Il-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President
Iż-żgħażagħ għandhom rwol ewlieni biex insawru l-ġejjieni tal-Ewropa. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata li tikkonsulta maż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet li jaffettwawhom u li tintegra l-perspettiva tagħhom f’inizjattivi ġodda. Il-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President tnieda mill-President von der Leyen permezz tal-Linji Gwida Politiċi għall-mandat 2024–2029 u ġie stabbilit bħala grupp ta’ esperti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ġunju 2025. It-twaqqif tal-Bord huwa pass importanti ’l quddiem għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-ogħla livell politiku.
X’inhu l-iskop tal-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President?
L-għan tal-Bord huwa li jagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-aktar kwistjonijiet importanti għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa, u li jservi bħala grupp konsultattiv għall-ideat żviluppati mill-Kummissjoni. Il-kompiti ewlenin tiegħu jinkludu:
- L-identifikazzjoni tal-isfidi li jiffaċċjaw iż-żgħażagħ minn kuntesti differenti;
- L-għoti ta’ pariri lill-Kummissjoni, abbażi ta’ għarfien miksub mingħand iż-żgħażagħ;
- L-għoti ta’ fehmiet dwar strateġiji politiċi u inizjattivi eżistenti u proposti tal-Unjoni sabiex jiġu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ;
- L-iffaċilitar tal-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u ż-żgħażagħ fl-Istati Membri kollha tal-UE;
- L-iżgurar li fl-istrateġiji politiċi u l-inizjattivi tal-Kummissjoni jingħata kas tad-drittijiet u l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ kollha;
- Il-promozzjoni ta’ ħidmet il-Bord billi jiġu kondiviżi messaġġi ewlenin fin-networks tar-rappreżentanti żgħażagħ.
Min qiegħed fil-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President?
Il-Bord jiġbor flimkien żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-28 sena mill-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Istati Membri tal-UE u mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Il-Kunsilli Nazzjonali taż-Żgħażagħ, li jlaqqgħu flimkien diversi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u individwi, jiġbru r-rispons mingħand diversi żgħażagħ u għandhom rwol ewlieni fit-tfassil tal-istrateġiji politiċi dwar iż-żgħażagħ fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE. F’konformità mal-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tħejji lill-pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-Unjoni, l-organizzazzjonijiet immexxijin miż-żgħażagħ minn dawk il-pajjiżi jistgħu jiġu mistednin jissieħbu bħala osservaturi.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, tippresiedi l-laqgħat tal-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President.
- L-ewwel laqgħa – 3 ta’ Diċembru 2025, Brussell
Suġġett: Il-midja soċjali u ż-żgħażagħ
Id-dokumenti rilevanti tal-Bord Konsultattiv taż-Żgħażagħ għall-President huma disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.