik tmur bil-mixi fl-inħawi fejn toqgħod, minflok tuża l-karozza jew it-trasport pubbliku? Din hija mistoqsija li qed jagħmlu fil-belt Ungeriża ta’ Nyíregyháza. Il-proġett “CityWalk”, li hu ffinanzjat mill-UE, huwa bbażat fil-belt u għandu l-għan li jagħmel it-toroq lokali aktar “tajbin għall-mixi”. B’dan il-mod, il-proġett għandu l-għan li jnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.
Għal atmosfera kreattiva u kulturali, Cluj-Napoca huwa l-post ideali. Aktar minn hekk, il-belt hija impenjata li tagħmel it-trasport pubbliku tagħha ekoloġiku għar-residenti u għall-viżitaturi. Il-belt użat fondi tal-UE biex timmodernizza n-network tat-trammijiet u b’hekk irduppjat il-veloċità tagħhom u tejbet l-ispazji ħodor mar-rotta minn fejn jgħaddu. Il-belt iddikjarat ukoll li l-vetturi elettriċi biss se jingħataw liċenzji tat-taxi, u dan jagħmel l-esplorazzjoni tal-belt aktar sostenibbli. Il-parir ewlieni tagħna: aqbad tramm lejn Opera Maghiara Est – hawnhekk se ssib il-Park Ċentrali ta’ Cluj-Napoca, li fih funtani sbieħ u lag pittoresk.
Il-belt Transilvanjana ta’ Brașov, magħrufa wkoll bħala l-“Belt Kapitali Ekoloġika” tar-Rumanija, kienet waħda mill-ewwel firmatarji tal-Patt tas-Sindki, programm tal-UE li għaqqad flimkien lill-gvernijiet lokali madwar l-Ewropa biex jieħdu azzjoni kontra t-tibdil fil-klima. Il-belt tinsab fid-dell tal-muntanja impressjonanti Tâmpa, quċċata għolja ħafna li ntgħażlet mill-UE bħala riżerva naturali tan-Natura 2000 biex jiġu protetti l-għasafar rari, iċ-ċingjali, l-orsijiet, u l-friefet. Aqbad funikular u itla’ sal-quċċata u pprova ara tilmaħx l-ittri “BRAŞOV” mal-ġenb tal-muntanja – ir-risposta tal-Ewropa lil Hollywood!
Ix-xmara Danubju tibda fil-Ġermanja u sserrep minn partijiet oħrajn tal-Ewropa qabel ma titbattal fil-Baħar l-Iswed. Il-belt Rumena ta’ Tulcea tinsab fuq id-delta pittoreska tad-Danubju, post tan-Natura 2000 li hu protett mill-UE. Żur din il-belt u ara l-fawna selvaġġa unika, jew agħmel xogħol volontarju biex ix-xtut tad-Danubju jinżammu ndaf.